Mibgħutha minn xi ħadd li naf:
Kulħadd kien qiegħed jistenna li din l-elezzjoni kienet ser tintrebaħ mill-Partit laburista. Il-kwistjoni kienet biss fuq kemm kienet ser tkun kbira l-maġġġoranza. Dalgħodu kollox kien beda juri li Joseph Muscat kien reġa ħareġ rebbieħ, u bdew ġejjin in-numri, 45,000, imbagħad 48,000, imbagħad aktar minn 51,000. Rebħa kbira, li kessħitli demmi. Mhux għax ma kontx qed nistenna dan ir-riżultat, imma ngħiduha kif inhi, li tara l-partit li tħobb jitlef b’dak il-mod, huwa umiljanti. Apparti li kif qal tant tajjeb Arnold Cassola, din ir-rebħa se tkompli żżid l-arroganza ta’ Muscat u tal-Partit Laburista, li minkejja li jilgħabha tal-umli, rebħa bħal din tkompli żżid mal-egomanija tiegħu.
Għall-bidu ma kont se nikteb xejn, imma wara li xbajt nisma lit-tmexxija tal-PN tipprova ġġib elf skuża u argument, ħassejt li ma statx nibqa aktar b’ħalqi magħluq. Nistqarr li minkejja li ma kontx ivvutajt għal Delia fl-2017, imma dalgħodu ħassejt li seta’ kien għad fadallu post. Imma wara dak li ġara mal-ġurnata, inħoss li din “il-mixja” trid tieqaf hawn. Huwa meħtieġ li l-mixja tal-PN iva tkompli, imma bi tmexxija ġdida.
Jeħtieġ li l-membri tal-Kunsill Ġeneral tal-Partit tagħna, jiġu f’sensihom u jirrealizzaw li l-partit issa mess il-qiegħ sew. Allaħares wieħed jibda jikteb fuq il-ħafna suspetti li f’dawn ix-xhur xirfu fil-qlub u l-imħuħ ta’ tant nies, li bħali jħobbu lil Malta u ‘l-PN. Illum Joseph Muscat kellu żewġ raġunijiet għalfejn jiftaħ ix-xampanja. Għaliex irnexxielu fejn l-ebda “leader” laburista kien dejjem falla. Irnexxielu ikisser lill–Partit Nazzjonalista minn ġewwa. U jekk int u taqra qed tiddejjaq, mela nistiednek ma tkomplix. Għax ġej aktar. Xbajt fl-aħħar xhur nisma allegazzjonijiet li nies preżenti fid-Dar Ċentrali xi darba setgħu kienu parti mill-PL. Dawn jistgħu ikunu biss dillirju ta’ xi uħud, imma tista tkun ukoll il-verita – kerha u makabra kemm trid – imma dejjem verita. Jista jkun?
Qatt ma’ niftakar lin-nazzjonalisti jiġġieldu bejniethom u jillitigaw qishom kelb u qattus daqskemm rajt mill-2017 ‘l hawn. Minkejja li l-amministrazzjoni preżenti mhux qed titkellem bil-miftuħ, nafu x’inhu l-ħsieb li qed jirrenja fl-imħuħ ta’ ħafna. Ilkoll nafu kif il-media tal-Gvern Laburista bniet rumanz traġiku fuq il-qasma li hemm bejnietna in-nazzjonalisti – klikka ta’ Busuttil kontra l-klikka ta’ Delia — u viċe-versa. Mhux se nidħol fil-mertu ta’ dan kollu. Ilkoll għandna nagħmlu eżami sewwa tal-kuxjenza (jekk għadna nemmnu fiha). Il-livell ta’ ġlied u tgħawwir bejn supporters huwa tal-biża. U qabel ma nirrikonoxxu li l-partit huwa mkisser b’dil-qasma kollha, il-partit mhux se jibda jieħu ir-ruħ. Il-partitarji nazzjonalisti, qabel ma’ huma partitarji ta’ Ċikku, Peppu jew Kola, huwa partitarji, supporters, votanti (għidilhom li trid) tal-prinċipji li jħaddan il-Partit tagħna. Partit li xi darba konna niftaħru li jagħmel parti mill-familja Demokristjana (illum mejta). Partit li xi darba kellna vuċi anke barra u illum ħlief fil-Parlament Ewropew, issa tlifna dik il-vuċi. Partit li xi darba kien hemm jimmilitaw fih nies b’ideat, imħuħ eċċellenti li sawru l-politika tal-partit. U llum?
Illum tħares madwarek u tara partit mgħarraq fl-inkwiet tiegħu. Partit immexxi minn nies (iktar minn Delia innifsu) li huma wisq marbuta mal-poter intern tal-partit, biex jaraw fhiex ġabu lill-partit. Il-Partit Nazzjonalista li spiċċa idaħħak lin-nies bih, flok jirbaħ ir-rispett tagħhom. Ejja ma nitqarrqux: kien hemm ħafna li minkejja li vvutaw PN, għamlu dan b’nofs qalb u b’diffikulta, u iva jien kont wieħed minnhom. Il-mod “ġdid” li Adrian Delia kien wiegħed, falla bl-aktar mod ċar u skjett. Iva, nemmen li f’dik il-maġġoranza laburista, hemm moħbija tant u tant pjaċiri, permessi, jobs mal-gvern, eċċ, eċċ. Għax il-poplu Malti fil-maġġoranza tiegħu sar poplu li jinxtara biċ-ċekkijiet, bil-jobs. Imbagħad, min għad għandu prinċipji iħares lejn il-PN u ma’ jara xejn ta’ sugu, ta’ sustanza. Kultant bdejt nissuspetta li l-PN jieħu gost, hekk jagħti l-gambetti lilu innifsu. U hemm fejn jibdew ġejjin id-dubji, kemm verament il-PN irid xi darba jerġa jkun fil-gvern. Kemm it-tmexxija preżenti, tassew temmen fil-prinċipji li sawru l-partit. Inħoss li jekk mhu ser isir xejn issa stess, allura il-PN huwa destinat li jibqa fl-oppożizzjoni għal ħafna u ħafna u ħafna snin.
Malta ma jixirqilhiex li jkollha oppożizzjoni hekk. Aħna ma jixraqilniex li jkollna partit hekk. Imma lkoll irridu inpoġġu idejna fuq qalbna u nagħmlu eżami sew tal-kuxjenza. Ma nistgħux ma nammettux li l-elettorat tradizzjonalment nazzjonalista, huwa elettorat diffiċli, eżiġenti, u ħafna drabi kapriċċuż. U dan ikompli jagħmilha aktar diffiċli li l-PN jerġa’ jirbaħ lura l-voti. Speċjalment meta n-naħa l-oħra donnu hemm bir bla qiegħ (li onestament nibqa’ nsaqsi minn fejn qed jiġu dawk il-flus kollha). Bir li minnu qed jixorbu nies li kienu anke jivvutaw lil-PN. Inħalli barra lil-ex-nazzjonalisti li issa saru l-hekk imsejjħa “champagne socialists”. Dawn jibilgħu l-eluf, wara li użaw lil-partit għall-għanijiet tagħhom, u issa remew kollox, ċaħdu kulma kienu jemmnu fih, ċaħdu ħbieb, kollegi, familjari. Remew ġieħhom, u saru xejn aktar milli “merċenarji” li jagħmlu biss dak li jgħidulhom jagħmlu, basta ikomplu ipappuha.
U quddiem dan kollu x’għandha tkun it-tweġiba tal-PN? S’issa kollox juri li t-tmexxija preżenti qed tkompli twitti t-triq biex tibqa tmexxi hi. Ejja nieqfu ftit. Miniex qed ngħid li Adrian Delia u sħabu ma ħadmux, jew li ħlew il-ħin. Lanqas ma jien qed ngħid li Clyde Puli u sħabu qagħad jilgħaq ix-xemx, jew li il-fantomatiku Jean Pierre Debono, baqa b’idu fuq żaqqu. Imma dak li kienu wiegħdu lilna issa falla, kaput, finish, daqshekk. Il-mod “ġdid” li ġie imwiegħed lilna nazzjonalisti, ma wassalna imkien. U f’ġieħ is-sewwa, ejja ma ninsewx li issa kważi għaddew sentejn. U mhux talli m’għamilna l-ebda progress, imma talli morna aktar u aktar lura. U bħalissa stess in-“nazzjonalisti” qed ikomplu jikkustinjaw u jiġġieldu fuq facebook, whatsapp u l-bqija “u għax ta’ dak u għax tal-ieħor, u għax tal-oħra u għax dik, għax l-ieħor, għax l-oħrajn.
Il-verita hi li kif jgħidu l-Ingliżi, il-partit tant maħbub tagħna, jinsab “in shambles” u donnu f’dan it-tunnel (ferm itwal minn dak li Muscat irid jagħmel bejn Malta u Għawdex) ma nistgħux naraw id-dawl. Pero jekk irrid inkun onest, naqbel ma’ diversi mill-punti li Adrian Delia qal illejla. Il-PN irid jara kif se jitkellem aktar man-nies, kif ser iżomm liż-żagħżagħ, kif jiġbed uċuħ ġodda. Imma biex isir dan neħtieġu mexxej ġdid u tmexxija ġdida. Imma fuq kollox neħtieġumentalità ġdida.
Ma jistax ikun inkomplu niġġieldu bejnietna.
Ma jistax ikun nibqgħu niżirgħu il-mibegħda kontra dak jew kontra l-ieħor.
Ma jistax ikun li min xi darba kien jimmilita fil-partit, issa lanqas jimpurtah xejn.
Ma jistax ikun li it-tmexxija preżenti tibqa għaddejja daqslikieku l-karozza tal-PN faqgħet tyre u issa back to normal.
Ma jistax ikun li fil-partit stess ikun hemm nies li moħħhom aktar x’ser jiggwadanjaw huma personalment aktar milli l-partit.
Ma jistax ikun li l-partitarji jibqgħu jirraġunaw daqslikieku l-mexxej huwa l-partit.
Min verament iħobb lil-Partit Nazzjonalista, issa għandu jgħid: Daqshekk biżżejjed.
Issa huwa meħtieġ li l-amministrazzjoni KOLLHA (inkluż nies li kienu hemm fit-telfiet kbar tal-2013 u 2017) iwarrbu.
Jeħtieġ li l-Kunsill Ġenerali tal-Partit u l-Grupp Parlamentari ifittxu jitlaqqgħu u jittieħed vot fit-tmexxija kollha.
Ma jkunx ġust min iwaħħal din it-telfa kollha fuq Delia biss. Delia ma kienx u mhuwiex waħdu. Hemm Clyde Puli, Jean Pierre Debono, Kristy Debono, David Agius, Robert Arrigo u bella compagnia. Biex ma nsemmux nies li hemm fil-media tal-partit. Nies li l-kalkoli tagħhom ma damux m’għamluhom, u ħadmu biex jibqgħu minn fuq.
Il-Partit Nazzjonalista, imma fuq kollox Malta għandha bżonn oppożizzjoni vera, kredibbli, onesta (tassew), ċara, ħielsa. Tmexxija bla ebda dell ikraħ fuqha. Kien hemm wisq dellijiet qabel u wara l-ħatra tal-kap. U l-PN kompla jżid dawn id-dellijiet. Issa pero, hu l-mument li aħna n-nazzjonalisti nerġgħu nieħdu tassew f’idejna il-partit. Jeħtieġ li ngħidu DAQSHEKK.
Daqshekk ġlied, kalunji, firda, mibgħeda, qasma tpattija, u tista’ tibqa sejjer. Daqshekk kapriċċi minna l-votanti. Daqshekk skiet minna l-partitarji.
Issa tassew huwa l-mument li ngħidu grazzi ħafna lil min mexxa l-partit s’issa, pero times’ up. Il-mod ġdid qatt ma wasal. Il-bidla qatt ma kienet. Imma issa biżżejjed. Nappella lill-membri kollha tal-Kunsill Ġenerali, tal-Eżekuttiv, tal-Amministrattiv, lill-partitarji kollha:
Ejja inwaqqfu din il-ġirja lejn l-abbiss. Ejja nieqfu, ejja nduru madwar mejda u nitkellmu. Ejja nwaqqfu dak kollu li s’issa kien qiegħed jifridna. Li kien kien. Mhux faċli, vera. Imma mhux impossibbli. Jekk irridu li tassew il-PN jerġa jkun alternattiva kredibbli u joffri sfida lil gvern soċjalista preżenti, jeħtieġ li nieqfu. Nirriflettu. Nitkellmu. Niddiskutu. Inħabbtu l-ideat. Imma flimkien. Bis-serjeta.
Taħt kap ġdid jew ġdida. Bi tmexxija ġdida. Ejja naħtfu l-opportunita’. Issa…qabel ma’ jkun tard wisq għax wisq nibża li dan hu l-aħħar ċans għal-PN u għal pajjiżna. Għax minkejja l-flus, eċċ, pajjiżna jinsab fix-xifer tal-abbiss. Ejja ma nkunux aħna li nitfgħuh għal-isfel.
Ejja naħsbu, nirriflettu, niddiskutu u naġġixxu. Issa hu l-waqt. Jew issa jew qatt.