Huwa tassew ta’ tħassib meta wieħed jara lill-gvern iġib ruħu b’tant disprezz fil-konfront tal-proċess tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Għall-bidu lil tal-Kummissjoni, l-gvern kien injorahom għal 18 il-xahar sħaħ u issa qed jipprova igħaddihom biż-żmien bid-dħul ta’ tibdil superfiċjali u kożmetiku. Qed jittrattahom bħallikieku dawn huma xi qatta’ boloħ bla esperjenza u taħriġ biżżejjed biex ixommu l-qerq minn seba’ mili bogħod.
Iżda l-agħar ħaġa hi kif il-gvern qed iġib ruħu b’mod li lill-Kummissjoni ta’ Venezja u lir-rakkomandazzjonijiet tagħha qed jinjorahom. Ta’ min ifakkar li f’April 2019, il-gvern kien ħatar 6 persuni biex iservu bħala membri tal-ġudikatura u fl-istess waqt injora l-konklużjoni li kienet ġibdet il-Kummissjoni ta’ Venezja fis-sens li l-metodu tal-għażla tal-ġudikanti ma kienx jaqbel mal-ispirtu tad-demokrazija.
Għaldaqstant il-wiegħda li kien għamel il-gvern li jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja malajr spiċċat mormija ‘l baħar, għax il-gvern għamel fattih. Din ma kienitx biss ksur ta’ rakkomandazzjoni iżda tista’ tammonta wkoll għal ksur tal-obbligazzjonijiet li jorbtu lil Malta permezz tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Hi appuntu għal din ir-raġuni li l-kwistjoni kollha issa tinsab quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Iżda kien hemm ukoll rakkomandazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni ta’ Venezja li m’humiex soġġetti għal-liġijiet li jaqgħu taħt it-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Hemm ukoll ċerti livelli ta’ diċenza u ta’ awto-kontroll li f’xi pajjiżi huma regolati mil-liġijiet u f’oħrajn huma regolati minn konswetudnijiet dwar il-mod ta’ mġieba ta’ min jinħatar f’kariga pubblika.
Il-Kummissjoni ta’ Venezja kienet qalet li meta l-gvern jimpjega membri parlamentari minn naħa tiegħu b’salarju li jinħareġ mill-istat, ikun qed jikser il-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tas-setgħat – f’dan il-każ bejn l-eżekuttiv u l-parlament. Jeħtieġ li dawn l-istituzzjonijiet ikunu indipendenti minn xulxin għaliex jekk il-Parlament isir ħaġa waħda mal-gvern, ma jkunx jista’ jibqa’ jagħmel għassa effettiva fuqu.
Dawk il-membri parlamentari li jappoġġjaw lill-gvern għandhom id-dmir li jirrappreżentaw lill-kostitwenti tagħhom; huma fid-dmir li jgħarblu l-ħidma u l-imġieba tal-gvern; huma fid-dmir li jgħassu fuq l-imġieba tal-ministri u li jeżiġu t-tweġibiet mingħandhom. Dawn id-dmirijiet huma aktar minn ewl id-dinja għall-membri parlamentari minn naħa tal-gvern għaliex l-istess gvern ma jistax ħlief jistrieħ fuq l-appoġġ biex ikun jista’ jkompli jiggverna u għaldaqstant l-influwenza tagħhom għan-nom tal-kostitwenti hu ħafna iktar effettiva.
Bis-saħħa tas-salarji li tahom minn flus il-poplu, Joseph Muscat sab mezz kif lill-membri parlamentri minn naħa tal-gvern ġiegħlhom jaħdmu għalih u mhux għall-kostitwenti tagħhom.
Skont il-Kummissjoni ta’ Venezja, dan kollu jeħtieġ li jitwaqqaf. Iżda proprju fil-ġimgħa stess li fiha bdew jiflu l-pjanijiet tal-gvern dwat il-mod kif bi ħsiebu jwettaq ir-rakkomandazzjonijet, il-gvern qabad u ħatar lill-membru parlamentari minn naħa tal-gvern Anthony Agius Decelis bħala Chairman tal-Grand Harbour Regeneration Corporation. Qablu f’din il-ħatra kien hemm membru parlamentari Laburista ieħor Stefan Zrinzo Azzopardi li llum iservi ta’ Segretarju Parlamentari.
Il-gvern mhux biss ħatar persuna li hi nkompetenti għall-aħħar, iżda għadda b’romblu fuq tal-Kummissjoni ta’ Venezja proprju fil-ġimgħa li dawn qed jaħdmu fuq il-każ ta’ Malta. Tassew ħaqqu medalja! Tal-Labour jinqalgħu ferm għal kummiedji bħal dawn fejn jidħlu l-barranin. Iżda d-disprezz sar ukoll apposta biex il-gvern jintogħġob ma’ dik is-sezzjoni tal-poplu li tappoġġjah.
F’Diċembru tal-2018, il-Kummissjoni ta’ Venezja kienet qalet li tinsab imħassba dwar il-fatt li l-Ombudsman ta’ sikwit jilmenta li jiġi njorat meta jitlob informazzjoni mingħand il-gvern. “M’huwiex aċċettabbli li l-gvern jirrifjuta li jgħaddi informazzjoni meħtieġa lill-Ombudsman biex dan ikun jista’ jwettaq id-dmirijiet tiegħu”.
Tistgħu timmaġinaw l-iskantament tagħhom hekk kif isiru jafu li, minkejja l-wegħdiet kollha tal-gvern li jwettaq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, l-Ombudsman għadu sal-lum jiġi injorat.
F’Marzu li għadda quddiem il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Parlament, l-Ombudsman stqarr li għadu ma jistax jifhem kif għadu ma ġiex ikkonsultat dwar il-pjanijet tal-gvern li jwettaq tibdiliet fl-uffiċċju tal-Ombudsman. U lill-membri parlamentari qalilhom dak li hu minn ewl id-dinja: “L-esperjenza dejjem uriet li meta jkun hemm konsultazzjoni imsejsa fuq demokrazija parteċipattiva, kollox jibda’ jitħaddem aħjar. Għaliex qed ikun hemm min jibqa’ lura milli jikkonsulta mal-Ombudsman, anki b’mod kunfidenzjali, dwar dak li bi ħsiebu jiddiskuti l-Parlament dwar it-tisħiħ tal-uffiċċju tal-Ombudsman?”
Hi tassew sitwazzjoni patetika li l-Ombudsman qed ikollu jokrob biex jiġi konsultat dwar tibdil fil-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-uffiċċju tiegħu.
Lill-gvern, tal-Kummissjoni ta’ Venezja qalulu li l-istampa għandha titħalla tgħarbel il-ħsibijiet tagħhom dwar ir-riformi proposti u li s-soċjetà ċivili għandha wkoll tieħu sehem.
Kif qatt jista’ jkollna fiduċja li l-gvern ser jisma’ meta lanqas biss jindenja ruħu jikkonsulta ma’ uffiċjal parlamentari maħtur mill-Kostituzzjoni biex jgħarbel il-ħidma tiegħu?