Il-president tal-Kummissjoni ta’ Venezja Gianni Buquicchio stqarr miegħi li “ma saret ebda talba formali għall-għoti ta’ parir” rigward il-bidliet proposti fil-liġi li bħalissa qed jiġu diskussi fil-Parlament dwar il-metodu tal-ħatra tal-kummissarju tal-pulizija. Gianni Buquicchio qal li l-Ministeru ta’ Byron Camilleri talab biss “konsultazzjonijiet informali”.

Din it-tweġiba tgiddeb l-istqarrija li għamel Byron Camilleri lill-Parlament li fittxet li sserraħ moħħ il-membri parlamentari li tal-Kummissjoni ta’ Venezja kienu flew u approvaw il-bidliet li hu qed jipproponi. Fil-Parlament  Byron Camilleri qal hekk: “Jien tkellimt mal-Kummissjoni ta’ Venezja flimkien ma’ kollegi tiegħi. Dawn tawni l-permess biex ngħid li kellna video call li fiha huma rrikonoxxew li l-proposti għat-tibdil fil-liġi huma pass fid-direzzjoni t-tajba”Agħtu daqqa t’għajn lejn il-link għall-mod kif tal-istazzjon tat-televiżjoni tal-Labour irrappurtaw id-diskors tiegħu.

Il-bieraħ uffiċjal ieħor anzjan tal-Kunsill tal-Ewropa stqarr miegħi li “l-Kummissjoni ta’ Venezja tesprimi l-pożizzjonijiet tagħha b’mod kollettiv permezz ta’ opinjonijiet miktubin li jkunu ġew adottati f’sessjonijiet plenarji”. Skont il-president tal-Kummissjoni Gianni Buquicchio, ma seħħ xejn minn dan kollu f’dan il-każ. Fl-imgħoddi l-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Vera Jourova kienet insistiet direttament mal-kollega ta’ Byron Camilleri, Owen Bonnici li Malta għandha tfittex il-pariri tal-Kummissjoni ta’ Venezja qabel iddaħħal riformi istituzzjonali.