Meta fil-Parlament Adrian Delia talab li jsir dibattitu b'”ċerta” urġenza dwar ir-rapport Greco, Chris Fearne wieġbu li n-naħa tal-gvern tkun lesta tiddibatti l-ħasil tal-flus meta jkun irid. M’għandniex xi ngħidu, ir-rapport Greco ma ttrattax dwar il-ħasil tal-flus. Dan is-suġġett ġie trattat fir-rapport Moneyval u dan għad irid jixxandar.
Ma ġara’ xejn. B’diskorsu Chris Fearne ħataf l-opportunità biex il-kritika diretta mir-rapport Greco għal fuqu u għal fuq il-kollegi tiegħu jilqa’ għaliha permezz ta’ rimarka malinja dwar transazzjonijiet suspettużi li kien imdaħħal fihom Adrian Delia fl-imgħoddi.
Rajna minn dawn ix-xeni fil-laqgħa ta’ dalgħodu tal-Kunsill tal-Ewropa. Id-dibattitu kien dwar rapport ieħor li għadu ma ħariġx: dak dwar jekk il-gvern huwiex tassew interessat li jara li toħroġ il-verità kollha dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Jason Azzopardi lil Owen Bonnici staqsih biex jikkummenta dwar il-kampanja ta’ mibgħeda u ta’ żeblieħ li l-partit tiegħu kien għamel kontra Daphne Caruana Galizia u Owen Bonnici wieġeb billi sfida lil Jason Azzopardi jitlob lil Adrian Delia jgħid għala kien għajjar lil Daphne Caruana Galizia “biċċa blogger”.
M’għandniex xi ngħidu, battibekki “tu quoque” bħal dawn huma irrilevanti iżda huma effettivi għaliex huma diretti lejn udjenza lokali li donnha tippreferi tara politiċi ta’ bla sugu li jibqgħu ċassi fil-konfront tal-korruzzjoni sfaċċata tal-kollegi tagħhom.
Inċidentalment Jason Azzopardi huwa wieħed mill-eċċezzjonijiet – wieħed minn ftit ħafna – li konsistentement jesprimi b’mod qawwi l-oppożizzjoni tiegħu għall-korruzzjoni, tkun ġejja minn fejn tkun ġejja. Minkejja s-skiet li jtarrax ta’ sħabu, tkellem – prattikament waħdu – biex jikkritika lil Kristy Debono u lil Herman Schiavone talli dawn taw daqqa ta’ ħarta lill-kapaċità tal-PN li jikkritika l-korruzzjoni.
Dwar dan nitkellmu aktar ‘il quddiem.
Li nixtieq nemfasizza hu li l-gvern qed jisfrutta d-dgħjufijiet tal-partit fl-oppożizzjoni u dan qed ikollu effett doppju. Kif diġà spjegajt, l-ewwel effett hu l-mod kif jipprova jiddevja argument. It-tieni konsewenza li hi aktar gravi hi lin-nies qed iġiegħelhom jaqtgħu qalbhom li s-sitwazzjoni għad titjieb.
Kif igħid Red f’Shawshank Redemption, it-tama hi perikoluża. Għaliex għal dak il-poplu li jkun jixtieq bidla fil-gvern, it-tama li l-gvern jista’ jinbidel tgħinu jirsisti aktar biex isseħħ bidla. Iżda jekk il-gvern jirnexxielu jikkonvinċik li s-sitwazzjoni ma tistax tkun aħjar milli hi llum, kemm ikun vallapena li tirsisti biex isseħħ bidla?
Joseph Muscat għandu tweġiba f’waqtha għall-mistoqsija: ‘x’se tirbaħ billi tneħħi lil Muscat u ttella’ lil Delia floku?’ Tabilħaqq, ma jkun hemm ebda akkwist.
Il-gvern jaf li ħadd, lanqas persuna waħda, ma jemmen fil-fond ta’ qalbu li Joseph Muscat u l-klikka ta’ madwaru m’humiex korrotti. Iżda l-gvern jaf ukoll li dejjem ser ikun hemm uħud li għalihom dan m’huwiex sewwa.
Għalkemm dawn jinsabu f’minoranza, wħud minn dawn qatt m’huma se jaslu li jaċċettaw il-korruzzjoni tas-setgħana kemm il-darba ħaddieħor ikun jista’ jikkuntenta bil-frak.
Hija għal din ir-raġuni li gvern qed jara kif jagħmel biex joqtol it-tama li jista’ għandha din il-minoranza. U jidher li qed jagħmel sforz biex jirnexxielu.