Alex Agius Saliba għandu għalxiex ikun kburi bir-riżultat straordinarju li kiseb li kien biżżejjed biex akkwista siġġu fil-Parlament Ewropew. L-elezzjoni għall-Parlament Ewropew hemm bosta li jikkontestawha iżda huma l-waħdiet li jirnexxielhom li jiġu eletti. Għaldaqstant nistgħu ngħidu li Agius Saliba għandu ċertu kwalitajiet li wassluh għas-suċċess.

Madankollu jidher li huwa mixtieq li jimpressjona xi ftit iżżejjed.

F’fuljett li bgħat lill-kostitwenti tiegħu, Alex Agius Saliba kiteb li kien ġie elett fil-Parlament Ewropew u li kien kiseb 35,823 vot. Dan m’huwiex minnu.

Fl-elezzjoni Ewropea huwa kien kiseb 18,808 vot tal-ewwel preferenza. Ċertament dan kien riżultat tajjeb ħafna li għandu jkun kburi bih. Iżda min jaf għaliex ħass il-ħtieġa li fil-fuljett ikabbar iċ-ċifra tal-voti li fil-fatt kien ġab?

Li kieku Alex Agius Saliba tassew kien ġab dawk il-voti kollha li l-fuljett igħid li kien ġab, kien jitla’ elett fi stadju ħafna aktar bikri għaliex il-kwota kienet ta’ ftit aktar minn 37,000 vot. Huwa kien ġie elett mad-39 għadd wara li kien wiret il-voti mingħand kandidati oħrajn li kienu ġew eliminati.

M’għandniex xi ngħidu, Alex ħasibħa b’mod strateġiku u ġabha żewġ. Kunjomu proprju huwa Saliba u, minħabba s-sekwenza tal-alfabett, b’kunjom bħal dan kien ikun qrib ferm il-qiegħ tal-lista u ċertament ma kienx jiret il-kwantità ta’ voti li fil-fatt wiret biex seta’ ġie elett.  Għaldaqstant huwa żżewweġ lil ċerta Sinjorina Agius u bidel kunjomu għal Agius Saliba billi kunjom martu xeħtu quddiem kunjomu biex b’hekk bis-saħħa tas-sekwenza alfabetika ismu ġie fil-quċċata tal-lista.

Din il-manuvra ħadmet u kienet biżżejjed biex akkwistatlu siġġu fil-Parlament Ewropew.

Madankollu dan ma kienx biżżejjed u ddeċieda li jonfoħ sidru u jkabbar iċ-ċifri.