Qed jingħad li l-epidemija tal-Covid-19 anki tasal biex iġġiegħel lill-imħuħ jiħfiefu. Qabel skattat l-epidemija diġà kellna każijiet bir-rimi ta’ ministri li, minflok jiltaqgħu mal-membri tal-istampa biex iwieġbu l-mistoqsijiet u biex jinfurmaw lill-pubbliku, qed jippreferu li jidhru f’filmati ta’ propaganda fuq il-media soċjali.
Konrad Mizzi kien għamilha drawwa li, għall-attivitajiet ministerjali tiegħu jistieden biss lil dawk il-“ġurnalisti” li huma mħallsin mill-gvern. Kien jistieden biss ġurnalisti tat-TVM u tal-One TV biex iserraħ moħħu li ma jkollux għalfejn joqgħod iħabbel rasu biex iwieġeb mistoqsijiet ostili jew pertinenti.
Lil Konrad Mizzi issa m’aħniex narawh b’nemes. Jinsab fl-Ingilterra u qed jibgħat ċertifikati mediċi bi skuża biex jevita li jersaq lejn Malta. Mid-dehra ttieħed mill-istess marda li ħakmet lill-eks ministru John Dalli li kien qabbad tabib biex jiċċertifika li ma kienx f’pożizzjoni jaqbad ajruplan biex jinżel Malta minn Brussell.
Wiċċ Konrad Mizzi se ndumu biex nerġgħu narawh. L-istess jista’ jingħad għal Chris Cardona.
Hawn min igħid li m’aħna se nitilfu xejn.
Iżda agħtu daqqa t’għajn lejn il-filmat li xandar illum Owen Bonnici. Dan il-filmat għandu jaslilkom akkumpanjat minn indulġenza plenarja. Iżda jiddispjaċini ngħidilkom li m’għandi ebda premju għal dawk li jkunu jridu jehdew f’nostalġija post-soċjalista għaż-żminijiet tad-deheb immaġinarji ta’ attakk isteriku tal-massa wara l-purtiera tal-ħadid. Owen Bonnici kompla niżżel is-sintomu ta’ min jiddiletta bl-“arani mà” għal livell aktar baxx. Tul dawn l-aħħar 10 snin ta’ ħajja pubblika, Owen Bonnici għaddiehom jipprova jipperswadi lill-ġenituri tiegħu dwar kemm sarilhom importanti.
U allura għamililna naqra ta’ show biex il-mà u l-pà jkunu jistgħu jitgħaxxqu jaraw lil binhom fl-aħbarijiet tat-tmienja ta’ filgħaxija.
Owen Bonnici għoġbu jdaħħal lill-ġenituri tiegħu fil-kredu ta’ ħajtu u d-dehra tagħhom jiggustaw lil binhom kienet bla grazzja aktar mid-dehriet li jidher fihom is-soltu. Kont nippretendi li ser iġiegħluna naraw lil ommu b’wiċċha jixgħel, kburija bil-boqqa brodu ta’ iben li għandha, iżda minflok rajna politiku li, milli jidher, ħalib ommu għadu fi jimraħ fi snienu.
Illum ġiegħluna naraw lil ommu ssegwi lil binha b’għajnejha u x-xena kienet waħda tassew bla grazzja. “Arani mà” bħal donnu beda’ jgħidilha.
Robert Abela huwa eżempju ħaj ieħor li xejn ma jagħmel għajb lil Owen Bonnici. Dan issa jidher li ttieħed mill-vizzju ta’ Konrad Mizzi u fil-konferenzi stampa li qed jagħmel, il-membri tal-istampa mhux jitħallew jipparteċipaw.
Iżda llum, għaliex ħabbar li n-nies ser jibdew jitħallew jaqsmu bil-vapur lejn Għawdex mingħajr ma jintalab permess u li jkunu jistgħu jidħlu tnejn tnejn fil-ħwienet tal-għamara, ħaseb li l-membri tal-istampa tant ser jimpressjonaw ruħħom bil-għerf tiegħu u bil-ġenerożità ta’ qalbu li ma kienux ser jażżardaw jistaqsu mistoqsijiet kemmxejn inkonvenjenti għalih.
Għaliex, tafu intom, il-membri tal-istampa suppost imisshom qed jaqbżu u jogħlew bil-ferħ wara li semgħu l-aħbar li ser jerġgħu jibdew isiru l-colonoscopies wara tmiem din il-ġimgħa u għadaqstant m’għandhomx joqgħodu jintilfu fuq dawk it-12 il-ruħ li mietu mgħarrqa fl-ibħra tagħna u dan għaliex Robert Abela rrifjuta li jibgħat lanċa biex issalvalhom ħajjithom. U biex tgħaxxaqha, dan seħħ fl-istess xahar li fih kien stqarr li “aħna ser insalvaw lil kull min ikun fil-periklu li jagħreq”. Tabilħaqq.
Robert Abela tkellem dwar dak li huwa rrilevanti. Iżda dan ma jfissirx li jista’ jgħatti l-gideb fl-istess ħin. Huwa minnu li Malta għanda kull dritt li tibgħat vapur privat bil-għan li jiġu salvati dawk li jsibu ruħħom f’diffikultà fil-baħar. Madankollu dan ma jfissirx li Malta tkun qed tagħmel dak li hu sewwa. Vapur tas-sajd m’huwiex mgħammar biex isalva n-nies mill-għarqa. Għal dan ix-xogħol għandna vapuri apposta u nies imħarrġa. U minflok nibgħatuhom biex iwettqu xogħolhom, lill-‘eroj” tagħna qed inżommuhom fil-port u minflokhom qed nibgħatu lill-furbani.
Agħtu daqqa t’għajn lejn din il-kitba ta’ Darrin Zammit Lupi li mill-qrib ra b’għajnejh eżerċizzju ta’ salvataġġ. Is-sitwazzjoni jidher li ser tkompli tiggrava.
U mbilli l-gvern Malti kellu kull dritt li jqabbad vapur privat biex iwettaq xogħol ta’ salvataġġ, dan ma jfissirx li l-gvern Malti “aġixxa skont il-liġi”. Meta reġġa’ lura lill-immigranti lejn il-Libja, l-gvern Malti kiser il-liġijiet internazzjonali u wettaq reat kriminali kontra l-umanità.
Iżda Robert Abela tmeżmeż meta xi ġurnalisti bdew jistaqsuh il-mistoqsijiet dwar dan. U malajr saddilhom ħalqhom. Qalilhom li l-ġurnata kienet sabiħa wisq biex noqgħodu ninkwietaw fuq l-iġsma tas-suwed mgħarrqin taħt l-ilma jew ta’ dawk li għadhom mimlijin bil-għomor iżda li huma maqfulin f’ħabsijiet tal-waħx.
#Malta PM says it’s a ‘beautiful’ day because #COVID__19 measures were partially relaxed, but he can’t understand why the media is asking about #migrants stranded at sea while others are sent back to detention camps. That’s OK then. Next question?
— Herman Grech (@Earthling70) May 1, 2020
Lill-mummy tiegħu Robert Abela ma jridhiex tarah jiffaċċja sfidi dwar il-konsegwenzi koroħ tal-prużunzjoni dilettanteska tiegħu. Lill-mummy jridha tarah jitħaddet quddiem bnadar kbar u kuljum irid ifakkarha li leħaq fejn xtaq jilħaq.
Għaliex eżatt bħal Joseph Muscat qablu, l-aqwa jum għalih bħala prim ministru kien l-ewwel jum. Minn dakinhar ‘il quddiem bdiet it-triq tan-niżla.
L-atteġġjament ta’ Robert Abela fil-konfront tal-membri tal-istampa jixbaħ dak ta’ Donald Trump. Meta jsib ruħu dahru mal-ħajt minħabba l-inkompetenza tiegħu, jibda’ jispara l-akkużi fuq l-istampa u jixliehom li ħassrulu l-festi meta dawn tkellmu dwar suġġett li hu ma riedx jitkellem dwaru.
Issa agħtu ħarsa lejn dan il-kliem ministerjali patetiku: fil-Facebook, Evarist Bartolo kiteb li “l-Ewropa” (min?) kienet reġġgħet lill-immigranti lura lejn Malta.
Evarist Bartolo għamel paraguni foloz.
Kienet Malta li lill-immigranti warrbithom mill-ibħra tagħha u għabbiethom fuq vapur li nstaq fid-direzzjoni tal-Libja. Dawn twasslu f’port li kien ġie bumbardjat fil-lejl ta’ qabel u ttieħdu lejn ħabs li tal-UNHCR lanqas biss jersqu lejh għaliex fih hemm nuqqas ta’ sigurtà għall-ħaddiema tagħhom. Aħseb u ara x’sigurtà hemm għall-ħabsin.
U dan kollu suppost għandu jiġi paragunat mas-sitwazzjoni f’Malta!
Evarist Bartolo għandu biċċa xogħol x’jagħmel. Dan suppost qiegħed jipprova jipperswadi lill-kollegi Ewropej tiegħu li jekk Malta tiddeċiedi li ddaħħal 60 ruħ fil-port tagħha, dawn għandhom jitqassmu f’diversi pajjiżi fl-Ewropa biex b’hekk ma jkollniex folol ta’ refuġjati fuq l-għatba tagħna. Għaliex f’għajnejn il-Libja, Malta hi l-għatba tal-Ewropa.
Ċertament dan l-argument huwa wieħed raġjonevoli.
Iżda meta Evarist Bartolo jasal biex jikteb il-kliem patetiku li kiteb biex jipprova jiġġustifika l-immoralità tat-treġġija lura tal-immigranti lejn it-torturi f’ħabsijiet Libjani, għiduli intom x’ċansijiet ser ikollu li jġibha żewġ mal-kollegi tiegħu Ewropej?
Varist, int m’intix iġġibha żewġ mal-kollegi Ewropej tiegħek għaliex tul dawn l-aħħar seba’ snin Malta ġabet ruħħa ħażin. Biegħna ċ-ċittadinanza Ewropea u żammejna l-flus kollha f’butna. Ippermettejna lil kriminali Ewropej li jużaw lil Malta biex jaħslu l-flus maħmuġin tagħhom. Ħsilna l-flus maħmuġin tad-dittatur tal-Ażerbajġan biex uliedu jkunu jistgħu jgħixu fi bliet Ewropej ilellxu.
Ġibna ruħna bħallikieku konna furbani. U fl-istess waqt bqajna nwaħħlu fl-“Ewropa” għan-nuqqas tagħna li nsalvaw lill-bnedmin fl-ibħra tagħna.
Il-kollegi Ewropej tagħna ma baqgħux jafdawna dakinhar li ntebħu li meta jkollhom x’jaqsmu ma’ ministru Malti, x’aktarx ikunu qed ikollhom x’jaqsmu ma’ bniedem mafjuż.
Evarist Bartolo qed jaħsad dak li żergħu Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Chris Cardona.
U Evarist Bartolo qed jaħsad dak li żera’ hu stess meta lill-ħallelin żammhom fis-setgħa biex ikun jista’ jsalva l-ġilda politika tiegħu.