“Malta f’qalbna,” qalilna Joseph Muscat.

Din x’aktarx hi r-raġuni għala ċ-chief of staff tiegħu u l-Ministru favorit tiegħu ħolqu strutturi fil-Panama, fi New Zealand, f’Dubai, fil-British Virgin Islands u f’repubbliki tal-banana oħrajn biex jaħbu ġidhom.

Tal-Labour, it-tema tal-kampanja tagħhom iridu jpinġuha bħala waħda pożittiva iżda fil-fatt hi waħda negattiva għall-aħħar u hi msejsa fuq kampanja bla waqfien li ilha sejra xhur u ġimgħat sħaħ li baqgħet tixli bħala traditur ta’ pajjiżu u bħala lagħqi tal-barrani lil kull min m’huwiex fuq in-naħa tagħhom.

Dan m’hu xejn ħlief patrijottiżmu falz u maqlub apposta ta’ taħt fuq biex jiġu kalunjati l-avversarji politiċi u biex jittimbrawhom bħala Ġakbini li jikkoperaw mal-għadu.

Tal-Partit Demokratiku qed isostnu li din it-tema ġiet ikkupjata minn dik tagħhom li ġġib l-isem “pajjiżna f’qalbna”. X’aktarx ma kienu jgħidu xejn li kieku tal-Labour, b’mod mill-aktar pervers biex ixejnu l-effett mixtieq tal-PD, ma qalbux is-sinjifikat tat-tema ta’ taħt fuq. B’tema bħal din tal-PD riedu jfissru li, tkun xi tkun l-imġieba u l-politika tagħhom, il-pajjiż jiġi dejjem qabel l-interessi politiċi dojoq tagħhom.  Jiġifieri li l-kritika li jagħmlu, jagħmluha għax iħobbu lil pajjiż u mhux biex imaqdruh.

Il-patrijottiżmu tal-Labour qed jitpinġa f’kuntrast ma’ dawk li, skont hu, huma neqsin minnha. Ma naħsibx li huma tal-PD li jinsabu fil-mira ta’ Joseph Muscat.

Lejlet l-elezzjonijiet Ewropej, ma nistax ma niftakarx fid-determinazzjoni li kellu Joseph Muscat qabel l-elezzjoni ta’ Ġunju 2017 mhux biss li jirbaħ iżda wkoll li jelimina mix-xena żewġ xewkiet kbar, jiġifieri Daphne Caruana Galizia u Simon Busuttil. Proprju issa, Joseph Muscat jinsab kuntent b’Oppożizzjoni li xejn m’hi tħabbtu. Ċertament jirvella meta l-bqija tad-dinja – meraviljata bil-wiċċ sfiq li għandu – tistaqsih mistoqsijiet li ma jkunx jista’ jaħrab minnhom. Muscat jippretendi li għandu l-jedd li jgħaddiha lixxa dwar kollox.

Dawn l-elezzjonijiet, tal-Labour qed jistennew li jirbħuhom. Iżda ma jridux biss jemfasizzaw il-fatt li ser igawdu maġġoranza ta’ voti. Meta tal-Labour ma jkunux kapaċi jirbħu argument li jkun imsejjes fuq provi, tal-Labour lill-avversarji jgħajjruhom sħaħar u tradituri. Dak li seħħ f’Ġunju 2017, Joseph Muscat issa jrid jirrepetih. Fin-nofs m’għandu jkun hemm ebda Matthew Caruana Galizia, ebda David Casa, ebda Caroline Muscat, ebda Times of Malta, ebda Repubblika, ebda Simon Busuttil, ebda Roberta Metsola, ebda tradituri u sħaħar biex jagħmlu l-bsaten fir-roti lill-proġett tiegħu li jaħkem lill-Istat Malti b’mod totali.

Il-Malta li tinsab f’qalbu hi l-istess Malta li huwa jippretendi li hi tiegħu. F’Malta bħal din fl-aqwa żmien m’hemmx wisa’ għad-dissens u għall-kritiċi tal-Kbir Re Joseph.

Mhux ta’ b’xejn li Hugo Chavez kien diġà uża tema bħal din ferm qabel Joseph Muscat. Tema li trid iġġiegħlek temmen li qalb Muscat tinsab f’idu. Iżda l-għan veru huwa wieħed u wieħed biss: is-setgħa assoluta u l-vantaġġi personali li din iġġib magħha.