Ġie rappurtat li l-gvern qed iwiegħed xi forma ta’ għajnuna lis-sidien tal-mezzi tal-istampa u x-xandir sabiex dawn ikunu jistgħu jibqgħu fil-wiċċ waqt il-kriżi tal-coronavirus. Madankollu jidher li l-gvern ma xandarx wisq dettalji dwar din l-għajnuna, dwar min ser jikkwalifika għaliha, dwar liema huma l-kriterji li jikkwalifikaw għall-għajnuna u dwar jekk hemmx xi kundizzjonijiet wara l-għoti tagħha.
Il-gvern jidher li mpenja ruħu li jipprovdi l-għajnuna wara li saru sejħiet mit-Times of Malta, mill-Malta Independent u mill-MaltaToday li lkoll qed jaraw il-qamar fil-bir minħabba tnaqqis kbir fi dħul mir-reklamar li qed isofru u li hu kawżat mill-kriżi ekonomika li ġabet magħha l-epidemija.
Jien appoġġjajt u bqajt nappoġġja s-sejħiet biex il-mezzi tal-istampa u x-xandir indipendenti jingħataw għajnuna finanzjarja mill-istat. Irrid nagħmluha ċara li l-għajnuna għandha tingħata mill-istat u mhux mill-gvern. Għax hemm distinzjoni bejn l-istat u l-gvern. Biex ma nħawwadx l-imħuħ, ser nissimplifika: deċiżjonijiet dwar kemm għandhom isiru ħlasijiet, kemm il-darba għandhom isiru dawn il-ħlasijiet, lil min għandhom isiru u meta għandhom isiru, m’għandhomx jittieħdu minn prim ministri jew minn ministri tal-gvern.
Dan li qed nikteb m’huwiex xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Il-prim ministru ma jistax jindaħal dwar jekk imħallef għandux jitħallas il-paga tiegħu għal dan ix-xahar jew le, anki jekk dan ikun qata’ sentenza fil-qorti kontra l-gvern. L-istess jista’ jingħad għall-ministru tas-saħħa. Dan ma jistax jaqbad u jħassar l-appuntamenti fl-isptar li jkollhom dawk li jkunu vvutaw lill-partit avversarju. Din hi appuntu r-raġuni l-għala fil-pajjiż għandna liġijiet li jagħmlu limitu fuq dak li jista’ jagħmel jew ma jagħmilx il-gvern bi flusna.
M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd jista’ jserraħ rasu b’dawn is-salvagwardji.
Hemm ukoll min ma jaqbilx mal-idea li għandha tingħata għajnuna mill-istat lill-mezzi tax-xandir. Fost dawn, hemm min iqis lill-mezzi tax-xandir bħal kwalukwe negozju ieħor. F’ċirkostanzi normali, negozju li ma jkollux il-ħila li jlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-konsumaturi, jkollu jerfa’ u jagħlaq il-bibien tiegħu. Min fl-2002 kien imexxi ħanut li jikri d-DVDs, fl-2020 m’għandux jistenna’ li jingħata s-sussidji biex jibqa’ fl-istess negozju. Skont ir-raġunar ta’ din it-tixbiha, jekk allura n-nies tagħżel li tagħmel użu mill-Facebook biex tirċievi l-informazzjoni li tkun teħtieġ, il-ġurnali, r-radjijiet, il-websites u l-istazzjonijiet tal-televiżjoni m’għandhomx jistennew li jingħataw is-sussidji.
Madankollu jeħtieġ li wieħed jiftakar li bis-saħħa tal-popolarizzazzjoni tal-informazzjoni, partikolarment permezz tal-Facebook, il-valuri tal-verifika, tal-lealtà lejn il-verità u tal-pluralità tal-fehmiet – ilkoll valuri li l-mezzi tal-istampa u x-xandir indipendenti huma dejjem mistennija li jħarsu – m’għandhomx meqjusin bħala priorità. Bħal kull attività oħra tal-bniedem, il-ġudizzju dwar il-mezzi tax-xandir indipendenti huwa msejjes fuq in-numru ta’ drabi li dawn iwarrbu dawn il-valuri. Iżda huwa dejjem aħjar li jkollna mezzi tax-xandir indipendenti li xi drabi jwarrbu dawn il-valuri milli jkollna l-kaos li ġabu magħhom il-mezzi tal-media soċjali.
Il-kaos jaf iservi ta’ sellum. U dawk li qed jgħumu fil-flus għarfu jisfruttaw l-illużjoni li l-media soċjali tinsab bejn ħalltejn dwar dak li xxandar permezz ta’ nfieq flejjes fil-Facebook sabiex ir-realtà tiġi mgħawwġa favur tagħhom. Biżżejjed wieħed isemmi l-flejjes kbar li ntefqu mill-gvern ta’ Joseph Muscat fil-Facebook.
Kien, wara kollox, Konrad Mizzi li ma kien idejjaq xejn li jdardar lil kulħadd meta xtara spazju fuq il-Facebook u deher bla waqfien fuq in-newsfeeds tan-nies u dan minflok qagħad għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti li kienu qed jippruvaw iġiegħluh igħid il-verità.
Hemm ukoll dawk li jibżgħu li l-għoti tas-sussidji mill-istat jista’ jwassal biex il-gvern ikollu għodda f’idejh li biha jkun f’pożizzjoni li jikkontrolla lill-mezzi tax-xandir indipendenti u li jġiegħlhom isiru l-portavuċi tiegħu. Ta’ The Shift News tkellmu dwar dan 3 ijiem ilu u wissew lil dawk il-mezzi tal-istampa u x-xandir indipendenti li qed jitolbu s-sussidji mingħand il-gvern biex joqgħodu attenti li ma jispiċċawx jipprostitwixxu ruħhom. Dan kliemhom, mhux kliemi.
Din il-biża’ hi ġustifikata u wieħed jista’ tifhem għaliex. Il-gvern qed jagħmel pressjoni biex jara li leħnu jissemma’ mill-mezzi tax-xandir indipendenti. U nafu kif uħud minn dawn il-mezzi fl-imgħoddi ċedew għal din il-pressjoni.
Araw ftit il-mod kif l-editur tal-MaltaToday Saviour Balzan – kif kien ammetta huwa stess – kien tant imsaħħar b’Joseph Muscat u b’Keith Schembri. Għalkemm dan mhux ser jammettih, jeżisti suspett raġjonevoli li din l-infatwazzjoni ta’ Saviour kienet wasslet lill-gvern biex jirreklama aktar permezz tal-ġurnal tiegħu.
U meta Keith Schembri kien għadu m’huwiex fil-gvern, lil Adrian Hillman – li kien il-kbir tal-kumpannija li tmexxi t-Times of Malta – spiċċaw biex għamluh l-ilsir tal-Partit Laburista wara li dan ġie mwiegħed mhux biss is-setgħa iżda wkoll mill-inqas €650,000 f’kontijiet bankarji barra minn Malta.
U biex tkompli tgħaqad, meta telgħu fil-gvern tal-Labour nefqu flus tal-poplu f’riklami għall-benefiċċju ta’ dawk il-mezzi tal-istampa u x-xandir li setgħu jiġu nfluwenzati biex jagħmlu tifħir editorjali lill-gvern.
Din ma kinitx xi politika fit-tul għall-gvern għaliex lejn tmiem l-2019 il-mezzi tax-xandir indipendenti kollha spiċċaw biex daru kontra Joseph Muscat.
Vallapena li wieħed joqgħod jieħu riskju billi jerġa’ jaqbad din it-triq ta’ dipendenza fuq il-gvern?
M’għandniex xi ngħidu, xi esponenti tal-Labour qed jaraw id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw il-mezzi tal-istampa u x-xandir indipendenti bħala opportunità. Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li kiteb Tony Zarb.
Dan kiteb dwar ‘Fake News’ mhux b’kumbinazzjoni. Kemm Tony Zarb kif ukoll il-partit u l-gvern tiegħu, kemm il-darba għamlu użu minn dan il-kliem biex jippruvaw igiddbu l-kxif tal-iskandli tal-gvern Laburista. Għalihom, l-iskandlu tal-Panama, is-serqa tal-Electrogas, it-taħwida tal-isptarijiet huma lkoll fake news.
U dawn kienu l-istess nies li kienu għamlu l-almu kollu tagħhom biex jivvintaw stejjer bħal meta ħarġu bil-ħrafa li kienu l-aħwa Caruana Galizia stess li kienu qatlu lil ommhom.
Għalihom l-istejjer kollha li ma nħarġux mill-Partit huma fake news. Dik hi l-fehma ta’ għorrief bħal Tony Zarb, hu u jitkellem f’isem Joseph Muscat jew Robert Abela.
B’xorti tajba għall-pajjiżna, Joseph Muscat kien leħaq twarrab mis-setgħa qabel waslet fi xtutna l-epidemija tal-coronavirus. Qed ngħid dan għaliex, li kieku Joseph Muscat ftit xhur oħra fis-setgħa, ibqgħu ċerti li kien jipprova juża l-kriżi biex isewwi r-reputazzjoni tiegħu u fl-istess ħin kien jaljena l-attenzjoni tan-nies minn fuq l-uffiċċju tiegħu u fuq l-involviment tiegħu fil-cover-up ta’ assassinju.
B’daqshekk m’jinix ngħid li ninsabu xxurtjati li għandna lil Robert Abela. Li qed ngħid hu li Joseph Muscat x’aktarx li kien idaħħal fil-pajjiż liġijiet li jixbħu dawk li daħħal Victor Orban fl-Ungerija dwar il-“fake news”.
Il-fehmiet ta’ Tony Zarb minn kienu dejjem riflessjoni tal-mod kif jifhimha l-gvern ta’ Joseph Muscat. Dik il-kitba tiegħu fil-Facebook kienet waħda tabilħaqq insidjuża. Indirettament huwa jirrikonoxxi li l-istampa u x-xandir indipendenti ma jkunux jistgħu jkampaw mingħajr għajnuna finanzjarja mill-istat. Iżda huwa jorbot din l-għajnuna mal-kundizzjoni li għandu jkun hemm lejaltà assoluta fil-konfront tal-linja uffiċjali tal-gvern. Dan ma jistax ħlief ifisser li Tony Zarb jaqbel li dawn il-mezzi tax-xandir indipendenti għandhom jerfgħu i jagħlqu jekk dawn ma jappoġġjawx il-verżjoni Laburista tar-realtà.
Sitwazzjoni bħal din ma tista’ qatt tkun aċċettabbli. U m’għandix dubju li dak li kiteb dan l-aħħar Tony Zarb jirrifletti wkoll il-ħsiibijiet ta’ Robert Abela.
Dan għandu jfisser li l-mezzi tal-istampa u x-xandir indipendenti m’għandhomx jaċċettaw l-għajnuna finanzjarja mill-istat? Għandu jfisser li kemm il-darba jaċċettaw din l-għajnuna, jkunu qed jikkompromettu l-indipendenza tagħhom?
Ma naħsibx li dan huwa l-każ. Mezzi tal-istampa u x-xandir li huma finanzjanti minn flus pubbliċi xorta waħda jistgħu iħarsu l-indipanedenza tagħhom jekk ikollhom biżżejjed ħeġġa li jħarsu l-awtonomija tagħhom. Għamlu paragun bejn it-TVM u l-BBC, għalkemm il-paragun mal-mezzi tax-xandir indipendenti jista’ forsi ma jreġix daqshekk.
Iżda jekk jien nagħżel li nagħmel użu mis-servizzi mediċi b’xejn tal-isptarijiet tal-gvern jew nibgħat lil uliedi fl-iskejjel tal-gvern, b’daqshekk inkun qed nikkomprometti l-indipendenza tal-ġurnaliżmu tiegħi? Tony Zarb m’għandux il-ħila li jiddistingwi bejn l-istat u l-gvern li jappoġġja. Għandna nagħmlu bħalu? Ċertament li le.
Tony Zarb jkun jixtieqna nagħmlu bħalu għaliex tgħidx kemm jogħrok idejh lil kieku t-Times of Malta, The Malta Independent u MaltaToday kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom u l-pajjiż jispiċċa jsir dipendenti mill-kitbiet tiegħu ta’ fuq il-Facebook.
M’aħniex daqshekk boloh.