Il-Kummissjoni Ewropea qalet li qed issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni tal-immigranti li jinsabu abbord vapuri tal- Captain Morgan li nkrew mill-gvern Malti.

Mal-167 ruħ qed jinżammu bejn sema u ilma ftit ‘il barra mill-ibħra Maltin. Uħud minnhom ilhom hemm mill-20 ta’ April. Xi NGOs ilmentaw li l-immigranti m’humiex jingħataw l-opportunità, kif inhu d-dritt tagħhom, li japplikaw għall-ażil.

Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea ġie kkwotat mill-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana ANSA fis-sens li “dawn il-persuni jinsabu abbord vapuri mikrijin mill-gvern ta’ Malta u l-kundizzjoni tas-saħħa tagħhom hi responsabbiltà tla-gvern Malti. Hekk kif igħaddi ż-żmien tal-kworantina, jkun jeħtieġ li jittieħdu lejn port biex jittellgħu l-art”.

Ir-regoli Maltin tal-kworantina huma ta’ 14 il-jum, iżda wħud minn dawn l-immigranti issa ilhom imwaħħlin bejn sema u ilma għal madwar 28 jum.

ANSA ikkwotat ukoll lill-kelliem li qal li l-Kummissjoni tinsab lesta tgħin lill-gvern Malti u li “l-istati membri tal-UE għandhom jaħdmu flimkien fl-ispirtu tas-solidarjetà bil-għan li jinstabu s-soluzzjonijiet”.

Fil-frattemp, meta jien staqstejt lil wieħed mis-sidien Edward Zammit Tabona tat-tielet vapur tal-Captain Morgan – li jismu Atlantis – dwar ir-raġuni il-għaħa dan il-vapur kien intbagħat ukoll, dan wieġeb li l-Atlantis “kien ħa post il-vapur Bahari” li issa rritorna lejn Malta.

“Hawn min għandu interess li jpinġina koroh,” kompla Edward Zammit Tabona, “wara li aħna konna ġejna mitluba mill-gvern biex il-vapuri tagħna jintużaw biex jagħtu daqqa t’id sabiex tinstab tarf tal-problema tal-immigrazzjoni”.