Il-gvern dan m’hu qatt ser jammettih. Iżda l-verità hi li Malta daħlet bejn il-basla u qoxritha. Malta rmiet il-baħar il-kredenzjali diplomatiċi li kellha u issa qed nagħtu bis-sieq lill-immigranti bħallikieku dawn għandhom xi tort għall-ftajjar li ħmew Joseph Muscat u Robert Abela.

Bħalissa hemm 90 immigrant bejn sema u ilma fl-ibħra tagħna. Tal-Alarm Phone ġibdu l-attenzjoni għal dan dal-lejl.

Il-bieraħ il-gwardji tal-kosta tal-Italja wieġbu għal sejħa oħra tal-Alarm Phone u ħarġu b’vapuri biex jiġbru l-passiġġiera f’dgħajsa li kienet qed tegħreq qrib Lampedusa. It-Taljani ġabru lill-immgranti u tellgħuhom l-art u żammewhom fuq il-moll sakemm sabu vapur fil-port li fuqu setgħu jagħmlu l-kworantina.

Malta m’hix tagħmel l-istess. Għal dgħajsa minnhom offriet “soluzzjoni” bis-saħħa ta’ vapur tal-Captain Morgan. Tgħid bi ħsiebhom jibgħatu vapur ieħor ta’ din il-kumpannija biex jiġbor immigranti oħra? Għalissa dawn ilkoll jinsabu fuq il-vapur Mistral, b’uħud minnhom jirrimettu. Min jaf għadx ikollna l-kuxjenza tniggiżna talli konna rħejnilhom bil-għatx?

Jew ma nagħmlux mod li qed inħejju biex inreġġgħuhom lura lejn il-Libja bi ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn in-nies?

Il-bieraħ, b’mod patetiku għall-aħħar, Evarist Bartolo fakkarna f’dak il-qawl antik Malti dwar dak ir-raġel li jaqta’ l-bajd biex jinki lill-mara. Hedded li jagħmel suwiċidju politiku għax “l-Ewropa” m’hix tindirizza l-problema tal-immigrazzjoni, bħallikieku Malta xebgħet tagħmel pressjoni f’dan ir-rigward.

Diskors bħal dan jeħtieġ li ngħarbluh sewwa għaliex l-eħfef triq għall-politiċi falluti dejjem kienet dik li “jwaħħlu fil-barrani” (kemm jekk dawn ikunu rġiel ta’ razza sewda jew burokratiċi Ġermaniżi fi Brussell).

Fejn tidħol il-kwistjoni tat-teħid tal-immigranti salvati mill-għarqa, “l-Ewropa” m’hix il-Kummissjoni Ewropea, l-Parlament Ewropew jew xi istituzzjoni oħra fi Brussel. It-teħid tal-immigranti jaqa’ taħt il-kompetenza tal-istati individwali Ewropej u mhux tal-Unjoni Ewropea.

Niżbaljaw meta nwaħħlu fl-Unjoni Ewropea. Anki li kieku kellna ma nibqgħux membri tal-UE – kif issa qed jittamaw xi wħud li mingħalihom ikunu jistgħu jiffrankaw lil Malta l-obbligu li ssalva ħajjet dawk li jkunu fil-periklu li jegħrqu – xorta waħda nibqgħu bir-responsabbiltà li nsalvaw lil min ikun fil-periklu tal-għarqa fl-ibħra tagħna. U xorta waħda kien ikollna nipperswadu lil Franza, lill-Ġermanja, lill-Isvezja u lill-Polonja biex dawn il-pajjiżi jieħdu s-“sehem” tagħhom ta’ dawk li nkunu rnexxielna nsalvaw mill-għarqa.

Għaldaqstant Evarist Bartolo għandu jiċċara kliemu u jgħid li meta jsemmi lill-“Ewropa” jkun qed jirreferi għall-gvernijiet tal-pajjiżi Ewropej.

Evarist Bartolo kien jifforma parti minn gvern li f’idejh kellu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. L-istess gvern li, għall-okkażjoni, kien kixef statwa fil-Belt Valletta li tixbaħ ħarja tal-irħam f’nofs il-misraħ ta’ Kastilja. Li kieku ried, il-gvern kellu 6 snin sħaħ biex, permezz ta’ ħidma diplomatika, jipperswadi lill-Unjoni Ewropea biex tieħu l-kwistjoni tal-immigranti taħt idejha.

Iżda minflok għamel dan, ipprefera li jżomm il-politika tal-immigrazzjoni barra mill-kompetenza tal-Unjoni Ewropea għaliex ma riedux jagħtu r-riħ lil min seta’ tħajjar iwaqqfilna l-bejgħ tal-passaporti Ewropej. Issa Malta qed tħallas il-prezz tar-regħba u tan-nuqqas ta’ għaqal u l-uniċi persuni li qed ibatu huma l-immigranti abbandunati bejn sema u ilma.

Joseph Muscat kien għamel minn kollox biex jipprova jeħles mill-problema tal-immigranti. Iżda meta waqgħetlu l-maskra u l-Ewropej intebħu x’ħobż jiekol, id-dehra ta’ Malta f’għajnejn id-dinja kienet diġà leħqet laqqtet id-daqqiet u ftit kienu dawk li kienu lesti li jaqbżu għaliha.

Evarist Bartolo kien mingħalih li jekk joqgħod inewwaħ xi ftit u jħabbat fuq sidru waqt intervista ma’ Tim Sebastian, kien hemm min ser jagħlaq għajnejh għall-fatt li hu stess kien ħaġa waħda mal-gvern mafjuż ta’ Joseph Muscat u dan minkejja li kien jaf dak kollu li kien għaddej minn taħt.

Id-dinja tiegħek hi dinja tal-ħolm, Sur Evarist Bartolo u m’hix id-dinja reali. Hawn m’intix titħaddet mal-udjenzi tas-Super One li f’ħakka t’għajn jafu jixgħalulek ix-xemgħat b’qima u, ftit tal-ħin wara, jaslu wkoll biex isallbuk għaliex hekk ikun ordnalhom il-kbir mexxej tagħhom.

Varist, qed taħsad dak li int tajt il-lala lil Joseph Muscat biex jiżra’. Kien missek warrabt meta ntbaħt li konna qed nitmexxew lejn direzzjoni żbaljata. Issa kif tista’ qatt tippretendi li sħabna l-Ewropej ser jafdaw lilek u lill-gvern immexxi mill-avukat personali ta’ Joseph Muscat? Jaqaw ħsibt li xogħol il-ministeru tal-affarijiet barranin jikkonsisti biss fil-ġbid tar-ritratti tiegħek ma’ papiet u prinċpijiet?

Xogħol il-ministru tal-affarijiet barranin huwa dak li jħares u jippromwovi lill-interess pubbliku billi jkabbar u jindokra r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra, li jkattar il-fiduċja u li jsostni l-obbligu morali li ngħinu lil sħabna li jkunu fil-bżonn tal-għajnuna. Varist, minflok wettaq dan ix-xogħol, min kien qed imexxi l-gvern ta’ qabel mexxa’ l-quddiem l-interessi ta’ Christian Kaelin u tal-klijenti tiegħu Ali Sadr Hashemi Nejad, Ilham Aliyev u wliedu. Kif ukoll, m’għandniex xi ngħidu, l-interessi ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u tiegħu stess: dawn ilkoll ġew jaqgħu u jqumu altament mill-interess nazzjonali.

Varist, matul dawn l-aħħar 7 snin int kont mingħalik li m’aħniex ser niġu bżonn l-għajnuna ta’ pajjiżi oħra.

Kont mingħalik li “l-aqwa żmien” ma kien ser jispiċċa qatt.

Kont mingħalik li ma jimporta xejn meta nħallu lill-pajjiżi ġirien tagħna jgħumu fid-demm tal-mafja, aħna u naħslu l-flus maħmuġin tagħhom.

Kont mingħalik li ma jkun ġara’ xejn jekk inħallu li ssir ħsara lill-pajjiżi ġirien tagħna billi nippermettu lin-negozji li jużaw ir-riżorsi tagħhom li jħallsu ftit li xejn taxxa f’pajjiżna.

Kont mingħalik li, bis-saħħa tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, ma konniex ser niffaċċjaw il-konsegwenzi meta lill-pajjiżi ġirien tagħna esponejnihom għad-dħul liberu fit-territorju tagħhom ta’ frodisti u ta’ terroristi.

Malta ma tantx fadlilha ħbieb. U, skont il-Malta Today, il-gvern qed ifittex li jagħmel ħbieb ġodda. Skont dan il-ġurnal, Malta qed tfittex ħbiberija mal-President Recep Erdogan, bniedem li kemm il-darba ġie kundannat għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, u dan sabiex jagħtina daqqa t’id biex inwaqqfu lill-immigranti qabel jaqsmu bil-baħar biex b’hekk ma jkollniex għalfejn noqgħodu nreġġgħuhom lura.

Jekk dan ir-rapport huwa minnu u l-gvern qed jaħdem minn wara dahar sħabna l-Ewropej, x’aktarx li ser ikompli jonqas iċ-ċans li dawn jagħtu widen lill-krib patetiku ta’ Evarist Bartolo.

Evarist Bartolo qed jammetti li jixtieq iwarrab biex ikun jista’ jserraħ il-kuxjenza tiegħu. Jidher li qed jifhem li, f’dawn l-aħħar ġranet, Malta qabżet il-limiti ta’ dak li setgħet tagħmel u li tinsab determinata li tibqa’ tagħmel minkejja l-fatt li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu qed isarrfu f’imwiet u fi tbatija.

Mingħalih li, meta jlissen diskors bħal dan, ikun qed juri li huwa bniedem ta’ prinċipju. Iżda m’huwa xejn minn dan. Mara ta’ prinċipju – u forsi anki raġel ta’ prinċipju – mill-bidu nett kienet tikkundanna kull illegalità li kienu qed iġiegħluha tkun kolleġġjament responsabbli għaliha minħabba l-kariga ministrjali tagħha fi gvern li jippermetti lill-bnedmin li jegħrqu fil-baħar jew li jreġġagħhom lura lejn it-tortura u l-iskjavitù fil-Libja jew inkella jżommhom maqfulin bejn sema u ilma fuq vapur tat-turisti,

Li kieku kien politikament sinċier, Evarist Bartolo ma kienx imur igħid li kien ser iwarrab minħabba “l-Ewropa” għax b’hekk ikun qed iqanqal il-mibgħeda lejn istituzzjoni li hi waħda mill-paladini li fadal tal-ordni dinjija li hi msejsa fuq il-liġijiet internazzjonali.

Li kieku kien politikament sinċier, kien igħid li ser iwarrab għaliex bil-lejl jippreferi li jorqod trankwill milli jkun parti minn gvern li jinjora d-drittijiet universali tal-bniedem, hu x’inhu l-kulur tal-ġilda tiegħu, li jgħix ħieles mit-tortura u mill-gwerer imdemmija.

Lil Evarist Bartolo ma nistax nagħmillu sejħa biex, minflok iwarrab, jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu u li jwettaq xogħolu. Il-ġjufija tiegħu, l-ambigwità morali tiegħu u l-egoiżmu u t-tħassir patoloġiku li għandu jistgħu ikunu providenzjali. Għaliex, għalkemm dan m’hu qatt ser jammettih, m’huwiex maqtugħ biex imexxi d-dikasteru tal-affarijiet barranin. Għandu jifhem li m’hu qatt ser jittieħed bis-serjetà meta jitkellem f’isem Malta meta jonqos li jispjega x’kienet ir-raġuni il-għala baqa’ jservi ta’ ministru taħt Joseph Muscat. Issa ser ikollu wkoll jispjega għaliex għadu ma warrabx mill-gvern ta’ Robert Abela wara li ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-immigranti fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid.

Id-dnub ta’ dan kollu jinsab fil-fatt li pajjiż sħiħ naqas li jilmaħ il-ħajt ġej ma wiċċu hu u jsuq “gas down” fid-direzzjoni tal-istess ħajt. Ħadna pjaċir intellqu f’karrozza veloċi u njorajna l-persuni innoċenti li tajjarna frott sewqan bla galbu. Issa li dħalna fil-ħajt u ninsabu mwaħħlin fih, bejna u bejn ruħna qed ngħidu li qatt ma kien hemm ħajt.

Issa l-gvern qed jipprova jsib il-kenn ma’ ħajt immaġinarju u qed iwaħħal fil-barranin tat-tramuntana u tan-nofsinhar. U, waqt li aħna qed ninħarqu fit-torri tagħna, Evarist Bartolo qed ihedded li jaqbeż ‘il barra mit-tieqa bħallikieku b’hekk ser jinstab tarf tal-kobba li l-gvern jinsab imħabbel fiha.