Qed jinħass ċertu tħassib li, wara ċ-ċaqlieq li kien seħħ f’Novembru 2019 minn dakinhar li Yorgen Fenech ġie arrestat ‘il quddiem, ir-ritmu mgħaġġel li kienu qabdu l-istituzzjonijiet tal-istat bil-għan li tinkixef il-verità kollha dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia milli jidher qed imajna.

M’hemmx dubju li xi ftit minn it-tħassib ġej mill-perċezzjoni. Jew inkella ejjew ngħidu li huwa possibbli li dan huwa l-każ. Bil-Qrati jagħmlu biss xogħol ta’ natura urġenti, s-smigħ tal-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech kellu jieqaf. U l-ġbir tal-provi fil-kumpilazzjoni kontra l-aħwa Degiorgio u kontra Ċensu Muscat kellu jieqaf ukoll. Kif waqfet ukoll ix-xhieda li kien beda’ jagħti kontrihom Melvyn Theuma. Lanqas m’huma jintemgħu l-provi fir-ruxxmata ta’ kawżi kostituzzjonali li saru mill-akkużati.

M’għandniex xi ngħidu, għalissa waqaf ukoll is-smiegħ tax-xhieda fl-inkjesta pubblika indipendenti li qed issir fl-awla tal-Qorti tal-Appell fil-Belt Valletta. F’għajnejn il-pubbliku in ġenerali, dawn il-proċessi pubbliċi huma proċessi b’riżq it-tfittxija tal-verità. Il-verità niskopruha – jew għallinqas niskopru l-verżjoni tal-verità kif jifhimha kull xhud –  huma u jgħidu tagħhom pubblikament quddiem il-qorti.

Li kieku kull min kellu sehem fl-assassinju qed jinżamm taħt arrest, kien ikollna nistennew bis-sabar kollu l-ftuħ mill-ġdid tal-qrati biex insiru nafu dak li l-pulizija diġà jafu bih. Iżda, bħalma ftit kienu dawk li emmnu li l-proċess kriminali li nbeda’ kontra l-Fulu, l-Koħħu u ċ-Ċiniż kien il-bidu u t-tmiem ta’ kollox f’din l-investigazzjoni kriminali, huma dawk li jridu jiżguraw li jeħel Yorgen Fenech biss li għandhom seba’ mitt sena li jaraw il-proċess jersaq lejn tmiemu.

Din il-ġimgħa numru ta’ NGOs internazzjonali li jaħdmu b’riżq il-libertà tal-kelma għamlu sejħa biex l-avukat ġenerali jissieħeb mal-Europol biex flimkien ikomplu bl-investigazzjoni. Din it-talba tagħmel ħafna sens. Wara kollox, wieħed jeħtieġ jiftakar li meta r-raġel ta’ Daphne u wliedha rebħu kawża li kienu għamlu biex Silvio Valletta jiġi ordnat iwarrab mill-invetigazzjoni dwar l-assassinju, l-motivazzjoni wara t-talba tagħhom kienet li dan kellu kunflitt ta’ interess minħabba l-fatt li martu kienet membru tal-kabinett. Mal-mogħdija taż-żmien, kellhom isiru jafu wkoll li Silvio Valletta kien ħobża u sikkina ma’ dak li kien qed jiġi suspettat li kien wieħed mill-imħuħ wara t-twettiq tad-delitt. U aktar tard, irriżulta li dak li kien kummissarju tal-pulizija – Lawrence Cutajar – kien qed jintervjeni fl-investigazzjoni b’mod li ma kienx qed igħin biex tinkixef il-verità.

F’din l-investigazzjoni, kien x’kien l-impenn u x-xogħol li wettqu l-ispetturi tal-pulizija, huwa ċar li kien hemm min qed jindaħal minn fuq nett. Ir-riżorsi u l-ħin li hemm għad-dispożizzjoni tagħhom huma limitati u f’ħoġorhom għandhom ukoll xogħol ieħor li m’huwiex relatat ma’ din l-investigazzjoni u li jeħtieġ li jsir ukoll.

Minkejja dak kollu li seħħ, jidher li l-istat m’huwiex lest li juri mpenn serju biex tinkixef il-verità kollha dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. U jeżisti suspett raġjonevoli għal dan. Bħal fil-każ ta’ kull talba raġjonevoli li, f’dawn l-aħħar sentejn u nofs, saret mill-familja ta’ Daphne, il-Pulizija għal darb’oħra ċaħdet is-sejħa biex l-investigazzjoni titkompla bi sħab mal-Europol. Għaliex huwa ċar li l-Pulizija tinsab pronta biex tiċħad kull offerta ta’ għajnuna minn barra ma jmorrux dawn jirnexxielhom iressqu l-boċċa qrib ħafna tal-likk.

Illum ixxandret l-aħbar li avukat li kien jaħdem fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali rriżenja mill-impjieg u li issa ngħaqad mal-avukati ta’ Yorgen Fenech bħala wieħed mill-avukati tad-difiża. Lil Yorgen Fenech dan l-avukat qed jirrappreżentah ukoll f’kawża kostituzzjonali li kienet saret kontra l-avukat ġenerali nnifsu. Aktar kmien dalgħodu jien tkellimt ma’ Charles Mercieca u dan qalli li, fiż-żmien li fih kien jaħdem fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali, huwa “qatt ma kellu x’jaqsam direttament jew indirettament mal-każ ta’ Yorgen Fenech”. Iżda Dr Mercieca forsi jista’ jifhem it-tħassib li għandna għall-fatt li kemm dam jaħdem fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali minn dakinhar li ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia, huwa seta’ kien konxju tal-istrateġija li kien qed jadotta l-prosekutur. Seta’ kien jaħdem fl-istess kamra u anki forsi kien jaf ċerti dokument fejn kienu qed jinżammu. Seta’ kien fl-istess kamra meta kien qed jingħad ċertu diskors ta’ natura sensittiva. Kellu wkoll l-opportunità li li josserva lil dawk li qed jippruvaw imexxu kriminalment, bir-riżorsi limitati tagħhom, kontra dawk li huma suspettati li wettqu d-delitt.

U, għaġeb tal-għeġubijiet, issa dan f’daqqa waħda sab ruħu jiddefendi wieħed mis-suspettati.

Għandi nifhem li Charles Mercieca rrifletta bejnu u bejn ruħu dwar il-pożizzjoni tiegħu u aċċerta li ma jsibx ruħu mixli bi ksur ta’ liġi. X’aktarx li ħa ħsieb biex il-warrani tiegħu ikun mgħotti sew. Iżda jista’ jagħti l-każ li l-Kamra tal-Avukati għandha tinvestiga jekk dan kollu sarx bi ksur tal-kodiċi tal-etika jew le. Wara kollox, jekk dan tassew għandu fil-pussess tiegħu xi informazzjoni privileġġjata, ma jkunx aċċettabbli jekk din l-informazzjoni tintuża biex tgħin lill-klijent il-ġdid tiegħu.

Iżda din il-kwistjoni m’hix biss dwar avukat li minn naħa waħda qabeż għan-naħa l-oħra, għaliex mhux l-ewwel darba li ġraw affarijiet bħal dawn. Iżda li ġara’ f’dan il-każ partikolari kien li l-integrità tal-każ li l-istat għandu kontra Yorgen Fenech qala’ daqqa ta’ ħarta oħra. kif qalgħet daqqa ta’ ħarta wkoll il-fiduċja li għandu jkollna fil-ħila tal-istat li jagħmel ġustizzja mal-qattiela.

Jiġri x’jiġri, se jibqa’ dak id-dubju dwar jekk il-ġustizzja għadx issir ma’ Daphne Caruana Galizia u mal-familja tagħha.