Peress li l-industrija tal-kostruzzjoni ma teħtieġx il-preżenza fiżika tal-klijent fuq il-lant tax-xogħol, ma kellhiex għalfejn timxi mar-restrizzjonijiet tat-twettiq tad-distanzi soċjali u għaldaqstant l-attività ekonomika tagħha baqgħet ma ntmessitx. Huwa minn ewl id-dinja li min imexxi jew jaħdem f’ristorant ikollu jaħdem fiżikament qrib il-klijenti bir-riskju li jifrex il-virus fosthom.

Minn naħa l-oħra, il-“klijenti” ta’ proġett ta’ kostruzzjoni jistgħu jżommu l-bogħod mil-lant tax-xogħol fejn il-ħaddiema jkunu qed jagħmlu xogħolhom.

Madankollu l-ħaddiema xorta waħda jistgħu ikunu nfettati bil-mard u jistgħu ukoll jinfettaw lil xulxin. Postijiet tax-xogħol bħalma huma s-supermarkets irċievew sensiela ta’ regolamenti dwar il-mod kif dawn jistgħu jnaqqsu r-riskju tal-infezzjoni għall-ħaddiema tagħhom permezz taż-żamma tad-distanzi bejn persuna u oħra, protokolli dwar it-tindif, ilbies ta’ ngwanti, maskri u lbies protettiv ieħor u tibdiliet fil-metodi tat-trasport.

Dan hu l-mod kif riskju tal-mard jista’ jitnaqqas. Iżda diffiċli li jiġi eliminat għal kollox.

Nistaqsi: jaqaw min qed imexxi l-industrija tal-kostruzzjoni mingħalih li l-ħaddiema li jaħdmu fiha m’humiex vulnerabbli wkoll li jittieħdu mill-mard?

Agħtu daqqa t’għajn lejn dawn ir-ritratti li nġibdu dalgħodu u li fihom tidher ġemgħa kbira ta’ ħaddiema miġburin f’car park. Dawn la huma libsin ilbies protettiv u ngwanti u lanqas huma libsin il-maskri. Fuq kollox, lanqas huma fiżikament mbiegħdin minn xulxin. Imbagħad dawn ilkoll rikbu karrozza tal-linja u kienu ppakkjati fiha qishom sardin f’landa.

Taħsbu li ħaġa bħal din tgħin biex tiġi kontrollata l-epidemija?