Statement by Repubblika
Repubblika tesprimi l-awgurju sinċier tagħha lill-Imħallef Mark Chetcuti li bi qbil bejn gvern u oppożizzjoni se jinħatar prim imħallef u president tal-qorti.
L-Imħallef Mark Chetcuti kien l-imħallef li sema’ l-kawża ta’ Repubblika dwar l-indipendenza tal-ġudikatura fejn aħna argumentajna li l-ġudikanti m’għandhomx jinħatru skond kif jaqbel lill-prim ministru. F’dik il-kawża Repubblika wriet kif bejn l-2013 u l-2019 il-gvern ħatar persuni fil-ġudikatura li fil-parti l-kbira minnhom kienu veterani tal-partit laburista u qrib ħafna tal-gvern tal-ġurnata. Dan kien ta’ theddida għall-indipendenza tal-ġudikatura.
Il-gvern, rappreżentat mill-avukat ġenerali Peter Grech, irreżista bil-qawwa kollha l-argumenti ta’ Repubblika. Insista li l-pariri tal-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa ma jeħtiġux li jkunu segwiti u li Repubblika ma kellhiex dritt bil-liġi li tagħmel l-argumenti tagħha quddiem il-qorti. Il-gvern argumenta wkoll li t-talba ta’ Repubblika ma kellhiex tinbagħat il-Qorti Ewropea fil-Lussemburgu.
Iżda deċiżjonijiet tal-Imħallef Mark Chectcuti, ikkonfermati fil-Qorti tal-Appell, ipproteġew id-dritt tas-soċjetà ċivili Maltija li tiġġieled fil-qorti biex tipproteġi l-indipendenza tal-ġudikatura u allura tad-demokrazija f’Malta.
L-Imħallef Mark Chetcuti irrefera t-talba ta’ Repubblika lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fejn qed nistennew deċiżjoni.
Jidher li l-gvern innota l-isforzi ta’ Repubblika għal ġudikatura ħielsa u aċċetta l-parir tal-Kumitat dwar l-Għażla tal-Ġudikatura li l-Imħallef Mark Chetcuti jinħatar prim imħallef. F’dan il-każ il-prim ministru m’imponiex kif għamel kemm-il darba l-prim ministru ta’ qablu, ir-rieda tiegħu fuq il-ġudikatura. L-għażla tal-prim imħallef saret ukoll b’kunsens bejn gvern u oppożizzjoni li Repubblika tqis bħala pass pożittiv.
B’umiltà Repubblika tesprimi s-sodisfazzjon tagħha li l-argumenti tagħha u l-kampanja fil-qorti li wettqet wasslu għall-bidu ta’ bidla fil-kultura li tant hi importanti biex titħares id-demokrazija Maltija. Dan l-iżvilupp itina l-kuraġġ biex inkomplu nqawwu l-ħidma tagħna u nsibu fejn il-pressjoni tagħna tista’ twassal għal tibdil għall-aħjar fil-ħajja demokratika ta’ pajjiżna.
Fl-istess ħin inħeġġu l-gvern biex jaċċetta l-argumenti li qed tagħmel Repubblika fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u jipproponi għal diskussjoni nazzjonali riformi fil-ħatra tal-ġudikatura biex nassiguraw l-indipendenza tagħha.
Repubblika tixtieq tirringrazzja wkoll lill-avukati li assistewha jew għadhom jassistuha fil-qorti fil-kwistjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura jiġifieri l-avukati Simon Busuttil, Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Karol Aquilina.