Repubblika tkellmet dwar il-ħatra ta’ dik li kienet il-kelliema ta’ Joseph Muscat, Ramona Attard fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar u qalet li tinsab diżgustata b’din id-deċiżjoni tal-gvern għaliex l-uniċi kredenzjali li għandha din il-persuna huma li hi waħda mill-bażużli tal-Partit Laburista.
Tul il-karriera tagħha Ramona Attard ħadmet fi ħdan il-Partit Laburista u fl-uffiċċji politiċi tal-gvern Laburista. Kienet il-kelliema ta’ Joseph Muscat għal żmien twil u mbagħad ħadmet bħala konsulent dwar l-immaġni pubblika ta’ Joseph Muscat.
Wara li Joseph Muscat ġie mġiegħel iwarrab minħabba l-korruzzjoni u minħabba l-involviment tal-uffiċċju tiegħu fit-tfixkil tal-investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, dawk li kienu jaħdmu fl-istess uffiċċju ġew ippremjati b’impjiegi fis-servizz pubbliku.
Il-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar huwa bord kawżi ġudizzjarju li suppost jaħdem b’mod awtonomu mill-gvern. Repubblika qalet li bis-saħħa tal-ħatra ta’ Ramona Attard, il-Bord se jintuża bħala ħalq ieħor li ser iservi biex il-Partit Laburista jkompli jsostni s-setgħa tiegħu.
Bil-ħatra ta’ Ramona Attard, tista’ tgħid li Malta adottat sistema sovjetika li fiha karigi fl-amministrazzjoni pubblika ma jingħatawx lil dawk li għandhom il-kompetenza meħtieġa iżda lil dawk li huma lejali u attivi fi ħdan il-partit.
Repubblika tkellmet ukoll dwar rapporti li dehru fit-Times of Malta fis-sens li l-gvern qed iħejji biex jagħti ħatra fis-servizz pubbliku lil Randolph Debattista issa li l-Partit Laburista keċċieħ bħala uffiċjal eżekuttiv ewlieni. Jidher li l-kwistjonijiet dwar l-impjieg personali ta’ Randolph Debattista saru problemi nazzjonali. Kull min jitlef l-impjieg tiegħu minn mas-settur privat m’huwiex awtomatikament intitolat għal impjieg mal-gvern. Iżda din ir-regola ma tapplikax għall-ipprivileġġjati li jaħdmu fi ħdan il-Partit Laburista.
Repubblika tkellmet ukoll dwar rapporti li jittrattaw dwar l-imġieba tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech u qalet li din l-istorja tikkonferma kemm issir ħsara meta jinħatru persuni nkompetenti f’karigi pubbliċi li jingħażlu biss minħabba l-appoġġ li huma jagħtu lill-Partit. Johann Grech ħaddem sistema diskriminatorja li kissret il-kompetizzjoni fil-qasam li huwa fid-dmir li jirregola u b’hekk għamel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta f’settur ieħor strateġiku. Iżda tal-Labour jidhru li lesti li jagħlqu għajnejhom għaliex Johann Grech huwa propagandist veteran għal Joseph u Michelle Muscat u sostenitur ta’ Robert Abela.
Din l-imġieba tmur direttament kontra dak li hu mistenni mill-impenn tal-gvern ta’ Robert Abela li jagħti priorità lill-governanza tajba. U, minflok governanza tajba, għandna governanza tip sovjetika u korruzzjoni istituzzjonalizzata.
Il-ħsara li tista’ ssir lill-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti minħabba l-ħatra l-ġdida li ngħatat lil Ramona Attard – waqt li hi tkun qed taħdem fl-interess partiġġjan tal-partit tagħha – hi kbira ħafna u l-vittmi ser jkunu l-ambjent tagħna u dawk kollha li jgħixu fih.