Glenn Bedingfield illum xehed fl-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Wara sentejn ta’ kundanni minn madwar id-dinja, ta’ filmati, kotba, artikli u dokumentarji lkoll b’analiżi oġġettiva ta’ dak kollu li seħħ f’Malta fis-snin ta’ qabel seħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ dak kollu li seħħ minn dakinhar tal-assassinju, ta’ żjarat minn delegazzjonijiet barranin, ta’ ambaxxati rritati, ta’ riżoluzzjonijiet kundannatorji … wara dan kollu, Glenn Bedingfield, il-Partit Laburista u l-gvern li jirrappreżenta ma wrew ebda ndiema. Mhux talli m’għandhom ebda ndiema, iżda lanqas biss għandhom il-ħila jintebħu li fin-natura tagħhom l-argumenti li ta’ sikwit iġibu huma ġustifikazzjonijiet ta’ assassinju li huma jgħidu li ma kellhom xejn x’jaqsmu miegħu.

Glenn Bedingfield ried jinstema’ bħallikieku kien xi Isaac Newton meta stqarr li “kull azzjoni ġġib magħha reazzjoni”. Madankollu kien aktar qiesu Shylock imserdaq meta tkellem dwar dak li sejjaħ bħala għajn għal għajn, hu u jinsisti dwar dak li – skont hu – kien seħħ. Skont hu, Daphne kienet “attakkat” lilu u lil oħrajn u għaldaqstant ta lilu nnifsu u lil ħaddieħor il-jedd biex isir kontro-attakk fuqha.

Iżda din l-interpretazzjoni perversa tat-teorija fiżika ta’ Newton għandha l-problemi tagħha.

Nibdew biex, Glenn Bedingfield ma ġabx l-iċken prova dwar dak li huwa sejjaħ bħala “attakk” fuqu u, hu u jipperora fl-inkjesta, għamel riferenza għal “attakk” fuq bintu. Aktar tard fis-seduta, Therese Comodini Cachia qrat il-kitba suppost offensiva li dwarha kien ħa għalih u din il-kitba rriżulta li kienet biss riferenza ħafifa għaliha fil-kuntest ta’ kitba oħra li fiha Daphne kienet ikkritikat l-imġieba tiegħu u mhux ta’ bintu.

It-tieninett, Daphne Caruana Galizia  – b’kuntrast ma’ Glenn Bedingfield – ma kienitx taqla’ l-paga tagħha mingħand il-gvern, ma kienitx kandidata fl-elezzjoni ġenerali, ma kienitx tfittex iċ-ċapċip, ma kienitx uffiċjal pubbliku u ma kienitx fil-politika. Għaldaqstant ma jistgħu qatt isiru l-paraguni dwar il-kontabilità taż-żewġ naħat u l-iskrutinju li jkun mistenni li jsir fuq politiku ma jista’ qatt isir ukoll bl-istess qies fuq ġurnalista.

It-tielet, l-esperjenza storika turina li ġurnalista li taħdem għal rasha (jew anki ma’ oħrajn) hi ħafna aktar vulnerabbli għall-vjolenza milli qatt jista’ jkun politiku ta’ partit li jkun qiegħed fil-gvern. Jekk Glenn Bedingfield jidhirlu li kien għamel lil Daphne l-istess ħaġa li kienet għamlet lilu, ser ikollu jispjega il-għala hu għadu mimli bil-għomor filwaqt li hi spiċċat biex inħasditilha ħajjitha. Ma nafx kemm il-darba tkellimna dwar din il-kwistjoni. Iżda jekk qatt kien hemm bżonn prova li l-istat Malti wera’ indifferenza totali għas-sigurtà tal-ġurnalisti u li kien ostili partikolarment fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia, din il-prova u din ir-realtà qed ngħixuhom fil-preżent. Il-gvern għadu sal-lum juri indifferenza għas-sigurtà tal-ġurnalisti u għadu ostili lejn Daphne Caruana Galizia. Sal-lum għadhom jitkellmu dwarha bl-istess mod kif kienu jitkellmu dwarha fl-imgħoddi. U mhux billi jibqgħu jiċħdu li l-kampanji konsistenti u t-tixwix tagħhom ħolqu ambjent li kien stieden it-twettiq tal-assassinju tagħha.

Bħal kull xhud ieħor li xehed qablu, Glenn Bedingfield qal li jiddispjaċih li nqatlet Daphne Caruana Galizia. Iżda dan id-dispjaċir ċertament ma kienx wieħed sinċier u dan deher ċar meta ntwerew ritratti ta’ strixxuni bil-kliem “fejn hu l-laptop?”, liema strixxuni ddendlu madwar Malta kollha ftit wara li fil-blog tiegħu kien insinwa li l-membri tal-familja ta’ Daphne ma ridux jirrilaxxjaw il-laptops tagħha biex jaħbu l-kuntest veru tal-qtil ta’ ommhom. B’kitba bħal din, m’għamel xejn ħlief implika li Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet mill-membri tal-familja tagħha stess. B’dik il-kitba, proprju dan hu li ried ifisser anki jekk illum dan ċaħdu.

Lill-bord tal-inkjesta, Glenn Bedingield qallu li hu ma kellu x’jaqsam xejn ma’ dawn l-istrixxuni, iżda stenna li kien ser jeħel hu minħabba dak li kien kiteb fil-blog tiegħu. Lill-qorti qalilha “ħa neħel jien”. Seta’ jifhem il-għala n-nies rabtu l-istrixxuni ma’ dak li kien kiteb fil-blog tiegħu u ma kellux bżonn lill-qorti biex jiġi mġiegħel jintebaħ b’din ir-rabta li kien hemm bejn dak li kien kiteb, bejn it-tixwix li tqanqal bis-saħħa tal-kitbiet tiegħu u l-konsegwenzi diretti fuq l-imġieba ta’ ċerti persuni li hu jgħid li ma jafhomx. Seta’ jintebaħ bil-kawża u bl-effett speċjalment għaliex il-kawża kien mexxiha proprju hu u l-effett segwa ftit wara. Fil-blog tiegħu huwa kien kiteb ‘fejn hu l-laptop?’ u persuni mhux magħrufa ħarġu jiġru fit-toroq biex idendlu strixxuni b’din il-mistoqsija miktuba fuqhom. U fl-istess waqt ħareġ bl-insinwazzjoni li l-membri tal-familja ta’ Daphne kienu qed jaħbu l-verità dwar il-qtil tagħha. L-istess insinwazzjoni li kienu huma li qatluha.

Jeħtieġ li niftakru li min kien jaqra’ l-blog ta’ Bedingfield, kien qed jaqra’ blog ta’ uffiċjal imlaħħaq tal-gvern, ta’ membru parlamentari tan-naħa tal-gvern, ta’ persuna li jmur għall-btajjel mal-prim ministru u ta’ personalità fix-xena tax-xandir tal-Labour li bosta segwaċi tal-Partit laburista jqisuh bħala portavuċi tal-gvern li jġorr miegħu l-awtorità. X’inhi r-raġuni li Glenn Bedingfield ma ra ebda rabta bejn l-attakki ta’ kuljum, id-disprezz sproporzjonat, il-ħdura li biha huwa pinġa lil Daphne Caruana Galizia u r-reazzjoni ta’ ċerti persuni li kienu fehmu li ngħataw il-lala biex joqtluha? Huwa qal li ma jara l-ebda rabta. Imma nafu eżatt dak li jkun għaddej minn moħħu: “ħa neħel jien.” U bir-raġun kollu. Fil-fatt Glenn Bedingfield din ir-rabta jaraha ċara u tonda. U jaf li, kieku kellu jammetti li teżisti rabta u jistqarr li ma kienx apprezza kemm setgħu jkunu serji l-konsegwenzi tal-imġieba tiegħu, kien ikollu jerfa’ miżura ta’ responsabbiltà.

Iżda – ma tarax! – Bedingfield ma jista’ qatt jammetti li hu u l-partit tiegħu b’xi mod kienu żbaljaw. Għax meta dawn jiġu kritikati, ibqgħu ċerti li ser jilgħabuha tal-vittmi u jwaħħlu fin-“Nazzjonalisti”. Din hi r-raġuni l-għala Glenn Bedingfield (kif ukoll ix-xhieda Laburisti kollha li xehdu din il-ġimgħa) m’għandhomx il-kuraġġ li jitfgħu ħarsithom f’għajnejn il-membri tal-familja ta’ Daphne hekk kif igħaddu minn quddiemhom huma u jersqu lejn il-pedana tax-xhieda. Mhux ser iħallu lilhom infushom iħossu l-iċken indiema. Jekk iħossu l-indiema, jkun jeħtieġ li jirrikonoxxuha. U jekk jirrikonoxxuha, ikollhom ukoll jammettu li r-reazzjoni tagħhom għall-kritika ta’ Daphne Caruana Galizia kienet waħda sproporzjonata, selvaġġa, awtoritarja u waħda li ma taqbel xejn mal-ispirtu tad-demokrazija.

Kull darba li wieġbu għal dak li huma fehmu żbaljatament bħala “attakki”, għamlu dan mingħajr ma’ ġabu argumenti sodi. Illum Glenn Bedingfield irrepeta kemm il-darba l-kliem “għax hi hekk għamlitli”. Kien xogħol Daphne Caruana Galizia bħala ġurnalista li tikxef il-medjokrità, l-korruzzjoni, il-ħmieġ, is-superfiċjalità, ir-regħba u l-inkompetenza fl-amministrazzjoni pubblika. Huwa minnu li dawk li fl-amministrazzjoni pubblika huma medjokri, korrotti, maħmuġin, superfiċjali, rgħiba u nkompetenti kienu “mweġġgħin” b’dak li kienet tikteb fuqhom. Iżda l-verità hi li dak li kienet tikteb dwarhom kien kollu minnu u l-kritika tagħha kien messha ġiegħlithom iġibu ruħħom aħjar bħala uffiċjali pubbliċi. Jew jekk ma kellhomx il-ħila li jikkoreġu l-imġieba tagħhom, li jwarrbu biex posthom jieħduh persuni li għandhom ħiliet aħjar milli għandhom huma. Iżda nies bħal dawn m’għandhom ebda inklinazzjoni li jippruvaw jirranġaw l-imġieba tagħhom għaliex l-interess tagħhom huwa biss is-setgħa politika. U għaldaqstant, talli “weġġgħathom”, lil Daphne riedu jpattuhielha b’weġgħat fil-konfront tagħha.

Ġurnalista ta’ kalibru mogħnija b’pinna eċċellenti u b’ħiliet investigattivi bħalma kienet Daphne ma setgħet qatt tkun mixlija b’medjokrità jew b’korruzzjoni għaliex kienet mara integra. Ma setgħet qatt tiġi mixlija b’superfiċjalità, b’ nuqqas ta’ diċenza, b’regħba jew b’nuqqas ta’ kompetenza. U għaldaqstant infexxew f’tgħajjir kontriha. Tgħajjir li wħud mis-segwaċi tagħhom xorbuh f’moħħhom, għamluh tagħhom u pinġewha bħallikieku kienet xi mostru.

Daphne kienet ażżardat tikkritika u kienet tforni lill-qarrejja tagħha b’fatti investigati u bi provi f’idejha. U ma wiċċha sabet il-mibgħeda, l-ħdura, il-gideb, il-vjolenza u t-tixwix. U kien hemm ukoll min fehem li ngħataw il-lala biex joqtluha bl-impunità kollha.

Bis-saħħa ta’ din l-inkjesta, ngħatat l-opportunità lil persuni bħal Glenn Bedingfield li jiffaċċjaw il-verità dwar dak li kellhom il-ħila li jwettqu, li jispjegaw il-kuntest ta’ dak li wettqu, li juru ndiema, li jiskużaw ruħħom u li jitolbu l-maħfra mingħand dawk li tant sofrew minħabba l-imġieba tagħhom. Daphne m’għadhiex magħna iżda l-membri tal-familja tagħha għadhom mimlijin bil-għomor u kienu preżenti waqt is-smiegħ tax-xhieda tul l-inkjesta. Kien hu li għadda minn quddiemhom. Glenn Bedingfield (u oħrajn bħalu li xehdu fl-inkjesta) li kieku ried seta’ spjega li hu qatt ma kien għaddielu minn moħħu li t-tixwix tiegħu seta’ jwassal biex tinqatel persuna u li kieku dan fehmu mill-bidu nett, kien irażżan it-ton ta’ kitbietu. Iżda llum Glenn Bedingfield ippreżenta kopji ta’ dak li Daphne kienet kitbet dwaru. Min jaf x’ried jipprova b’din il-mossa? Hu għadu mimli bil-għomor u hi nqerdet minn wiċċ id-dinja.

X’kien allura r-riżultat ta’ kitbietha? Li kienet stiednet il-qtil tagħha stess għax kitbet dwaru? Jaqaw Glenn Bedingfield qed jgħid li Daphne kien ħaqqha li tinqatel?

Ibqgħu ċerti li din il-kitba Glenn Bedingfield ser iqisha bħala attakk kontra tiegħu. Ma ġara’ xejn.

Jien insejjħilha reazzjoni à la Newton.

It-tweġiba hi fl-affermattiv.