Edward Zammit Lewis stqarr li fil-fehma tiegħu Charles Mercieca ġab ruħu b’mod “insensittiv” meta l-avukat żagħżugħ iddeċieda li jwarrab mill-impjieg bħala avukat fl-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u jingħaqad mal-avukati tad-difiża ta’ Yorgen Fenech. Ħabta u sabta. U mingħajr ma ħadem il-perijodu tan-notice.

Il-bieraħ il-kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi qal li din il-manuvra kellha xamma ta’ “ħadma”. Jiġifieri ħadma minn taħt bejn l-uffiċċju tal-prosekutur mal-avukati li qed jiddefendu bniedem mixli bi qtil.

Edward Zammit Lewis ikkonferma dak li Charles Mercieca qalli l-bieraħ fis-sens li meta kien għadu qed jaħdem fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali ma ħadimx fuq il-każ ta’ Yorgen Fenech.

Iżda r-reazzjoni tal-prosekutur ewlieni fil-każ ta’ Yorgen Fenech kien fiha x’tifhem. Fil-Facebook Phil Farrugia kiteb il-“ħsieb tiegħu tal-jum” bil-kliem li ġej:

Phil Farrugia ma qalx għal min kien qed jirreferi meta kiteb dan il-kliem. Iżda ma tridx wisq għerf biex tifhem x’ried ifisser: li hu kien jafda lil Charles Mercieca meta dan kien jaħdem fl-uffiċċju tal-prosekutur u li Charles Mercieca hu ħati ta’ tradiment.

Issa jista’ jkun ukoll li bejn dawn it-tnejn minn nies kien hemm xi kwistjoni personali. Iżda jibqa’ l-fatt li din il-manuvra ser toħloq konsegwenzi għall-kredibilità u għall-integrità tas-sistema tal-ġustizzja u għal kull tama li jista’ jkun hemm biex issir ġustizzja f’dan il-każ ta’ qtil brutali ta’ ġurnalista.

Issa Charles Mercieca m’huwiex xi vavu u għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-għażliet li jagħmel u għad-deċiżjonijiet li jieħu. Ħadd ma jaf x’għadda minn moħħu u x’inhuma r-raġunijiet veri wara din il-manuvra.

Iżda aħna għandna l-ħila li nosservaw il-fatti u mbagħad niġbdu konklużjonijiet li jkunu msejsa fuq dawn l-istess fatti.

Charles Mercieca huwa iben Franco, il-kirurgu, politiku Laburista u eks segretarju parlamentari. Bħala wieħed mill-pazjenti l-aktar magħrufin, Franco Mercieca għandu lil Keith Schembri. Kien siefer ma’ Keith Schembri biex jattendi klinika barra minn Malta meta dan kellu problemi mediċi f’għajnejh: l-istess problemi li huwa kien ittanta li jaħbi u li kienet kixfithom Daphne. Jirriżulta li d-dijanjosi li kellu cancer f’għajnejh kienet is-suġġett ta’ diskursata li kienet saret bejn Yorgen Fenech u l-persuna li jingħad li tqabbad biex jirranġa l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan sirna nafuh minn dak li ntqal fil-qorti fil-proċess kriminali kontra Yorgen Fenech.

Charles Mercieca huwa (jew, mid-dehra, kien) in-namrat ta’ Beverly Tonna, bint Brian Tonna. Jiġifieri Brian Tonna tan-Nexia BT, id-ditta li kienet kitbet ir-rapport li ġġustifika l-iffirmar tal-kuntratt tal-power station il-ġdida, li kienet għażlet għall-kuntratt il-konsorzju ta’ Yorgen Fenech u li mbagħad tħallset mill-kumpannija ta’ Yorgen Fenech li kellha interess dirett f’dak il-kuntratt. Dan huwa l-istess Brian Tonna li jew kien issellef il-flus mingħand Keith Schembri biex ikollu minn fejn iħallas l-ispejjeż ta’ kawża ta’ divorzju jew inkella ddepożita flejjes ġejjin mit-tixħim f’kont sigriet fil-Pilatus Bank għall-benefiċċju ta’ Keith Schembri. Tista’ tagħżel liema verżjoni li tixtieq qalbek. Dan m’huwa xejn ħlief l-iskandlu Electrogas li huwa l-motiv ewlieni fil-każ kriminali li l-istat qed imexxi kontra Yorgen Fenech.

Meta Charles Mercieca ddeċieda li minn naħa waħda jaqsam għan-naħa opposta, dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha għaddewlu minn moħħu?