Il-gvern għad fadallu ħafna spjegazzjonijiet x’jagħti dwar Neville Gafà.

Ix-xhieda li huwa ta l-bieraħ fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia nibbtet numru ta’ mistoqsijiet ġodda li l-gvern jeħtieġ li jweġibhom. Għall-ewwel darba, Neville Gafà ta rendikont – li hu sejjaħ bħala wieħed sinċier – tal-funzjoni tiegħu fil-gvern tul dawn l-aħħar sentejn u fuqhom. Huwa ammetta li, meta stqarr li kien mar għall-“btajjel” fi Tripli (belt maħkuma mill-ġlied u l-gwerer), li kien mar hemm biex jiltaqa’ ma’ uffiċjali għolja tal-gvern u li b'”kumbinazzjoni” sab ruħu wiċċ imb’wiċċ ma’ ġellieda magħrufin minn Nazzjonijiet Uniti għar-reati tal-gwerra u għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li wettqu, kien ivvinta kollox.

Inkixef li kien lissen il-qlajjiet.

Taħt il-ġurament li ħa l-bieraħ, Gafà stqarr li kien mar il-Libja fuq missjonijiet unanitarji bil-għan li jagħmliha ta’ ko-ordinatur bejn l-armata Maltija u l-għassiesa tal-fruntiera, minn naħa waħda, u l-gwardjani tal-kosta Libjani minn naħa l-oħra u dan biex jiġu evitati t-traġedji li fihom migranti jispiċċaw jegħrqu fil-baħar. Neville Gafà ma qalx din il-ko-ordinazzjoni f’hiex ikkonsistiet iżda kien kategoriku meta stqarr li xogħolu ma kienx dak li jreġġa’ lill-migranti lura minn fejn ikunu ġejjin. B’dan il-kliem x’aktarx ried ifisser li l-“ko-ordinazzjoni” ma wasslitx biex il-migranti li kienu daħlu fl-ibħra Maltin ingħataw lura f’idejn l-awtoritajiet tal-Libja. Jekk tassew huwa minnu dak li stqarr li fil-fatt qatt ma seħħ (jiġifieri li migranti ma treġġgħux lura miż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija), tgħid kien hemm xi bdil ta’ informazzjoni li għenet lil-Libjani tiġbor lil migranti mill-ibħra li jaqgħu taħt il-kmand tagħhom?

Huwa propju hawn li jinbtu l-mistoqsijiet.

L-ewwelnett, jekk huwa minnu li l-ħidma ta’ Gafà kienet biss b’riżq il-bdil ta’ informazzjoni, għaliex dan il-ħabi u din is-segretezza kollha? Kien biss sa tmiem is-seklu dsatax li stati kienu jiftiehmu ma’ xulxin b’mod sigriet. Fid-dinja tal-lum is-segretezza hi ħaġa rari u hi waħda li tittradixxi lill-komunità multilaterali. Għaliex tabilħaqq, jekk Malta qed tinnegozja trattati sigrieti mal-Libja, fl-istess ħin tkun qed tittradixxi lill-Italja, lil Franza, lit-Tuneżija u lill-bqija. Dan kollu għaliex tħalla li jseħħ?

It-tieni, kif qatt jista’ jkun li l-awtoritajiet Maltin jinsabu infurmati aħjar milli huma l-awtoritajiet Libjani dwar f’liema naħa tal-ibħra tal-Libja jinsabu l-migranti?

It-tielet, x’kien il-prezz li kellu jħallas il-gvern Malti lill-awtoritajiet tal-Libja għall-isforzi tagħhom biex iwaqqfu lill-migranti milli jidħlu fl-ibħra Maltin? F’hiex kien jikkonsisti l-ħlas?

Ir-raba’, x’kienet ir-raġuni li kellha tkun “persuna ta’ fiduċja” li m’għandhiex taħriġ diplomatiku jew militari li ntbagħtet biex tinnegozja mal-awtoritajiet tal-Libja dwar kwistjonijiet militari u diplomatiċi? L-armata kienet ġiet konsultata dwar dawn iż-żjarat u dwar is-suġġett li ġie diskuss? Ġew konsultati d-dipartimenti tal-immigrazzjoni u tal-affarijet barranin? Lill-imseħbin Ewropej tagħna tarrafnilhom dwar l-“arranġament” li fassal Neville Gafà ma’ pajjiż ġar tagħna? Jien ma blajthiex l-iskuża li nġiebet fis-sens li kien proprju Neville Gafà li ntbagħat il-Libja għaliex dan huwa Musulman. Li kieku l-Musulmani kellhom jittrattaw biss mal-Musulmani, ma kienu jaslu mkien. L-iskuża li nġiebet ma tistax titwemmen għaliex hi msejsa fuq komprensjoni żbaljata ta’ kif jitmexxew l-affarijiet fil-qasam internazzjonali.

Il-ħames, Haytam al Tajouri m’huwiex uffiċjal tal-gvern Libjan. Allura Neville Gafà kif kien jafu? Tgħid saru li arranġamenti ma’ al Tajouri biex isir użu mill-ħabsijiet kontollati minnu u li fihom jinżammu l-migranti li jinqabdu  u dan bħala riżultat tal-“ftehim” li sar ma’ Neville Gafà? Fi kliem ieħor, tgħid Malta kienet kompliċi fl-arresti illegali, fit-torturi, fl-iskjavitù u fl-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem? Malta għadha kompliċi? Il-prim ministru Robert Abela jaf bl-“arranġament” li kien wasal għalih Neville Gafà mal-Libja? Issa li nkixfu l-borom, jista’ l-prim ministru jinforma lill-poplu dwar x’fiħ dan l-“arranġament” u dwar jekk għadux fis-seħħ?

M’għandniex xi ngħidu, jista’ jagħti l-każ li arranġament bħal dan qatt ma kien seħħ u li Neville Gafà ħa ġurament falz.

Iżda jekk l-istess gvern, li m’għadux jimpjegah, qed jemmnu, ser ikollu ħafna mistoqsijiet x’iwieġeb.