Adrian Delia mingħalih li ma jista’ għalih ħadd. Mid-dehra, fl-immaġinazzjoni tiegħu qed joħlom b’imgħoddi li fih il-ġganti politiċi kienu jmexxu l-partiti rispettivi tagħhom u li fihom ħadd ma kien jista’ għalihom. Konvenjentement jonqos li jsemmi li dawn il-ġganti politiċi kienu jkunu ilhom jaħartu l-għalqa politika minn wara l-kwinti.

Fl-aħħar tliet snin, kemm ilu li tfaċċa fix-xena, kien hemm bosta li fasslu teoriji u stejjer bil-għan li jippruvaw jifhmu  dan il-fenomenu. Hemm min jemmen li Adrian Delia huwa aġent tal-Partit Laburista. Oħrajn igħidu li huwa mixtri mill-istess ċorma ta’ ħallelin li ħakmu u li qed jiffinanzjaw lill-Partit Laburista. Għal oħrajn huwa ġenju mxajtan li huwa mħallas minn xi ħadd. Hemm min igħid li ma jistax jara mara, li għandu l-vizzju tax-xorb u li għandu l-vizzju tad-droga. Dan jista’ jkun li hu minnu u jista’ jkun li m’huwiex.

Jien tkellimt ma’ diversi persuni li ħadmu miegħu f’dawn l-aħħar tliet snin. Persuni li kienu jappoġġjawh, li ppruvaw jorganizzawh u li ppruvaw iservu fil-kwartieri tiegħu. Dawn ilkoll qaluli li Adrian Delia huwa bniedem għażżien li jipprova jilluppjak b’ilsien taz-zokkor. Iżda l-effett tal-loppju ma jdumx wisq hekk kif dak li jkun jintebaħ li f’nofs il-ġimgħa huwa jagħmel lejl sħiħ jiddeverti ma’ sħabu u mbagħad, nofsu mejjet, jidħol għax-xogħol tard filgħodu wara li jkun ikkanċella l-appuntamenti li kien ikollu ppjanati għalih.

Uħud minn dawk li kienu jaħdmu fl-uffiċċju tiegħu tkellmu miegħi u għaddewli informazzjoni dment li ma nikxifx isimhom. Dawn qaluli li fis-sentejn li ħadmu fid-Dar Ċentrali, tista’ tgħid li huwa qatt ma ħareġ b’idea oriġinali dwar x’għandha tkun il-politika tal-partit, kważi qatt ma ħa xi inizjattiva biex tittieħed pożizzjoni politika u qatt ma sejjaħ laqgħat biex titfassal il-ħidma politika. Sakemm kellu nies taħtu li kienu lesti li jlestulu t-triq, dawn ippruvaw kemm felħu iżda ma tantx setgħu jdumu jgħixu ħajja tat-taparsi li jħobb igħix hu.

Dawn il-ħaddiema li kienu jaħdmu fl-uffiċċju tiegħu qaluli li Adrian Delia ma kienx ilaqqa’ lill-grupp parlamentari mhux għax kien jibża’ li ma jsibx tarf id-deputati iżda għaliex ried jaħdem sigħat anqas biex b’hekk ikollu aktar ħin li jkun band’oħra.

Il-fatt li huwa jidhrilu li x-xogħol politiku li daħal għalih m’għandux jeħodlu wisq minn ħinu rriżulta minn xhieda li huwa ta dan l-aħħar fil-qorti. F’din ix-xhieda huwa stqarr li jippretendi li għandu jispiċċa mix-xogħol kuljum fit-3pm u wara jibqa’ sejjer id-dar.

Dawn qaluli li huwa jidhirlu li l-kariga li jokkupa hi waħda li tistħoqqlu u dan minkejja l-fatt li juri indifferenza kbira għad-dmirijiet tal-kariga li jokkupa. Żiedu jgħiduli li mhux l-ewwel darba wera’ magħhom il-konvinzjoni kbira li għad jilħaq prim ministru. Din il-konvinzjoni iżda, ma jsegwiha qatt b’xi diskussjoni dwar x’bi ħsiebu jagħmel hekk kif jilħaq.

Adrian Delia jopera b’mod li jirrifletti l-karattru li għandu. Lill-konsulenti li jwettqu xogħol b’rabta mat-tfassil tal- politika tista’ tgħid li jinjorahom. Kif jinjora wkoll lil Clyde Puli li l-bieraħ tefa’ r-riżenja tiegħu. Dawn l-eks ħaddiema fl-uffiċċju tiegħu qaluli li huwa kważi qatt ma jmeri r-rakkomandazzjonijiet li jsirulu ikunu kemm ikunu radikali saħansitra anki jekk dawn jikkontradixxu stqarrijiet li jkun għamel hu. U anki jekk dawn jirrakkomandaw ir-riżenja tiegħu stess. Id-deċiżjonijiet li jkun jeħtieġ jieħu jipposponihom għal data oħra biex imbagħad jispiċċaw jiġmgħu it-trab fuq l-ixkafef.

Il-konsulenti tiegħu spiċċaw biex telquh wieħed wara l-ieħor. Ewlenin fost dawn hemm dawk li kienu mbuttawh ‘il quddiem fil-kampanja tal-elezzjoni għall-kap tal-partit. Dawn l-eks ħaddiema tal-uffiċċju tiegħu qaluli li konsulenti ewlenin bħal Pierre Portelli, Mark Grech, David Bonello u Clyde Puli kienu bdew jintebħu saħansitra mill-ewwel ftit ġimgħat tat-tmexxija ta’ Adrian Delia li l-attitudni tal-mexxej il-ġdid fil-konfront ta’ dmirijietu kienet waħda irresponsabbli u nieqsa mill-ħeġġa. Kien hemm fost dawn li ttama aktar minn oħrajn li s-sitwazzjoni għad titranġa.

Fil-frattemp, Adrian Delia madwaru u qrib tiegħu żamm ċorma ta’ lagħqin illitterati li ngħataw aċċess liberu għall-uffiċċju tiegħu x’ħin kien jogħġobhom. Dawn l-eks ħaddiema tal-uffiċċju tiegħu qaluli li l-istruzzjonijiet li kienu ngħataw kienu fis-sens li l-membri ta’ din iċ-ċorma kellhom jitħallew jidħlu fl-uffiċċju tiegħu f’kull ħin anki akkost li jinterrompu xi laqgħa formali ma’ xi ambaxxatur jew dinjitarju.

Din iċ-ċorma ta’ lagħqin li Adrian Delia dawwar madwaru m’għandhom ebda idea jew fehma dwar il-politika tal-PN iżda ċertament japprezzaw l-importanza li ngħatatilhom u l-aċċess bla tarf li għandhom għaċ-“chief”.

Issa li jinsab dahru mal-ħajt, Adrian Delia qed idur għall-għajnuna mingħand din iċ-ċorma. Mill-bidu nett tal-kampanja tiegħu, Adrian Delia kien irnexxilu jpinġi bħala l-għadu lil kull min għandu l-esperjenza, t-taħriġ u l-kompetenza politika. U din l-attiduni hi mbagħad riflessa fit-tgħajjir li qed isibu kontinwament ma’ wiċċhom ċerti impjegati ta’ esperjenza li baqgħu jaħdmu fil-partit (bħalma huma l-impjegati, l-uffiċjali jew il-membri tal-parlament). Dan it-tgħajjir ħafna drabi jkun akkumpanjat b’trolling aħrax permezz tal-media soċjali.

Skont il-mentalità ta’ dawn it-talin, kull min kellu rabta mal-partit qabel l-2017 għandu jerfa’ l-ħtija kollettiva taż- żmien li fih il-partit kien wieħed ‘elitista’ u żmien li fih il-partit kien ittieħed minn idejn “il-poplu”. Barra minn hekk, għaliex il-PN kien tilef l-elezzjonijiet tal-2013 u tal-2017, kull min kellu xi konnessjoni anki remota mat-tmexxija tal-partit ta’ dak iż-żmien hu ttimbrat bħala “tellief” u “responsabbli għat-telfiet tal-partit”.

Bosta politiċi jew konsulenti politiċi li ħadmu f’dawk is-snin spiċċaw biex żammew is-skiet. M’għandniex xi ngħidu, dejjem ikun hemm miżura ta’ responsabbiltà x’tintrefa’ għat-telfiet elettorali u ċertament wieħed għandu jistenna li għandha tingħata l-wisgħa lil ġenerazzjoni ġdida hekk kif dik antika tħalli l-kamp tal-battalja wara li tkun ġiet megħluba.

Iżda dawk li fl-imgħoddi tilfu l-gwerer fl-imgħoddi x’aktarx li għandhom ħila aktar minn ħaddieħor li jxommu diżastru li jkun qed jidher fuq ix-xefaq. Speċjalment meta l-ġenerazzjoni ġdida ta’ suldati tkun waħda li hi mmexxija minn ġeneral li jorqod bi nhar u jiddeverti fis-sigħat ta’ bil-lejl, li m’għandux l-iċken idea oriġinali dwar it-tisħiħ tas-swar tad-difiża u dwar id-disinn tal-armi tal-ġlied u li jippermetti liċ-ċorma ta’ madwaru timla’ żaqqha u titħanżer fil-kċina minkejja t-twissijiet kollha li jirċievi dwar l-iskarsezzi fil-forniment tal-ikel.

F’Settembru 2017, Adrian Delia bħala mexxej ġdid tal-PN iddawwar minn grupp ta’ persuni li riedu l-ġid lill-partit u li kellhom sens ta’ servizz pubbliku li kien biżżejjed għalihom biex jaħsbu li, jekk jagħmlu l-ġid lill-partit, jkunu qed jagħmlu wkoll il-ġid lill-pajjiż. Uħud minnhom damu ftit aktar minn oħrajn biex intebħu bl-iżball li kienu għamlu meta taw l-appoġġ tagħhom lil Adrian Delia bil-għan li titwettaq il-missjoni tagħhom. Uħud damu aktar minn oħrajn biex ammettaw li kienu żbaljaw.

Għal żmien twil dawn kienu mbeżżgħin li s-sens ta’ ħtija kollettiva li kienu tefgħu fuq ħaddieħor f’isem Adrian Delia kien jispiċċa li jiġi mgħobbi għal fuq daharhom. U ħadd ma jista’ jlumhom. Bosta huma dawk li jirreferu għal Clyde Puli, għal Robert Arrigo, għal Pierre Portelli, għal David Agius u oħrajn bħala konġuristi fi pjan li bis-saħħa tiegħu l-PN kellu jitwikka b’Adrian Delia biex issirlu ħsara u ssir ukoll ħsara lill-pajjiż.

Niddubita ferm li din qatt kienet l-intenzjoni tagħhom.

Kien hemm uħud li ssaportew lil Adrian Delia kemm felħu sakemm kien għad kellhom it-tama li dan seta’ jagħti spinta lill-partit. Iżda hekk kif qatgħu qalbhom u telqu, ġew jiġu jaqgħu u jqumu. Ġew jiġu jaqgħu u jqumu li kienu ser jeħlu huma għad-diżastru. Ġew jiġu jaqgħu u jqumu Adrian Delia kienx ser jibqa’ jimraħ fil-wiċċ jew kienx ser jegħreq.

Adrian Delia issa jinsab waħdu joħroġ l-ordnijiet lill-membri ta’ dik iċ-ċorma li hi lesta tiġġieled għal kull min ikun qed jokkupa s-siġġu tas-setgħa iżda li jippreferu li jiġġieldu għal dak li jerħilhom jidħlu fl-uffiċċju tiegħu kif u meta jfettlilhom.

Bħalissa lil Adrian Delia nistħajjlu bħallikieku kien Macbeth f’att numru 5 b’arja ta’ kunfidenza fuqu li ħadd ma jista’ għalih.

Qed jisfida lil kulħadd bl-istess mod kif Hitler kien sfida lil kulħadd lejlet dakinhar li ħa ruħu b’idejh. Qed jisfida lil kulħadd bl-istess mod kif Kaligula kien sfida lil kulħadd hu u jieħu l-kolazzjon tiegħu. Qed jisfida lil kulħadd bl-istess mod kif dawk li jkunu jriduha ta’ eroj iħossuhom intitolati għad-destin tagħhom sakemm jispiċċaw mgħarrqin taħt l-ilma.

Li kieku kulħadd baqa’ jibża’ minn Macbeth, dan kien ikollu l-ħila li hu stess jikteb żewġ atti oħra iżda issa wasal iż-żmien biex il-bqija tal-atturi jaħdmu l-parti tagħhom.

Lill-membri parlamentari Nazzjonalisti nappellalhom biex ma jaqbdux it-triq il-faċli li jrid iqabbadhom Adrian Delia. Bħala mexxejja eletti nappellalhom biex b’xogħolhom jinfluwenzaw il-futur li jridu jaraw għall-partit tagħhom u għal pajjiżhom. Lil dan l-alla falz jeħtieġ li jagħtuh il-ġenb. M’għandhomx joqgħodu jistennew li tfeġġ xi storja jew li jixxandar xi skandlu li tant jumiljawh li jġiegħluh iwarrab minn jeddu. Għandi nifhem li issa dawn intebħu li Adrian Delia ser jibqa’ jaħseb li ma jista’ għalih ħadd sakemm isib ruħu mdawwar minn nirien qawwija.

Nappellahom biex ilkoll jiffirmaw dik il-karta li ser tiddeċiedi d-destin tiegħu u biex jistiednu lil dawk li kienu jappoġġjawh biex jingħaqdu magħhom. Dawn japprezzaw aktar minn ħaddieħor kemm hi urġenti l-ħtieġa li jwarrab. Wasal iż-żmien biex il-ħolma ta’ Adrian Delia li jingħaqad il-partit issir realtà. Għaldaqstant wasal il-waqt li kulħadd jingħaqad kontrih.

Wasal il-mument li jwarrab.