Stqarrija ta’ Repubblika:
Repubblika għamlet protesta ġudizzjarja fil-Qorti fejn talbet li l-Gvern jiffriża l-ħatriet u l-promozzjonijiet fil-ġudikatura sakemm jittieħdu sew miżuri li jassiguraw indipendenza ġudizzjarja.
L-indipendenza ġudizzjarja mhijiex biss dritt tal-imħallfin. Hi dritt uman ta’ kull wieħed u waħda minna, imħares mill-Konvenzjoni Ewropea, li jiggarantilna smiegħ xieraq imħares mill-indħil politiku.
Il-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa sabet li r-riformi li għamel il-gvern fl-2016 fil-mod kif jinħatru l-ġudikanti “hu pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda mhumiex biżżejjed biex jassiguraw l-indipendenza tal-ġudikatura. Hemm bżonn li jittieħdu passi oħra. Il-prinċipju tal-indipendenza tal-ġudikatura jeħtieġ li l-għażla tal-imħallfin u l-maġistrati ssir skond il-mertu u jkun eskluż kull indħil politiku.”
Il-Kummissjoni Venezja qalet li “l-Prim Ministru m’għandux ikollu l-poter li jindaħal fil-ħatriet tal-Imħallfin u l-Maġistrati. Jekk ikun hekk, jinfetaħ il-bieb għal indħil politiku potenzjali, li mhux kompatibbli ma’ dak li llum nifhmu li għandha tkun l-indipendenza tal-ġudikatura.”
Mill-2013 ‘l hawn il-gvern mela l-ġudikatura b’persuni maħtura għal raġunijiet politiċi, ħafna minnhom veterani b’karrieri fil-Partit Laburista. Dawwar lura d-deċiżjoni li tittawwal l-eta’ tal-pensjoni tal-ġudikanti biex ifittxu jinbidlu dawk li kien hemm b’oħrajn ġodda.
U meta kontra qalbu aċċetta li hemm bżonn riformi biex ma tkomplix il-politiċiżżazzjoni tal-ġudikatura, il-gvern ħabbar li se jibqa’ għaddej bl-orġja ta’ ħatriet biex jassigura kontroll politiku tal-ġudikatura li mbagħad jagħmel permanenti l-lealta’ politika għall-interessi tal-Partit Laburista anke wara li tingħata l-awtonomija lill-ġudikatura li wara riforma taħtar membri ġodda.
Il-Kostituzzjoni tagħna tgħid li Malta hi demokratika u ma jistax ikun hemm demokrazija mingħajr indipendenza ġudizzjarja.
F’dan il-kuntest, il-liġi tal-Unjoni Ewropea ma tistax tkun infurzata b’mod ġust u l-istati membri l-oħra tal-UE ma jistgħux jistrieħu fuq il-Qrati Maltin li jimplimentaw il-liġi Ewropea b’mod indipendenti skond l-istandards oġġettivi mistennija mill-Qrati kollha fl-Ewropa. Hu għalhekk li l-falliment li tingħata garanzija t’indipendenza ġudizzjarja hu ksur tal-liġi Ewropea u qed infakkru lill-Qrati li jistgħu – u jmisshom – ifittxu ‘ruling’ mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar din il-materja.
Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qed tikkunsidra l-każ simili tal-Polonja li ħadet miżuri biex trażżan l-indipendenza ġudizzjarja u l-Qorti ordnat lill-Polonja tiffriża l-ħatriet fil-ġudikatura sakemm tiddeċiedi dwar il-merti tal-każ.
Bħala Repubblika nirrikonoxxu s-serjeta’ ta’ dak li qed nitolbu. Nistennew li xi ħadd se jfakkarna li l-Prim Ministri kollha ta’ Malta fl-imgħoddi kellhom diskrezzjoni sħiħa fuq kif jagħżlu l-imħallfin. Għalfejn nilmentaw issa?
Għax “dak li llum nifhmu li għandha tkun l-indipendenza tal-ġudikatura,” fi kliem il-Kummissjoni Venezja, evolva, iżda l-opportunita’ tar-riforma tal-2016 intilfet u s-sistema iżżomm (anzi tagħti wiċċ ta’ leġittimita’) id-diskrezzjoni sħiħa tal-Prim Ministru. Dak li seta’ kien aċċettabbli fl-imgħoddi, illum m’għadux.
Għax il-ħatriet ta’ politiċi anzjani tal-Partit Laburista, uffiċċjali, kandidati, qraba u ħbieb mill-2013 ‘il hawn jammontaw għal indħil politiku konxju u programmat li wassal għal żbilanċ — fil-perċezzjoni u aktarx fir-realta’ — fil-ġudikatura.
Għax ir-riformi li ntrabat li jdaħħal il-gvern, jekk jiddaħħlu wara li jintilef għal dejjem il-bilanċ, jagħmel ta’ dejjem id-dominanza tal-interess partiġġjan tal-Partit Laburista u ma tissewwa qatt il-fiduċja mitlufa fl-indipendenza tal-ġudikatura.
La l-gvern kellu jirrikonoxxi li hi meħtieġa riforma wara r-rapport tal-Kummissjoni Venezja, għandu jibda l-proċess ta’ dik ir-riforma qabel jinħatru ġudikanti b’sistema ġdida, ġusta, demokratika u indipendenti.
Se jgħidulna li la l-poter li qed nikkontestaw hu tal-Prim Ministru, din hi kwistjoni politika li għandha tkun diskussa f’kuntest politiku, mhux fil-Qorti. M’hemmx dubju li għandha tkun diskussa f’kuntest politiku wkoll imma, bħal dejjem, aħna ffrustrati bl-intenzjoni ċara tal-gvern li jinjora kull fehma li mhix konsistenti mal-ħatfa ostili li qed iwettaq fuq l-istituzzjonijiet Maltin.
Naħsbu wkoll li huwa d-dmir u d-dritt tal-ġudikatura li tipproteġi l-indipendenza tagħha. Biex tagħmel hekk trid titqiegħed id-domanda quddiem Qorti li azzjoni partikolari tal-fehra Eżekuttiva qed tgħaffeġ l-indipendenza tagħhom. L-Imħallfin u l-Maġistrati huma mistennija jgħassu s-saltna tad-dritt imma kif qal l-ex Prim Imħallef Silvio Camilleri 18-il xahar ilu f’diskors illum famuż, dawn jistgħu biss jinfurzaw il-liġi fil-każijiet li jinġiebu quddiemhom.
Qegħdin għalhekk inpoġġu quddiemhom il-mistoqsija dwar l-indipendenza tagħhom stess u nitolbuhom jassiguraw li ladarba l-Eżekuttiv mhux jirrispetta l-indipendenza tal-Ġudikatura trid tkun il-Ġudikatura li tassigura li tagħmel dan.