Stqarrija ta’ Repubblika:
Repubblika tesprimi sodisfazzjon li l-Maġistrat Doreen Clarke laqgħet it-talba tal-organizzazzjoni tagħna biex issir inkjesta dwar l-iskandlu Panama Papers biex jinġabru l-provi fir-reat li aħna qed ngħidu twettaq minn Konrad Mizzi, Keith Schembri, Brian Tonna, Karl Cini u Mario Pullicino.
Il-Maġistrat qablet li:
- Ippreżentajna dokumentazzjoni li tagħti kreddibilita’ lill-allegazzjonijiet tagħna;
- Hu ġustifikat skond il-liġi li jinġabru l-provi f’dan il-każ;
- M’hux ir-rwol tagħna (jew tal-Maġistrat) li tistabilixxi u tipprova l-ħtija imma teżisti informazzjoni soda biż-żejjed biex timmerita inkjesta.
Repubblika hi sodisfatta wkoll li ġiet respinta t-talba ta’ Konrad Mizzi biex ma tiħux id-deċiżjoni li tinfetaħ inkjesta sakemm jinstema’ l-każ li għamel fil-Qorti Kostituzzjonali biex jgħid li inkisrulu d-drittijiet tiegħu.
Repubblika tinnota l-istqarrija tal-Gvern tal-lum li fi ftit kliem qed tippreżenta din id-deċiżjoni bħala xi rebħa għal Konrad Mizzi u Keith Schembri u xi telfa għal Simon Busuttil (li għamel rikors bħal tagħna) u għal Repubblika (avolja il-Gvern ma jindenjax ruħu jsemmina).
Repubblika tifhem li l-Gvern juri disprezz lis-soċjeta’ ċivili. Ma nippretendux aħjar.
Imma nuru l-għadab tagħna li l-Gvern juri disprezz lill-Qorti billi jikkwotha ħażin u jiżvijja lill-pubbliku.
Il-Maġistrat Doreen Clarke illum iddeċidiet li hu prattiku li l-inkjesta dwar il-Panama Papers, minħabba li xi aspetti tagħha diġa’ qed jiġo koperti f’inkjesta ta’ Charmaine Galea, din ta’ l-aħħar tkun il-Maġistrat inkwirenti f’dan il-każ.
Din hi deċiżjoni prattika li ma tnaqqas xejn mir-realta’ sempliċi u skomda għall-Gvern tad-deċiżjoni tal-Maġistrat Clarke: il-bieraħ Konrad Mizzi u Keith Schembri ma kinux suġġetti t’inkjesta kriminali. Illum huma. Din hi l-ewwel darba wara 3 snin li Keith Schembri u Konrad Mizzi huma fl-aħħar suġġetti għal investigazzjoni ordnata minn Maġistrat dwar korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
Kuntrarju għal dak li għamel il-Gvern, Repubblika qed tippubblika d-deċiżjonijiet tal-lum tal-Maġistrat Doreen Clarke li jikkonfermaw il-verita’ ta’ dak li qed tistqarr Repubblika u l-qerq tal-Gvern.
Il-fatt sempliċi hu li għal dawn l-aħħar tlett snin Konrad Mizzi, Keith Schembri u l-oħrajn għamlu minn kollox biex jevitaw id-deċiżjoni tal-lum.
Għandna nifhmu issa li l-Gvern qed jgħid li ma nbidel b’xejn minn din id-deċiżjoni li Konrad Mizzi, Keith Schembri u l-oħrajn mhumiex se jappellaw mid-deċiżjonijiet tal-Maġistrat Doreen Clarke u Konrad Mizzi se jerġa’ jirtira l-kawża Kostituzzjonali tiegħu.
La skond il-Gvern din mhix deċiżjoni li tagħti raġun l-appell ta’ Repubblika, allura għandu issa jħalliha tiġi implimentata.
Repubblika tixtieq biss li jinżammu l-provi li Konrad Mizzi u Keith Schembri u min għenhom wettqu korruzzjoni u reati oħra marbuta mal-uffiċju tagħhom.
Intant intennu l-appell tagħna lill-Pulizija li, anke jekk tlett snin tard, jibdew huma wkoll l-investigazzjonijiet meħtieġa.
Intennu wkoll li Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jirreżenjaw immedjatament u magħhom Joseph Muscat li sal-istqarrija qarrieqa tal-lum qed jipproteġihom.