Id-dritt tiegħek li ssir taf x’qiegħed iseħħ fl-ekonomija ta’ pajjiżek jiddependi mill-ġurnalisti li jgħarblu lil dawk li ngħataw liċenzja biex iħaddmu l-banek f’Malta. Agħti l-appoġġ tiegħek lill-ġurnaliżmu u appoġġja lill-ġlieda kontra min jabbuża mill-ftuħ ta’ libelli permezz ta’ kawżi SLAPP li huma mfasslin biex ma jħallukx tagħmel dawk l-għażliet msejsa fuq informazzjoni li jkunu meħtieġa għal ħajjtek.

Kawżi SLAPP bħal dik li għamel sid is-Satabank kontra tiegħi jsiru biex titgħatta l-verità. Dan tħallieħx iseħħ.

M’għandniex xi ngħidu, fuq il-comments boards ta’ siti tal-aħbarijiet li rrappurtaw dwar din il-kawża ta’ malafama li nhar is-Sibt li għadda fetaħ is-sid tas-Satabank kontra tiegħi fil-Bulgarija, kien hemm min espriema l-pjaċir tiegħu. Skont iċ-ċiniżmu ta’ dawn ta’ dawn l-erwieħ twajba, kien ħaqqni għax kont stedintha. Aqraw xi ftit minn dawn il-kummenti:

There’s something to be said for that argument. I wouldn’t be sued for defamation if I wrote nothing at all.

A Labour Party newspaper cartoon yesterday depicted me as a snake which is the archetypal deceiver, sneak, traitor, smooth talking demon from Genesis to the Jungle Book. In that cartoon I’m shown moving to bite Adrian Delia’s butt.

 

F’dawn il-ġranet, itik id-daħk tara l-Partit Laburista lil min qed jagħti l-appoġġ tiegħu.

Dawk li x’aktarx ma jarawnix ħelu għaliex jien ma nappoġġjax lill-Partit Laburista sabu ruħħom jagħtu l-appoġġ tagħhom lil bankier Bulgaru li kien fetaħ bank f’Malta, kien ġie mmultat bil-kbir minħabba nuqqasijiet li nstabulu fil-miżuri ta’ kontra l-ħasil tal-flus, li l-uffiċċji tiegħu kellhom jingħalqu u li flus il-klijenti tal-bank żammhom għal xhur sħaħ. Il-kwistjoni tas-Satabank ħalliet il-vittmi warajha. Xi negozji kellhom jgħalqu u ħaddiema ngħataw is-sensja.

Tgħid min jaf għaliex dawk li kitbu l-kummenti spiċċaw biex ħaddnu magħhom sid ta’ bank li spiċċa biex seraq lill-klijenti tiegħu? Skont dawn, l-għadu tal-għadu tiegħi huwa ħabibi u jien ngħid li hawn min jieħu pjaċir jara lil ħaddieħor jiffastidjani u jġiegħlni niffaċċja kawża li potenzjalment tista’ tiswini ħafna flus.

Ċertament dawn ma jifhmux kif intimidazzjoni bħal din ma ġġibx magħha riskju u spejjeż għall-ġurnalisti biss. Il-libertà tal-kelma mhix dritt mogħti lill-ġurnalisti biss (jew lill-bloggers). Id-dritt tal-libertà tal-kelma jinkludi id-dritt ta’ kulħadd li jkun infurmat.

Hawn m’aħniex nitkellmu biss dwar gvernijiet u dwar l-iskandli li dawn ikunu mdaħħlin fihom. Qed nitkellmu wkoll dwar dawk kollha li fis-soċjetà jippretendu li jkunu fdati. Jekk int tafda lill-gvern tiegħek bis-setgħa, għandek tippretendi li jkun hemm ġurnalisti li jiftħulejk għajnejk dwar jekk il-gvern huwiex jabbuża minn flusek u jberbaqhomlok. Jekk int tafda lit-tfal tal-orfni lill-knisja tiegħek, tkun trid isserraħ rasek li ma jkunx hemm xi ħadd fi ħdan il-knisja li jabbuża b’tfal vulnerabbli. Dan huwa appuntu xogħol il-ġurnalist.

U jekk int tafda lil flusek jew l-ekonomija tiegħek f’idejn bank, għandek tippretendi li ssir taf jekk il-bank huwiex jabbuża mill-fiduċja li tkun tajtu u jgħatti xtur il-kriminali. Int għandek kull dritt li tkun taf il-bank kif qed jitħaddem u dan id-dritt ma jistax jiġi rispettat kemm il-darba l-ġurnalisti ma jgawdux il-libertà li jirrappurtaw dwar dak li jkun qed iseħħ minn wara l-kwinti.

Dan huwa d-dritt li jrid jeqred Christo Georgiev. Huwa ta’ sinjifikat il-fatt li Georgiev qed jitlob lill-qorti tal-Bulgarija biex iġġiegħelni nħassar l-artiklu li xandart f’dan il-blog fejn hu jissemma’ b’ismu.

Ta’ min ifakkar, li kien hemm ukoll bankier ieħor li għal ċertu żmien kien għaddieha lixxa. Ali Sadr Hasheminejad kien għamel l-arja ma’ diversi websites Maltin biex iġiegħlhom iħassru stejjer li kienu xandru dwar Pilatus Bank u dan sabiex jevitaw li jittellgħu il-qorti fl-Istati Uniti.

Ali Sadr ried inaddaf ismu biex ikun jista’ jissokta bl-attivitàjiet kriminali tiegħu li kien xiddilhom il-maskra ta’ “servizzi bankarji”. Ali Sadr kien ħarrek lil Daphne Caruana Galizia fl-Arizona. Hi ma kienitx taf bil-kawża u din kienet ġiet ċeduta ftit sigħat wara li nqatlet.

Ali Sadr Hasheminejad u Christo Georgiev ma kienux ħasbuha darbtejn biex jiġu hawn Malta u li jitolbu liċenzja mingħand l-awtoritajiet lokali biex iħaddmu l-banek tagħhom. Iżda biex iħarsu r-reputazzjoni tagħhom għażlu li jmorru f’pajjiżi oħra u fl-istess waqt fittxew li jagħmlu sarima ma’ ħalq il-ġurnalisti Maltin bis-saħħa ta’ kawżi mibdijin f’pajjiżi oħrajn.

Hawn forsi min jistaqsi: x’hemm ħażin b’dan kollu? Xi żmien ilu, Brian Hansford – bniedem li jaħdem mal-istazzjoni tat-televiżjoni nazzjonali u li jridha ta’ ġurnalista – kien ikkritika l-għaġeb li sar dwar dawn il-kawżi li jsiru barra minn Malta u qal li ġurnalist li jxandar dak li hu mis-sewwa m’għandux għalxiex jiddejjaq li jiddefendi ruħu f’pajjiż ieħor. Għal xi ħadd bħal Hansford kliem bħal dan għandu jkun faċli għaliex il-ġurnaliżmu tiegħu ma jikxifx l-attivitajiet kriminali li jkunu qed iseħħu f’banek u f’entitajiet oħra li għandhom finanzi kemm ikunu jridu biex jibdew kawżi kontra ġurnalisti barra minn Malta u li jiddefendu ruħħom fihom.

Il-bieraħ huwa kitibli biex jesprimi s-solidarjetà tiegħu miegħi. Biex ngħid is-sewwa, ħassibni xi ftit u dan fil-kuntest tal-fehma tiegħu dwar il-kawżi SLAPP. Issa qed igħid li dik l-fehma tiegħu kienet inkitbet f'”ċirkostanzi differenti”. Jekk reġa’ bdielu, dan għandu jgħidu dan ċar u tond.

Diġà huwa ħażin li kull min jiflaħ finanzjarjament jista’ jiffastidja u jsikket lill-ġurnalisti kemm ikun irid f’Malta stess. F’ċerti pajjiżi jitwaħħlu li multi fuq min jiftaħ kawża vessatorja. F’Malta dawn il-multi ma jitwaħħlux u għaldaqstat issib lil min jiddiletta jtella’ l-ġurnalisti l-qorti għal xejn b’xejn bl-iskop ewlieni li jipprova jaqtagħlhom qalbhom.

Il-Bulgarija m’hix magħrufa għall-multi kbar li jwaħħlu l-qrati tagħha għall-malafama għalkemm il-bieraħ is-Sunday Times of Malta ssottovalutat bil-kbir ir-riskju monetarju li hemm fil-kawża li saret kontrija. Il-multi li ssemmew jirreferu għal-libelli kriminali u l-kawża li saret m’hix waħda minnhom. Christo Georgiev qed jitlob lill-qorti tillikwida d-danni f’kawża ċivili u r-riskju għalija huwa ħafna akbar milli basret li jista’ jkolli s-Sunday Times of Malta.

Biex inkun nista’ niddefendi ruħi jkun jeħtieġ li nqabbad avukat fil-Bulgarija. Ser inkun neħtieġ lil minn jaqleb minn lingwa għal oħra u nkun jeħtieġ li  nitlef iż-żmien tiegħi billi nsiefer lejn dak il-pajjiż. U biex tgħaxxaqha ser ikun diffiċli għalija li ntella’ x-xhieda tiegħi minn Malta. Fuq dan biss, se jkun diġà kważi mpossibbli li jkolli smiegħ xieraq.

Mhux biżżejjed li jien naf li għandi raġun, igħid x’igħid Brian Hansford dwar il-proċediment ta’ kawżi ta’ malafama barra minn Malta.

Sentejn ilu l-gvern ma riedx igħaddi abbozz ta’ liġi fil-Parlament li tfassal minn Jason Azzopardi biex iħares lill-ġurnalisti minn kawżi bħal dawn għaliex il-gvern ikun jaqbillu meta jkun hemm min jagħmel l-arja mal-ġurnalisti li magħhom ma jkollux grazzja. Meta Ali Sadr Hasheminejad u Christo Georgiev jitħallew jagħmlu l-arja ma’ ġurnalisti Maltin fil-qrati ta’ pajjiżi oħra, dawn il-ġurnalisti jistgħu jsibu ruħħom fil-pożizzjoni li ma jkunux jistgħu jkomplu jgħarblu lill-gvern.

Li kieku l-gvern kien għadda dak l-abbozz ta’ liġi mill-parlament, jien illum ninsab imħares minn min ikun irid jagħmel l-arja miegħi u l-ġurnalisti kien ikollhom protezzjoni.

Ċertament dawk li, bil-kummenti tagħhom, esprimew pjaċir li hemm min qed jagħmel din l-arja ma fehmu xejn dwar l-implikazzjonijiet ta’ dan kollu. Kien hemm minn tkaża bl-idea ta’ xi wħud li jsir il-crowd funding biex niġi mħares u biex ikolli difiża xierqa. Skont dawn jien għandi naħdem b’xejn u għandi nerfa’ r-responsabbiltà waħdi għal dawn il-kawżi ta’ malafama. Problema tiegħi, għax skont dawn, jien serp u stedintha.

Is-sabiħa hi li dawn qed jagħtu sehemhom biex jinqered id-dritt tagħhom li jkunu jafu x’inhu jseħħ fl-ekonomija minn dawk li għandhom is-setgħa. Sitwazzjoni bħal din hi ħafna aktar serja minn kawża għal danni li tista’ ssir f’Varna.

Fil-frattemp, jekk int trid tkompli tappoġġja l-ġurnaliżmu provdut minn din il-website, ġentilment nitolbok tgħin b’donazzjoni.

B’hekk tkun qed tagħti l-appoġġ tiegħek lill-ġurnaliżmu indipendenti ta’ kwalità.

Id-dritt tiegħek li tkun taf jiddependi minn ġurnaliżmu bħal dan.