Stqarrija ta’ Repubblika:
Repubblika dal-għodu daħħlet rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn talbet lill-Qorti tordna lill-Gvern biex jieqaf milli jaħtar Imħallfin u Maġistrati ġodda sakemm jibdel is-sistema tal-għażla tal-ġudikanti b’mod li jassigura l-Indipendenza tal-Ġudikatura.
Il-Gvern, fi stqarrijiet pubbliċi, diġà irrikonoxxa dak li qalet il-Kummissjoni Venezja li s-sistema preżenti kif jintgħażlu l-imħallfin tfisser li l-ġudikatura m’hix indipendenti.
Il-Gvern ukoll, fi stqarrijiet pubbliċi, impenja ruħu li jibdel is-sistema kif jinħatru l-ġudikanti biex jiggarantixxi l-indipendenza tal-ġudikatura.Iżda issa l-Gvern ħabbar li se jaħtar sitt ġudikanti ġodda b’sistema li diġà ammetta tfisser indħil żejjed tal-Gvern fuq l-indipendenza tal-ġudikatura.
Il-kawża li fetħet Repubblika dal-għodu għandha sinifikat kbir għax titlob lill-Qrati jeżaminaw il-kwalità tad-demokrazija tagħna. Dan wara li l-istess eżami għamlitu l-aktar kummissjoni t’esperti rispettata fid-dinja fil-qasam tad-disinn leġislattiv u kostituzzjonali tad-demokraziji.
Il-kawża tagħna għandha tasal sal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu li fil-preżent qed teżamina l-indħil tal-gvern Pollakk fil-ġudikatura ta’ dak il-pajjiż u ordnat li sakemm tikkonkludi dik il-kawża, il-gvern Pollakk ma jaħtarx aktar imħallfin.Il-kawża ta’ Repubblika mhix neċessarjament kritika lill-persuni li llum il-Gvern ħabbar li se jaħtar Maġistrati u Imħallfin.
L-istess kif ma kinitx kritika personali għall-Imħallfin u l-Maġistrati li diġà qed jaqdu dmirhom, il-konklużjoni tal-Kummissjoni Venezja li d-demokrazija f’Malta hi diffettuża minħabba l-mod kif intagħżlu u inħatru.Il-Kummissjoni Venezja stqarret bl-aktar mod kategoriku li “The Prime Minister should not have the power to influence the appointment of Judges and Judges-Magistrates. This would open the door to potential political influence, which is not compatible with modern notions of independence of the judiciary.”
Bl-aktar mod ċar din l-istqarrija tfisser li sistemi t’għażla li setgħu kien aċċettabbli fl-imgħoddi, illum m’għadhomx konformi ma’ dak li d-dinja tippretendi minn demokrazija.
Il-Kummissjoni Venezja studjat is-sistema t’għażla li daħħal il-Gvern fl-2016 u li fl-istqarrijja tiegħu tal-lum il-Gvern fakkar intużat fl-għażla tal-ġudikanti l-ġodda. Il-Kummissjoni Venezja qalet ċar u tond illi “the constitutional amendments of 2016, which introduced the JAC, were a step in the right direction, but fall short of ensuring judicial independence. Further steps are required. The principle of independence of the judiciary requires that the selection of judges and magistrates be made upon merit and any undue political influence should be excluded.”
Fit-12 ta’ April, 2019, Repubblika ippreżentat protest ġudizzjarju fil-Qorti dwar din il-materja li l-Gvern injora u baqa’ għaddej biex iħabbar ħatriet ġodda. Hu għalhekk li kien meħtieġ li llum stess titressaq din il-kawża.F’rikors separat Repubblika qed titlob lill-Qorti titratta din il-materja b’urġenza.
Minflok jibqa’ għaddej b’sistema rikonoxxuta bħala li m’hix demokratika, il-Gvern għandu jieħu l-pariri tal-esperti u jipproponi riformi Kostituzzjonali li jassiguraw l-indipendenza tal-ġudikatura. Ġudikanti ġodda imbagħad jintgħażlu b’dik is-sistema.
Repubblika tifhem li qed titlob lill-Qrati jagħmlu intervent kategoriku fuq sistema li ilha magħna ħafna snin u li biha nħatru l-Imħallfin u l-Maġistrati kollha li għandna. Iżda Repubblika hi konvinta li bħala gwardjani tad-demokrazija u tal-indipendenza tagħhom stess, il-Qrati għandhom jużaw il-mezzi li ttihom il-liġi biex ma jħallux il-qagħda mwegħra tad-demokrazija tagħna tibqa’ sejra għall-agħar.
Ir-rikors ta’ Repubblika kien maħluf f’isem l-organizzazzjoni mill-Professur Vicki Ann Cremona.
L-avukati Jason Azzopardi u Simon Busuttil qed jassistu lil Repubblika.