Il-lejla Joseph Muscat tkellem f’laqgħa tal-Partit. U kelli nsegwi lil dan il-bniedem hu u jlissen gidba wara oħra mingħajr mistħija ta’ xejn. Din ma kinitx l-ewwel darba li ħareġ b’ħafna qerq, iżda xorta waħda huwa ta’ għajb.
Din id-darba ma kellux persuni b’karnaġjon iswed madwaru: ma riedu lil ħadd jiftakar li kien bażużlu minn tiegħu li mpjega żewġ suldati li spiċċaw qatlu bniedem iswed kiesaħ u biered.
Wara li l-gvern tiegħu dalgħodu ħareġ stqarrija uffiċjali mimlija qerq, huwa rrepeta l-istess qerq meta tkellem dwar il-kawża li Repubblika għamlet fil-qorti kontra l-indħil anti-demokratiku persistenti tal-gvern fl-indipendenza tal-ġudikatura.
Tkellem bħallikieku Repubblika ma teżistix: lanqas biss indenja ruħu jsemmi li din il-kawża inbdiet minn għaqda volontarja li hi reġistrata u rikonoxxuta mil-liġijiet tal-gvern tiegħu stess. Madankollu jidher li jinsab urtat bil-fatt li Repubblika irnexxielha tokkupa l-aġenda tal-kampanja tiegħu ftit sigħat biss qabel jibdew jinxteħtu l-voti.
Imbagħad għadda biex jirrepeti l-gidba li ntqalet dalgħodu: qal li l-Imħallef Mark Chetcuti kien ċaħad it-talba li għamlet Repubblika biex il-kwistjoni dwar il-mod kif issir l-għażla tal-ġudikanti Maltin tiġi mgħoddija lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Il-folla li kellu quddiemu tgħidx kemm ferħet bl-aħbar li tahom il-kbir mexxej.
M’għandniex xi ngħidu, lin-nies tiegħu gidbilhom b’mod sfaċċat. Il-Qorti ma ħadet ebda deċiżjoni bħal din, il-ġimgħa d-dieħla il-kawża ser tkompli u l-imħallef se jisma’ trattazzjonijiet b’rabta mas-sentenza li għad irid jaqta’.
Ma jsibha diffiċli xejn li jigdeb fil-priedki ta’ nhar ta’ Ħadd. U jsibha inqas diffiċli li jigdeb tlitt ijiem qabel elezzjoni.
Madankollu Joseph Muscat jeħtieġ jiftakar li, din id-darba, qed jiġġieled battalja differenti. Repubblika mhix partit politiku u l-elezzjonijiet għal Repubblika m’humiex il-bidu u t-tmiem ta’ kollox.
Ikun x’ikun ir-riżultat nhar is-Sibt – riżultat li x’aktarx ser jiffavurih – Repubblika ser tibqa’ hawn u ser tkun hawn ukoll il-ġimgħa d-dieħla. U ser ikollu jiffaċċja l-mistoqsijiet kollha kemm fil-qorti u kif ukoll f’istituzzjonijiet oħrajn.
Lil dawk li kellu quddiemu qalilhom li dak li kiteb ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa huwa politiku mqareb mill-Olanda. Proprju b’dan il-mod jipprova jattakka l-kredibilità ta’ kritika mill-aktar iebsa u xokkanti li qatt irċieviet Malta minn xi awtorità internazzjonali. Lil Pieter Omtzigt tkellem dwaru bl-istess mod li kien tkellem dwar Maria Efimova, Ana Gomes, David Casa, Daphne Caruana Galizia u kull persuna oħra li ilhom li xammew x’isarraf.
Dan kollu seħħ din il-ġimgħa.
Fi ftit ġimgħat oħra, lin-nies tiegħu ser ikollu jispjegalhom għaliex ir-rapport ta’ Pieter Omtzigt akkwista l-appoġġ ta’ parlamentari oħrajn membri tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Jista’ jkun ukoll li dawn se jifformaw maġġoranza, fosthom soċjalisti.
M’hemmx dubju li ser ikompli jigdeb.
U aħna ser nibqgħu hawn ukoll.