Wieħed ikollu għalxiex jinkwieta meta jintebaħ li l-gvern ta’ Robert Abela qed jimxi fuq il-passi tal-gvern ta’ qablu. Owen Bonnici kien allega li r-riformi li kien ippropona kienu ġew “approvati mill-Kummissjoni ta’ Venezja” meta dan ma kien minnu xejn.
Issa l-bieraħ Byron Camilleri fil-Parlament stqarr li l-Kummissjoni ta’ Venezja kienet approvat l-abbozz ta’ liġi tiegħu dwar it-tibdil fil-mod dwar kif għandu jinħatar il-kummissarju tal-pulizija. Huwa stqarr ukoll li kien ipparteċipa f’ video conference (ma qalx li qabad it-telefon u tkellem) ma’ uffiċjali tal-Kummissjoni ta’ Venezja u li dawn qalulu li l-abbozz li qed jipproponi kien pass fid-direzzjoni t-tajba. Jista’ jagħti l-każ li tkellem fuq it-telefon ma’ xi uffiċjal jew tnejn li dehrilhom li dak li qed jiġi propost m’huwiex idea ħażina. Iżda dan ma jista’ qatt ifisser li r-riformi li qed jipproponi għandhom l-appoġġ tal-membri tal-Kummissjoni ta’ Venezja.
Il-verità hi li r-riformi li qed jiġu kunsidrati u diskussi fil-Parlament ma jwasslux biex jinstab tarf tal-problemi li kienet semmiet il-Kummissjoni ta’ Venezja fis-sens li l-kontroll politiku tal-korp tal-pulizija, f’dawk li huma investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, qed iwassal biex persuni kriminali jgawdu mill-impunità. Il-Kummissjoni ta’ Venezja ma tagħtix pariri minn fuq it-telefon. Kull parir li tagħti l-Kummissjoni ta’ Venezja jista’ jiġi kwotat kemm il-darba dan jingħata bil-miktub u jkun iffirmat mill-membri tal-Kummissjoni nnifishom u mhux minn xi individwu li jaħdem fis-segretarjat tal-Kummissjoni. Meta għamel l-istqarrija tiegħu, Byron Camilleri qarraq u jidher li serraħ fuq il-fatt li ftit huma dawk li jifhmu kif taħdem il-Kummissjoni ta’ Venezja.
Illum uffiċjal anzjan tal-Kunsill tal-Ewropa stqarr miegħi li “l-Kummissjoni ta’ Venezja tesprimi ruħħa b’mod kollettiv permezz ta’ pariri bil-miktub li jitfasslu f’laqgħat plenarji.” Kien b’dan il-mod li ġie mgħoddi r-rapport dwar Malta fl-2018. Il-Kummissjoni tiġbor fiha esperti legali minn madwar id-dinja. Dawn jittrattaw kwistjonijiet li jinġiebu quddiemhom minn pajjiżi li jfittxu l-pariri tagħhom, il-pariri jifformulawhom b’mod kollettiv u mbagħad dawn jingħataw bil-miktub taħt il-firma ta’ kull membru tal-Kummissjoni. Din il-proċedura tal-Kummissjoni ma ġietx segwita fil-każ tat-tibdil propost fil-liġi dwar il-metodu tal-ħatra tal-kummissarju tal-pulizija. Lanqas ma kienet ġiet segwita meta Owen Bonnici kien vara l-liġi dwar il-ħatra tal-avukat tal-istat. Din ukoll kienet liġi li hi “pass fid-direzzjoni t-tajba”. Iżda din il-liġi kienet ukoll naqset li ssib tarf tal-kwistjonijiet li ssemmew fir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja li għandhom x’jaqsmu mal-influwenza li l-gvern għandu fuq il-prosekuzzjoni u dwar il-mod li bih politiċi kriminali gawdew u baqgħu jgawdu l-impunità. Dawn iż-żewġ kwistjonijiet kienu ssemmew fir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-2018, iżda l-gvern f’ebda wieħed minn dawn il-kwistjonijiet ma fittex li jingħata parir serju dwar il-mod kif kien ser isib tarf tad-dubji li qajjmet u tal-kritika li għamlet il-Kummissjoni ta’ Venezja.
Kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ilhom żmien twil jinsistu mal-gvern Malti li għandhom jitwettqu r-riformi proposti mill-Kummissjoni ta’ Venezja. Il-gvern ta’ Joseph Muscat dawn ir-riformi kien naqas li jwettaqhom. U l-gvern ta’ Robert Abela jidher li ser jagħmel l-istess.
Għandu jingħad li hemm numru mhux ħażin ta’ kwistjonijiet.
L-ewwelnett l-għażla tal-kummissarju tal-pulizija l-ġdid hi waħda ta’ importanza kruċjali. Bħalissa fil-korp tal-pulizija hemm taħwid kbir u l-iskandlu tal-korruzzjoni qed ikompli jinfirex anki fuq uffiċjali anzjani li huma innoċenti li qed jeħlu ma’ dawk li m’humiex. Mid-dehra, pulizija anzjani tad-distrett (b’mod partikolari dawk li jservu fid-distrett tal-Belt Valletta) qed jinżammu responsabbli għal proċeduri li minnhom huma espressament esklużi. Dan hu li inevitabilment jiġri meta sseħħ kriżi bħal din: mal-ħażin jeħel it-tajjeb. Fil-fatt, bosta mill-ħżiena jispiċċaw jgħadduha lixxa. Il-kummissarju tal-pulizija l-ġdid jeħtieġ li jkun “leader”. Ikun jeħtieġ li jressaq lill-korp tal-pulizija l-bogħod mix-xifer li wasslu fih Lawrence Cutajar. Lawrence Cutajar ma kienx biss diżastru. Kien agħar minn sempliċement inkompetenti. U l-kummissarju l-ġdid jeħtieġ li jerġa’ jirbaħ il-fiduċja tal-poplu. Ma jistax jibqa’ pupazz f’idejn il-prim ministru.
It-tieninett, l-unika awtorità li għandha l-jedd li tmexxi kriminalment kontra xi ħadd hi l-pulizija. L-impunità għadha qed tirrenja. Illum fil-qorti Neville Gafà xehed li għadu jiltaqa’ ma’ Keith Schembi kważi kuljum. U tant jaħsbu li ebda liġi ma tista’ għalihom, li jippreferu li jidħaddtu dwar il-futbol milli fuq xi biża’ li jista’ jkollhom li għad jinġabru mill-pulizija.
Dan kollu jibda’ jidher ovvju meta l-gvern jibdel il-liġijiet dwar ir-ralazzjoni tiegħu mal-korp tal-pulizija u mbagħad jigdeb dwar opinjoni indipendenti dwar dik il-liġi minn kummissjoni ta’ esperti.
Għal darb’oħra, qed jippruvaw igħadduna biż-żmien.