L-aħħar aħbarijiet fid-08:44. Aqraw dwar l-operazzjoni ta’ “salvataġġ”.
Dgħajsa tal-imjam mgħobbija b’90 immigrant bħalissa tinsab fl-ibħra Maltin. Rapporti jgħidu li din id-dgħajsa tinsab fil-periklu li tegħreq. Fost il-passiġġieri hemm mill-inqas mara waħda li hi tqila u numru ta’ tfal.
Il-lejl li għadda tal-Alarm Phone ġibdu l-attenzjoni.
+++ BREAKING +++ A boat in distress with ~90 people in Maltese SAR just reached out to #Alarmphone. We alerted authorities to launch a rescue immediately without delay! @guardiacostiera @Armed_Forces_MT pic.twitter.com/UhaNHBttIj
— Alarm Phone (@alarm_phone) May 2, 2020
Id-dgħajsa tinsab madwar 17 il-mil mill-ibħra tal-Italja iżda bħalissa tinsab fl-ibħra Maltin u, skont kif ġejt infurmat, Malta qed tikko-ordina s-“salvataġġ”.
Dawn ir-rapport jgħidu li fil-post hemm tliet vapuri oħra, li tnejn minnhom huma vapuri merkantili li jġibu l-ismijiet Marina u Pixis Epsilon li qegħdin jissorveljaw barkun. Hemm ukoll it-tielet vapur li jinsab qrib id-dgħajsa. Rapporti mhux konfermati jgħidu li dan it-tielet vapur li jinsab qrib id-dgħajsa qed ibaħħar fid-direzzjoni ta’ Tripli.
(Ir-ritratt mehmuż ma’ din l-istorja m’huwiex tad-dgħajsa in kwistjoni).
L-aħħar aħbar (08:44)
Il-vapuri Marina u Pixis Epsilon qed iżommu ‘l bogħod mid-dgħajsa tal-immigranti li issa qed tagħmel l-ilma. It-tielet vapur kummerċjali li qed ibaħħar fid-direzzjoni tad-dgħajsa iġib l-isem Carina u dan il-vapur ma jtajjarx il-bandiera Maltija.
Il-vapur Carina kien fi triqtu lejn Tripli sakemm ingħata ordni biex jibdel id-direzzjoni tiegħu minn 60 mil fil-punent u jbaħħar fid-direzzjoni tad-dgħajsa tal-immigranti. Fiċ-ċirkostanzi, ordni bħal din ma kienitx waħda meqjusa normali.
Esperti fil-materja qaluli li ġaladarba vapur wieħed mit-tlieta mdaħħlin f’din l-operazzjoni li ma jtajjarx il-bandiera Maltija ġie ordnat biex idawwar ir-rotta u jersaq viċin id-dgħajsa tal-immigranti jista’ jfisser li l-awtoritajiet Maltin għandhom l-intenzjoni li jreġġgħu lill-immigranti lura lejn il-Libja.