Ninsab determinat li noqgħod lura milli nitkellem favur jew kontra l-abort sakemm dan is-suġġett jibqa’ kwistjoni li dwaru f’pajjiżna ma jidhirx li teżisti għażla għall-votanti. X’aktarx li jien nippreferi li noqgħod lura milli nidħol fil-mertu tas-suġġett anki jekk il-kwistjoni ssir waħda ta’ kontroversja politika.
Ma skantajt xejn li l-Partit Nazzjonalista żeffen il-kwistjoni tal-abort fin-nofs. Jista’ jkun li nħossni xi ftit urtat għall-fatt li dan is-suġġett jista’ jaljena li dak li jkun mill-kwistjonijiet reali li bħalissa qed jiffaċċja l-pajjiż u jista’ wkoll idgħajjef l-argumenti validi li qed iġibu wħud mill-kandidati Nazzjonalisti. Madankollu ma skantajt xejn.
Fis-sitwazzjoni li jinsab fiha, l-PN huwa ħerqan li jħeġġeġ lill-partitarji tiegħu jivvutaw u mhix ħaġa ta’ barra minn hawn jekk jipprova jagħmel dan biex ikompli jsaħħaħ l-appoġġ.
Iċ-ċiniżmu politiku jien m’għandix grazzja miegħu. Iżda jekk Adrian Delia kien qed ikun ċiniku meta żeffen l-abort fin-nofs, x’aktarx kont nifhem li qed jipprova jħajjar lil dawk li sal-lum għadhom bejn ħalltejn biex jivvutaw lill-partit tiegħu.
Madankollu issa qed niddubita kemm fil-fatt qed ikun ċiniku. Dan bħal donnu qed jaħseb li huwa importanti għall-PN li jikseb maġġoranza fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaliex, jekk din il-maġġoranza tibqa’ ma tinkisibx, b’xi mod jiġi impost l-abort fuq Malta minn barra.
Jeħtieġ li nifhmu li ebda maġġoranza fil-Parlament Ewropew – kemm jekk tkun Soċjalista jew ta’ xi kulur politiku ieħor – m’għandha s-saħħa li tintroduċi l-abort f’Malta sakemm il-Parlament Malti stess ma jgħaddix il-liġi li tkun meħtieġa.
Qabel ir-referendum tal-2003, il-PN dan kollu kien fehmu lill-votanti u kien iffirma protokoll mat-trattat li permezz tiegħu sieħeb lil Malta fl-Unjoni Ewropea li kien igħid li l-abort ma jistax jidħol f’Malta kemm il-darba ma jkunx il-gvern Malti stess li jiddeċiedi li jdaħħlu.
M’għandniex xi ngħidu, jista’ jiġri li l-Partit Laburista bis-saħħa tal-maġġoranza li għandu, jiddeċiedi li jdaħħal l-abort, igħidu x’igħidu u jaħsbuha kif jaħsbuha s-Soċjalisti Ewropej dwar il-kwistjoni.
Iżda hawn hu l-bużillis. Adrian Delia għadu kemm ta palata lil tal-Labour biex, jekk iridu, jagħmlu eżatt dan.
Għaliex skont hu, r-riżultat tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew se jkun referendum dwar jekk Malta għandhiex idaħħal l-abort jew le.
Għandux jew le fil-mira tiegħu l-votanti entużjasti jew dawk li għadhom bierdin, għandi nifhem li Adrian Delia huwa l-uniku bniedem li naf bih jien li jaħseb maġġoranza Nazzjonalista hi b’xi mod possibbli f’dawn l-elezzjonijiet Ewropej. Kulħadd qed jitkellem dwar kemm se jkun kbir id-distakk bejn il-maġġoranza Laburista u l-vot Nazzjonalista u diffiċli ssib xi ħadd li jaħsibha mod ieħor.
Għaldaqstant, bl-iktar mod banali u grottesk, Adrian Delia għadu kemm ta daqqa ta’ ħarta kbira lil dawk li qed jaħdmu qatigħ kontra d-dħul tal-abort u għadda f’idejn tal-Labour il-mandat biex idaħħal l-abort għaliex Delia qed jirreferi għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew bħala waħda referendarja dwar l-abort.
Jekk int kontra id-dħul tal-abort, il-benjamin tiegħek għadu kemm waħħallek kanna żul minn hemm.