Il-kwistjoni hi waħda mill-aktar sempliċi.
Fl-isfond tal-liġijiet kriminali, Yorgen Fenech huwa innoċenti sakemm ma jiġix pruvat li huwa ħati. Ma nistgħux inqisuh ħati qabel ma jgħaddi ġuri skont il-liġi u jinstab ħati mill-qorti.
Iżda mhux bi ħsiebna li noqgħodu naħsbuha biex neżiġu l-kontabilità. Illum huwa ċar daqs il-kristall li Daphne nqatlet biex jitgħattew ix-xtur tal-korruzzjoni fl-għoti tal-kuntratt tal-power station tal-Electrogas. Hemm uħud li ser jibqgħu jgħaddsu rashom fir-ramel – iżda dan ma jfissirx li l-fatti ma fehmuhomx sewwa huma wkoll.
Il-qtil ta’ Daphne seta’ ġie evitat li kieku Joseph Muscat qeda’ dmiru mill-bidu nett u dabbar l-irjus ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi dakinhar li Daphne kixfet (għall-grazzja tal-argument, ejjew nassumu li Joseph Muscat ma kienx jaf bil-kumpanniji tal-Panama qabel saret taf bihom Daphne) li dawn kienu ħolqu kumpanniji sigrieti fil-Panama. Meta dawn inqabdu, kienet minn ewl id-dinja l-konklużjoni li kien messu wasal għaliha: jiġifieri li lil dawn it-tnejn ma setax jibqa’ jafdahom. Jista’ jagħti l-każ li ma kienx jaf eżatt x’kienu qed iħawwdu fil-borma, iżda żbalja bl-ikraħ meta pprova jiġġustifika dak li fiħ innifsu kien it-tħejjija għat-twettiq ta’ delitt. Kien qisu dak il-pulizija li jistqarr li, dan kollu għax ikun ra lil xi ħadd b’maskra f’wiċċu jixxabbat mat-tieqa tal-ġirien f’nofs ta’ lejl, ma jfissirx li dan ix-xi ħadd kien bi ħsiebu jmur jisraq.
Joseph Muscat żamm lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi fil-kariga u dan il-fatt ta’ r-riħ fil-qala’ lill-impunità, lid-delinkwenza u lill-Mafia State li fetaħ it-triq għat-twettiq tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Konna ilna tliet snin inħambqu li lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi kellha tiddabbrilhom rashom jew inkella Joseph Muscat kellu jkeċċihom.
Dan kollu issa għadda. Joseph Muscat għandu jdabbar rasu huwa stess. Issa. Jekk ma jitlaqx, l-imgħallmin tiegħu għandu jġiegħluh jitlaq. Min huma l-imgħallmin ta’ Joseph Muscat? Il-partit tiegħu. Il-grupp parlamentari tiegħu. Il-Parlament.
Ma nistgħux inkomplu nduru fuq Joseph Muscat u nitolbuh iħares lis-saltna tad-dritt. Huwa ovvju li m’huwa ser iħares xejn.
Fiċ-ċirkostanzi, huwa l-Parlament li għandu d-dmir li jħares is-saltna tad-dritt billi jkeċċi lil Joseph Muscat u jaħtar prim ministru ieħor taħt gvern ġdid.
Jeħtieġ li tinbeda’ tindifa sħiħa.