Il-Kummissjoni Elettorali għandha f’idejha database tal-votanti u din tinkludi fiha nformazzjoni li ma tixxandarx fil-Gazzetta tal-Gvern kull darba li jinħareġ reġistru ġdid tal-votanti. Fid-database ikun hemm maħżunin id-dettalji ta’ ismijiet, ta’ indirizzi u ta’ numri tal-karta tal-identità flimkien mal-kaxxi tal-voti u postijiet tal-votazzjoni rilevanti. Din id-database tintuża biex ikunu jistgħu jitmexxew l-elezzjonijiet u tinkludi informazzjoni sensittiva ħafna ta’ natura privata.
Din id-database, il-Kummissjoni Elettorali tgħaddi kopja tagħha lill-partiti politiċi sabiex dawn ikunu f’pożizzjoni aħjar li jeżerċitaw kontroll. Qed nitkellmu hawn fuq madwar 370,000 entry f’pajjiż li fih id-differenza bejn partit u ieħor taf tkun ta’ 1,800 vot biss. Il-partiti politiċi għandhom kull interess li jiżguraw li l-informazzjoni maħżuna fid-database tkun waħda veritiera u għandhom kull inċentiv li jiżguraw li l-informazzjoni dwar votanti li x’aktarx ser jivvotaw lill-partit avversarju tkun waħda korretta. B’dan il-mod, iż-żewġ avversarji jkunu jistgħu jagħmlu l-għassa fuq xulxin.
Din is-sitwazzjoni ġġib magħha ċerti problemi u l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, li tfasslet biex dawn il-problemi kemm jista’ jkun jitnaqqsu, timponi ċerti limiti dwar l-użu li jista’ jsir ta’ din l-informazzjoni. Jiġifieri l-użu għandu jkun wieħed limitat għall-iskop miftiehem minn qabel ma’ dawk li isimhom jinstab imniżżel fid-database.
Għaldaqtant l-informazzjoni maħżuna ma tistax tiġi wżata jekk mhux għall-iskop li għalih tkun inġabret.
Il-liġi tipprovdi wkoll dwar dak li għandu jsir biex l-informazzjoni maħżuna tibqa’ bla mittiefsa u biex din l-informazzjoni ma tispiċċax f’idejn min ikollu intenzjonijiet li jabbuża. Il-liġi wkoll tgħabbi ċerti responsabbiltajiet fuq dawk li huma fid-dmir li jħarsu lil din l-informazzjoni minn dan ir-riskju u dwar x’konsegwenzi jkollhom jiffaċċjaw kemm il-darba jonqsu minn dmirijiethom.
Il-liġi wkoll tirregola dak li għandu jsir b’informazzjoni maħżuna li ma jkunx hemm aktar ħtieġa għaliha jew li jkun skada t-terminu tagħha: f’dan il-każ il-liġi tipprovdi li din l-informazzjoni għandha tinqered u li din m’għandhiex tinżamm f’postijiet fejn ikun jista’ jsir użu lleġittmu minnha.
Jidher li l-informazzjoni maħżuna li kienet ġiet mgħoddija lill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013 kienet ġiet abbużata. Ma tridx tkun għaref wisq biex tintebaħ għaliex.
Sid il-kumpannija C-Planet IT Solutions, li isimha nkixef il-bieraħ, huwa Joseph Zrinzo u din titmexxa’ mir-raġel ta’ bintu. Joseph Zrinzo huwa missier is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi. Meta, qabel l-elezzjoni tal-2013, din id-database ġiet mgħoddija lill-Partit Laburista, Stefan Zrinzo Azzopardi kien il-President tal-Partit Laburista u uffiċjal għoli fl-uffiċċju elettorali tal-partit.
Id-database hi waħda li tkopri l-pajjiż kollu u x’aktarx ma kienitx f’idejn C-Planet għall-użu personali ta’ Stefan Zrinzo Azzopardi li, bħala kandidat, jikkontesta fuq ċerti nħawi tal-pajjiż u mhux fuq il-pajjiż kollu.
Wieħed jista’ raġjonevolment jassumi li C-Planet kienet qdiet il-ħtiġijiet tal-Partit Laburista u x’aktarx hekk għadha qed tagħmel sal-lum.
Inħoss li għandi nemfasizza li l-prinċipju tal-liġi hu li l-informazzjoni li tkun inħażnet tista’ biss tiġi wżata għall-iskop li għalih tkun inġabret u li, jekk dan l-iskop jinbidel, l-informazzjoni jkun jeħtieġ li tinġabar mill-ġdid u jkun jeħtieġ ukoll li jkun hemm il-kunsens tal-persuni li dwarhom tkun inħażnet l-informazzjoni jew inkella tal-awtorità tal-liġi.
M’hemmx dubju li, minn dakinhar li l-Kummissjoni Elettorali ġabret u ħażnet din l-informazzjoni, sa dakinhar li l-istess informazzjoni sabet ruħħa fis-servers ta’ C-Planet, dan l-iskop inbidel. Dan jammonta għal ksur tal-liġi. Iżda mhux biss. L-iskop jidher li nbidel bil-għan li tiġi manipulata l-intenzjoni tal-votant. Manipulazzjoni li ċertament qatt ma kien ser ikollha l-kunsens tal-votant jew il-protezzjoni tal-liġi.
Id-database tal-Kummissjon Elettorali ntużat biex twaħħad informazzjoni dwar votanti li kellha f’idejha l-istess Kummissjoni ma’ informazzjoni dwar dawn l-istess persuni li ttieħdet minn databases oħrajn bħal, per eżempju, n-numri telefoniċi tal-votanti, liema informazzjoni m’hix parti mid-database tal-Kummissjoni Elettorali. Dan ma jistax ħlief ifisser li ġaladarba din l-informazzjoni żdiedet ma’ dik li kienet diġà nħażnet elettronikament, inbidel l-iskop oriġinali li għalih il-Kummissjoni Elettorali kienet ġabritu. L-informazzjoni twaħħdet ma’ informazzjoni oħra minn databases li ma kellhiex tkun f’idejn l-Partit Laburista.
Biex tkompli tgħaqad, tal-Labour komplew żiedu l-informazzjoni li kellhom f’idejhom dwar liema partit x’aktarx kienu ser jivvutaw dawk li fl-elezzjoni tal-2013 isimhom kien ġie kwalifikat bħala “Laburist” jew “Nazzjonalist”. Dan ukoll jammonta għal tibdil fl-iskop oriġinali. Iżda l-iktar kwistjoni li hi ta’ rilevanza li dwar il-mod li bih inġabret din l-informazzjoni u dwar kif din l-informazzjoni ġiet mgħoddija minn għarbiel biex tiġi żgurata l-korrettezza tagħha.
Ejjew ma nkunux inġenwi. Din l-informazzjoni tal-Labour ma kienux akkwistawha biex iqiegħduha fi gwarniċ u jdendluha mal-ħajt tad-doċċa eżekuttiva ta’ Joseph Muscat. Kienu qed jużawha. U wżawha.
Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li kont ktibt f’dan il-blog f’Marzu tal-2018 fil-kuntest tal-istejjer li kienu xxandru fis-sens li, qabel l-elezzjoni tal-2013, Alexander Nix ta’ Cambridge Analytica kien iltaqa’ ma’ tal-Partit Nazzjonalista (u dawn kienu bgħatuh jixxejjer) u li x’aktarx dan kien ħadem għall-Partit Laburista. Din l-istorja kienet ġiet konfermata minn diversi għejjun.
Jiena kont ktibt li “driving app” li kien qed jiġi reklamat mill-Partit Laburista għal dawk li jużaw il-Facebook kien xhieda tal-fatt li tal-Labour kienu qed jużaw l-istess metodi ta’ Cambridge Analytica u ta’ dawk li mexxew il-kampanja elettorali ta’ Donald Trump: jiġifieri li jiġbru u jgħarblu l-informazzjoni bil-għan li jkunu jafu dejjem aktar dwar il-psikoloġija tal-votanti u biex b’hekk ikunu f’pożizzjoni aħjar li jitimgħuhom bi propaganda personalizzata permezz tal-media soċjali – b’mod partikolari permezz tal-Facebook – biex b’hekk dawn jitħajjru jagħtu l-appoġġ tagħhom lil dawk il-politiċi li jkunu qed jistagħduhom.
Int tkun mingħalik li qiegħed teżerċita r-rieda tiegħek f’elezzjoni ħielsa u ġusta meta fil-fatt tkun qed tiġi manipulat mill-informazzjoni mxandra fuq il-Facebook.
M’għandniex xi ngħidu, tal-Labour dan kollu jiċħduh. Iżda l-fatti juru mod ieħor u l-istorja dwar din il-kumpannija li kellha f’idejha din l-informazzjoni u li x’aktarx qdiet lill-Partit Laburista, kompliet ħawwdet il-borma. Storja li kompliet tħawwar il-provi li diġa jeżistu li tal-Labour illegalment ġabru nformazzjoni bil-għan li jimmanipulaw ir-rieda tal-votanti. Il-fatt li din l-informazzjoni kienet għadha fil-pussess tagħhom sa meta nkixfu l-ġimgħa li għaddiet, turi li tal-Labour għadhom għaddejjin b’din l-attività illegali.
C-Planet għamlu l-almu tagħhom biex iċekknu l-importanza ta’ din l-istorja għaliex l-informazzjoni kienet waħda “skaduta”. Dawn diġà qed jiksru l-liġi jekk, wara li issa għaddew 7 snin, f’idejhom għad għandhom informazzjoni “skaduta”. Informazzjoni personali sensittiva li għoġobhom iperrċuha online li seta’ jilħaqha kulħadd mingħajr xkiel ta’ sigurtà, mingħajr protezzjoni tal-password u bi ksur sfaċċat tar-regolamenti tad-data protection li, mill-2013 ‘l hawn, komplew isiru aktar iebsin. Dan kien kollu aġir illegali iżda x’aktarx ma kienx parti mill-pjan biex tiġi manipulata r-rieda tal-votanti. Dawn inqabdu għaliex tant huma dilettanti li din l-informazzjoni għoġobhom iperrċuha online mingħajr ebda protezzjoni. Dan kien każ bħal dak tal-ħalliel li tant kien dara’ jisraq mingħajr ma jinqabad li, hekk kif beda’ jittraskura, spiċċa biex inqabad!
Il-Kummissarju tad-Data Protection għandu jinvestiga dan il-każ kif diġà ddikjara li bi ħsiebu jagħmel. Jeħtieġ li juża’ s-setgħat tiegħu biex issir tfittxija fl-uffiċċji ta’ C-Planet, biex jiġu mgħarbla s-servers tagħhom u sabiex jivverifika dwar il-mod kif din l-informazzjoni ġiet fil-pussess tagħhom. Sal-2013 il-partiti politiċi kienu eżentati minn xi regolamenti. Iżda C-Planet la qatt kienet u mhix partit politiku.
Xi ħadd fil-Partit Laburista kiser il-liġi u għadda l-informazzjoni lil C-Planet u jeżisti suspett raġjonevoli li min għadda l-informazzjoni issa għandu l-kariga ta’ segretarju parlamentari fil-gvern ta’ Robert Abela.
Robert Abela il-bieraħ stqarr li, taħt il-gvern tiegħu, ser issaltan is-saltna tad-dritt.
Issa naraw.