Segwu din l-intervista klassika Jacob Borg għamel lil Adrian Delia hu u dieħel l-uffiċċju tiegħu dalgħodu.

Adrian Delia deher imfarrak. Kien qiesu għadu kemm qam mis-sodda. Bl-aktar mod patetiku lanqas biss kellu l-enerġija biex jintebaħ li ma kienx qed jitħalla jdawwar id-diskors. Jacob Borg hu ġurnalista twil fl-istatura u lanqas dan il-fatt ma ġiegħel lil Adrian Delia jieqaf dritt u b’konvinzjoni jitfa’ ħarstu f’għajnejn il-ġurnalista.

Hi tassew tad-daħk l-idea li ħareġ biha xi ħadd li dan l-inkwiet kollu ġie moħmi mill-gvern biex jaljena l-attenzjoni tan-nies mill-problemi tiegħu. Il-verità hi li, hekk kif ħadu r-riedni tal-partit f’idejhom, Adrian Delia u sħabu ħadmu fuq il-premessa li Joseph Muscat ma setgħax jingħeleb. Dawn ħasbu li setgħu faċilment iwaħħlu fih għall-fatt li ma kinux qed jaqtgħu sandar mal-elettorat u kkonvinċew ruħħom li kulħadd kien rassenjat fil-fehma li l-gvern kien f’idejn l-alla infallibbli li kien imexxi lill-Partit Laburista.

Kien hemm ukoll żmien li fih it-tmexxija tal-PN bdiet tħares lejn l-attivisti tas-soċjetà ċivili bħala għedwwa u saħansitra kienet qalet li tal-Occupy Justice kienu parti minn pjan imxajtan imfassal f’Kastilja sabiex, ħelu ħelu, jiddaħħal l-abort fil-pajjiż.

Kif jaf kulħadd, Joseph Muscat spiċċa biex ġie megħlub. U ġie megħlub mingħajr l-iċken għajnuna ta’ Adrian Delia. Issa qed igħid li jrid jibqa’ “jiġġieled” minkejja l-fatt li f’sentejn sħaħ rajtu biss jiġġieled ma’ Daphne Caruana Galizia meta kienet għadha mimlija bil-għomor u ma’ oħtha li ma tiflaħx tarah pinġut.

Il-filmati li nġibdu f’daru stess ma jgħoddux.

Lil Joseph Muscat ċertament ma ġġilidlix. Iżda jista’ jgħid li ġġieled f’isem Joseph Muscat meta kien ħadha kontra Simon Busuttil f’battalja diviżiva, bla skop u kontro-produċenti għall-aħħar.

F’din l-intervista patetika, Adrian Delia jgħid lil Jacob Borg li mhux ser ikun hu li jikxef dak li ntqal waqt il-laqgħa tal-grupp parlamentari. U minkejja dak li stqarr, jidher li l-kriżi li hemm bħalissa fil-PN skattat mhux biss għaliex fil-fatt tkellem dwar dak li ntqal fil-laqgħa tal-grupp parlamentari iżda wkoll gideb dwar dak li ntqal. Il-bieraħ bil-lejl, lill-ġurnalisti qalilhom li hu għandu l-appoġġ tal-grupp tiegħu biex imexxi lill-partit fl-elezzjoni li ġejja meta fil-fatt il-maġġoranza tal-grupp parlamentari qalulu l-oppost.

Issa l-alleati tiegħu qed jabbandunawh wieħed wieħed.

Jaqaw dan jinsab determinat li jibqa’ waħdu sakemm is-siġġu tas-setgħa ikollu jitneħħa minn taħtu?