F’pajjiż demokratiku li jiffunzjona kif suppost, l-okkażjoni tal-ħatra ta’ mħallfin għandha tkun waħda ta’ ferħ u ta’ ċelebrazzjoni. Madankollu esperti magħrufa minn madwar id-dinja qalu li l-metodu li permezz tiegħu jingħażlu l-imħallfin jindika li d-demokrazija ta’ pajjiżna hi waħda falluta. Il-gvern fin il-fehma qabel magħha u għamilha tiegħu u wiegħed li jibdel is-sistema. Qabel ukoll ma’ dak li qalet il-Kummissjoni ta’ Venezja fis-sens li dak li fl-imgħoddi seta’ kien kunsidrat bħala aċċettabbli, m’għadux jaqbel ma’ dak li nistennew jkun hemm f’demokrazija vera.

M’għandniex xi ngħidu, dak li stqarr il-gvern kien biss diskors. Għax il-ħatriet tal-ġudikanti saru qishom is-suġġett ta’ konfoffi bil-gvern qed iġib ruħu qisu kriminal komuni. Il-veru każ li d-dinjità spiċċat għal kollox. Ħarsu ftit lejn il-mod kif il-gvern stenna li igħaddu l-festi tal-Għid biex ħabbar il-ħatra ta’ tliet imħallfin u ta’ tliet maġistrati ġodda, meta l-ismijiet ta’ dawn il-persuni kienu fuq fomm kulħadd għal ħafna żmien.

L-għażla ta’ wħud minn dawn il-ġudikanti ssaħħaħ l-argument li d-diskrezzjoni assoluta li għandu l-Prim Ministru fl-għażla tal-imħallfin u tal-maġistrati tammonta għal indħil effettiv f’ dik li hi indipendenza tal-ġudikatura. Il-ħatra ta’ Aaron Bugeja tista’, wara kollox, tkun waħda mistħoqqa. Madankollu il-pubbliku kif jista’ jqis lil dan il-bniedem bħala wieħed indipendenti meta d-deċiżjoni li jaħtru ħadha l-bniedem l-ieħor – Joseph Muscat – li Aaron Bugeja ħelsu minn ħafna inkwiet legali u politiku wara l-konklużjonijiet inkonklussivi tal-inkjesta Egrant? Hawn xi ħadd li ser jemmen li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru ma kellha x’taqsam xejn mal-konklużjonijiet tal-inkjesta?

Ikkunsidraw il-ħatra ta’ Francesco Depasquale. Din il-ħatra taf ukoll tkun waħda mistħoqqa. Iżda dan m’huwiex il-punt. Il-punt hu li l-ħatra tiegħu f’dan l-istadju partikolari hi waħda li hi tassew konvenjenti għal min ħa d-deċiżjoni  – jiġifieri Joseph Muscat – li għandu kull interess li jara li ma jkunx Francesco Depaqsuale li jiddeċiedi dwar jekk Karl Cini għandux jiġi mġiegħel jixhed fil-kawżi ta’ libell liema xiehda tista’ twassal biex jinstemgħu t-tweġibiet li huma meħtieġa dwar 17 Black u l-kumpanniji ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri.

Dawn huma biss żewġ eżempji.

Sar ħafna diskors ukoll dwar il-ħatra ta’ Nadine Lia, ħtint Pawlu Lia, il-factotum legali tal-Labour u membru tal-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Din il-ħatra ssegwi ħatriet oħrajn bħalma huma dawk ta’ Wenzu Mintoff, eks deputat tal-Labour, Toni Abela, konsulent fil-kabinett ta’ Joseph Muscat, Joe Mifsud, eks Segretarju Internazzjonali tal-Labour, Antonio Mizzi, r-raġel ta’ membru ewroparlamentari Laburista, Grazio Mercieca. eks kandidat tal-labour, Caroline Farrugia Frendo, bint eks deputat mexxej tal-Labour, Joanne Vella Cuschieri, eks kandidata tal-Labour li minn Maġistrat illum saret Imħallef, Charmaine Galea, i-sieħba fl-uffiċċju legali ta’ Toni Abela, Myriam Hayman, eks sieħba fl-uffiċju legali ta’ deputat mexxej ieħor tal-Labour, Monica Vella, eks kunsilliera tal-Labour, Yana Micallef Stafrace, bint eks ministru tal-Labour u Consuelo Scerri Herrera oħt ministru Laburista.

Il-lista għad titwal. Huma jafu li m’hemmx skużi għal din l-imġieba tagħhom u li spiċċaw ingidmu meta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja xxandru qabel iż-żmien bħala riżultat tal-assassinju ta’  Daphne Caruana Galizia u għalhekk qabel temmew il-pjan tagħhom biex jestendu l-ħakma fuq il-ġudikatura kollha kemm hi. Għaldaqstant qed jagħmlu minn kollox biex iżellqu l-ħatriet qabel iseħħu t-tibdiliet biex b’hekk dawn ikunu inqas effettivi.

Dawn qed jippruvaw igħadduha lixxa. Hawn xniegħa li fis-sigħat li ġejjin ser isiru l-ħatriet tal-Imħallfin u tal-Maġistrati.

Fid-djarju tal-President tal-lum m’hemm ebda riferenza għat-teħid tal-ġuramenti tal-kariga.