Aktar ma jgħaddu ġranet, il-każ favur l-issuktar tat-tmexxija ta’ Adrian Delia fit-tmun tal-PN qed isir dejjem aktar dgħajjef. Il-bieraħ huwa stqarr li ma kienx lest li jittradixxi lil dawk li jridu lill-PN ikun qrib in-nies. Tgħid għal min qed jirreferi? Forsi qed jirreferi għal dawk it-13% li jgħidu li għad għandhom fiduċja fih? Għaliex s’issa ħadd aktar ma mpressjona ruħu bl-isforzi li qed jagħmel.
F’diskorsu reġa’ mar lura għar-retorika li kien uża fl-2017 u stqarr li hemm forzi tal-hekk imsejjħa establishment li kienu qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jaħtfu lill-partit minn taħt ħalq il-membri tiegħu u li hu qed jagħmel minn kollox biex dan ma jseħħx. Jekk b’dan id-diskors qed jirreferi għal dawk id-deputati parlamentari li ma jarawx għajn m’għajn miegħu, qed jinjora l-fatt li dawn kienu ġew eletti mill-elettorat wara li kienu ppreżentaw ruħħom bħala kandidati fil-lista tal-PN. Hu kien ġie co-opted fil-Parlament u mhux qiegħed hemm bis-saħħa tal-voti tan-nies.
Li kieku Adrian Delia kellu xi raġuni msesjsa fuq xi prinċipju l-għala ma jridx iwarrab – raġuni li wieħed forsi jkun jista’ jifhimha – din ir-raġuni jinsab fid-dmir li jistqarr x’inhi.
Mhix kwistjoni li ma jridx iwarrab. Iżda waħda li ma jistax iwarrab.
Jien qrajt ix-xhieda li kien ta fil-qorti Adrian Delia stess li minnha jirriżulta li hu ma jistax ikampa mingħajr is-salarju ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Dakinhar li jispiċċa minn din il-kariga, ser ikollu diffikultajiet kbar biex jonora d-djun li għandu.
M’għandix għalfejn noqgħod inxandar dettalji għaliex Adrian Delia huwa bniedem tad-demm u l-laħam u, wara li jwarrab, jistħoqqlu li jingħata ċans li jieħu r-ruħ u li jerġa’ jibni ħajjtu. Għaliex wara li jispiċċa minn Kap tal-PN, jerġa’ jsir persuna privata u jkun intitolat li jibda’ ħajjtu mill-ġdid.
Madankollu qed nittama li jibda’ jmexxih is-sens komun u li ma jibqax iżomm lill-partit tiegħu u lid-demokrazija Maltija bħala ostaġġi minħabba l-problemi personali tiegħu u għalissa l-informazzjoni li għandi se nżommha għalija. Iżda sakemm jibqa’ jokkupa l-kariga kostituzzjonali li għandu, l-pożizzjoni finanzjarja prekarja tiegħu m’hix kwistjoni ta’ natura privata.
Bħal kull min jinsab fis-sitwazzjoni tiegħu, Adrian Delia tant huwa suġġett għar-rikatti, għall-korruzzjoni u għall-kxif tal-għawwar li din hi sitwazzjoni li hi inaċċettabbli għal persuna fil-kariga tiegħu. Is-severità finanzjarja tas-sitwazzjoni tiegħu lanqas biss toħlomha għal xi ħadd li jkun qed jokkupa l-kariga ta’ prim ministru.
Fuq livell purament uman, jiddispjaċini għalih. Għażliet ma tantx fadallu u l-sitwazzjoni tiegħu tinsab fix-xifer.
Iżda r-ras iebsa li għandu qiegħda tkabbarlu l-umiljazzjoni tiegħu.
M’għandniex xi ngħidu, jekk ser jasal biex jiċħad il-konklużjoni li kien wasal għaliha hu stess fis-sens li s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu waslet fix-xifer, mhux ser ikolli għażla oħra ħlief li nxandar id-dettalji kif kienu ġew spjegati minnu stess.