Louis Galea, wieħed mill-kolonni storiċi tal-PN li fl-2019 intalab minn Adrian Delia biex jirrakkomanda riformi bil-għan li l-PN jerġa’ jieħu r-ruħ, illum xandar il-kontenut ta’ ittra li kiteb lill-kap tal-partit li fiha nsista li għandhom iseħħu bidliet immedjati fit-tmexxija tal-partit.
F’din l-ittra, Louis Galea jilmenta mill-fatt li t-tmexxija tal-partit kaxkret saqajha għal xhur sħaħ wara li Adrian Delia kien diġà qabel mal-bidliet li ppropona Louis Galea.
“Meta nħares lura lejn l-aħħar xahrejn, niftakar f’diversi okkażjonijiet li ma’ wiċċi sibt reżistenza, ambivalenza u tkaxkir tas-saqajn dwar il-proposti sabiex il-grupp parlamentari u l-partit in ġenerali jerġgħu iqumu fuq saqajhom. Il-kunsill ġenerali tal-partit kien rabtek li tipproponi l-bidliet għall-istatut tal-partit sal-aħħar ta’ Jannar.
“Minn nhar is-Sibt ‘l hawn meta ltqajna, ma ġie reġistrat ebda progress dwar il-bidliet li huma meħtieġa fit-tmexxija tal-partit. Kif kien mistenni, s-sondaġġ li xxandar fil-Malta Today kompla żied l-urġenza għat-teħid ta’ azzjoni deċiżiva. Ir-rapport dwar il-konklużjoni tal-laqgħa tal-grupp parlamentari tal-bieraħ ikompli jikkonferma l-ħtieġa li tittieħed azzjoni mmedjata”.
Louis Galea qal li kien bi ħsiebu jitlob li tissejjaħ laqgħa tal-kumitat eżekuttiv tal-partit sabiex jiġu diskussi r-riformi meħtieġa.
Louis Galea bgħat sinjal importanti lill-membri tal-kunsill ġenerali. Fl-2019, mozzjoni ta’ sfiduċja f’Adrian Delia kienet ġiet megħluba wara li Louis Galea kien inħatar mill-kap tal-partit biex “jintroduċi riformi”. Dawk il-kunsilliera li kienu pjuttost xettiċi dwar adrian Delia kienu serrħu rashom li Louis Galea seta’ jqabbdu t-triq it-tajba.
Milli jidher, issa anki Louis Galea qata’ qalbu minnu.