Id-deputat mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona ma rajnieħx b’nemes kemm ilu li warrab Joseph Muscat u kemm ilu li nħatar il-kabinett il-ġdid ta’ Robert Abela.
Flimkien ma’ Konrad Mizzi – wieħed mill-kollaboraturi ewlenin fil-kabinett ta’ Joseph Muscat – u, m’għandniex xi ngħidu, Joseph Muscat innifsu, Chris Cardona baqa’ ma ngħatax kariga ministerjali mill-prim ministru l-ġdid.
F’Jannar li għadda lill-ġurnal MaltaToday Chris Cardona kien qallu li Robert Abela kien offrielu kariga minsterjali iżda kien hu stess li għażel li jibqa’ barra mill-kabinett. F’din l-intervista, Chris Cardona kien qal li “minħabba ċ-ċirkostanzi jeħtieġ li jiffoka fuq xogħol tal-partit aktar minn fuq xogħol ministerjali.” Qal ukoll li kien bi ħsiebu jibqa’ fil-kariga ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista u stqarr li Robert Abela talbu sabiex iqatta’ aktar ħin fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-partit.
“Il-Prim Ministru, li hu wkoll il-mexxej tal-partit, qal li l-partit jeħtieġ persuna bl-esperjenza li għandu hu biex igħinu jimxi ‘l quddiem u jien ninsab kuntent nagħmel dan ix-xogħol,” ġie kkwotat li qal.
Iżda Chris Cardona ilu ma jidher f’xi attività tal-partit mill-bidu ta’ Jannar u naqas li jattendi għal diversi laqgħat tal-kumitat eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Hawn jidher li għandna każ ta’ politiku li jokkupa t-tieni kariga l-aktar importanti ta’ partit li jinsab fil-gvern iżda li hu distakkat mill-attivitajiet tal-istess partit.
Chris Cardona kien ministru mill-aktar kontroversjali bi stil ta’ ħajja kemmxejn problematiku. Waqt li kien fil-kariga, kemm il-darba kien jidher xurban fil-pubbliku. F’Jannar 2017, Daphne Caruana Galizia kienet irrappurtat li, waqt li kien fuq żjara uffiċjali relatata mal-Unjoni Ewropea, kien kellu x’jaqsam sesswalment fl-istess ħin ma’ uffiċjal fil-Ministeru tiegħu u ma’ prostituta f’burdell fil-Ġermanja.
Huwa kien ċaħad din l-istorja u kien għamel numru ta’ kawżi ta’ libell u qabad triq li ma kellha ebda preċedent meta għamel mandati ta’ sekwestru fuq il-kont bankarju ta’ Daphne Caruana Galizia. Lill-Qorti ma kienx irnexxielu jipperswadiha twarrab provi miġburin mil-location data tal-mobile tiegħu, liema provi setgħu jikkonfermaw il-lokalità li kien fiha f’dak il-famuż lejl.
Wara li kienet ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia, l-każ tiegħu kien ġie kanċellat mill-Qorti wara li naqas li jitla’ jixhed. Għaldaqstant l-akkuża li hu kien mar f’burdell waqt li kien fuq xogħol uffiċjali għadha hemm.
Ismu baqa’ jissemma’ f’kontroversji meta, f’ittra allegatament miktuba minn dak li kien iċ-chief of staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri lil Yorgen Fenech – persuna akkużata bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – liema ittra twasslet mit-tabib tagħhom stess, ingħataw struzzjonijiet lil Yorgen Fenech dwar kif dan għandu jitfa’ t-tort tad-delitt fuq Chris Cardona.
Din l-istorja forsi għad tista’ titwemmen għaliex Chris Cardona kien inqabad jigdeb diversi drabi dwar laqgħat li kellu ma’ wieħed mit-tliet assassini li hu mixli li kien wieħed minn dawk li wettqu d-delitt. Chris Cardona kien ukoll soċju f’uffiċċju legali ma’ David Gatt, persuna li kienet ġiet mixlija – u aktar tard kienet ġiet liberata – li kienet il-moħħ wara serqa minn bank li fiha kien imdaħħal wieħed mill-mixlija bil-qtil ta’ Daphne.
F’Novembru l-pulizija kienu nterrogaw lil Chris Cardona iżda dan ma nżammx arrestat. Lejn tmiem l-2019, fl-eqqel tal-kriżi, Chris Cardona kien “issospenda lilu nnifsu” mid-dmirijiet ministerjali tiegħu “biex ikun jista’ jnaddaf ismu”. Il-liġijiet tagħna ma jipprovdux għall-awto-sospensjonijiet u Chris Cardona f’dak iż-żmien xorta waħda kien hemm min raħ kemm il-darba fl-uffiċċju ministerjali tiegħu.
Aktar tard u, fi żmien li għażel hu stess, Chris Cardona iddikjara li l-awto-sospensjoni tiegħu kienet ġiet fi tmiemha.
Madankollu, wara xi ftit ġimgħat, huwa ma kompliex jattendi għal laqgħat u attivitajiet tal-gvern u tal-partit.
Għejjun tal-Partit Laburista jgħidu li l-mexxej tal-partit u prim ministru Robert Abela issa qed jikkonsidra l-pass li jmiss sabiex iġiegħel lil Chris Cardona jwarrab mill-kariga li għandu fil-partit. Sal-lum Chris Cardona għadu membru parlamentari.