Kemm għad iridu jixxandru dokumentarji bħal dan biex aktar u aktar jibdew jintebħu li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti ser tkisser lil pajjiżna? L-editorjali ta’ The Sunday Times of Malta tal-lum isejjaħ għat-tneħħija tal-iskema. U l-bieraħ Adrian Delia wkoll sejjaħ għat-tneħħija tal-iskema. Daphne Caruana Galizia kienet sejjħet għat-tneħħija tal-iskema qabel din kienet ġiet varata.
Agħtu daqqa t’għajn lejn danni-dokumentarju Olandiż. Bosta mill-intervisti huma bl-Ingliż. Dan m’huwiex dokumentarju “tal-għajjurin” iżda fih investigazzjoni dwar każ ta’ bniedem speċifiku — Pavel Melnikov — li hawn min qed isostni li għamel użu mill-passaport Malti li għandu biex imexxi attività kriminali.
Hemm ukoll l-istorja dwar Dimitry Kochenov, il-Professur Olandiż li tqabbad mill-gvern Malti biex jagħti pariri dwar dak li tipprovdi l-liġi tagħna: dan qed jallega li l-provvediment tal-liġi li jirrikjedi li kull min japplika għal passaport Malti ikun irid iġib prova qabel japplika li għex hawn għal mill-inqas sena ma jfissirx li l-applikant għandu jkun preżenti kontinwament fil-pajjiż.
Bosta huma dwak li jifhmu xi tfisser finzjoni legali. Il-finzjoni ta’ Dimitry Kochenov tmur kontra dak li huwa fundamentali f’univers fiżiku. Hemm raġuni għal dan: dan il-Professur huwa ħobża u sikkina ma’ Henley & Partners.
Nirrakkomandalkom li ssegwu l-intervista bl-Ingliż li saret ma’ Dimitry Kochenov. Il-kredibilità ta’ dak li qed jallega l-gvern fis-sens li l-liġi qed tiġi segwita qed iserraħ fuq l-opinjoni ta’ dan il-bniedem.
Qed ngħixu gidba.
Din hi sitwazzjoni tal-mistħija li għandna nagħmlu minn kollox biex ngħelbuha. Ma nistgħux nibqgħu indifferenti.