Ninsab infurmat li l-maġistrat li qed imexxi inkjesta dwar il-mewt fil-baħar ta’ 12 il-ruħ fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid  il-bieraħ bgħat żewġ messaġġi b’riferenza għar-rapport tiegħu lill-kollegi tiegħu kollha fil-ġudikatura u kiteb il-kummentio li ġejjin: ‘Għandkom ħafna x’taqraw.’ u ‘Bgħattilkom kopja.’

Milli jidher dawn iż-żewġ messaġġi ntbagħtu l-bieraħ mill-WhatsApp account tal-Maġistrat Joe Mifsud lill-group chat ta’ membri tal-ġudikatura fis-13:17 u fis-13:18. Iżda ftit tal-ħin wara dawn il-messaġġi tħassru minn min bgħathom permezz tad-‘Delete for Everyone’ li tinsab fil-WhatsApp.

Dan ma jistax ħlief ifisser li r-riferenza fil-messaġġi għar-rapport intbagħtu lill-membri tal-ġudikatura bi żball u li kienu ntiżi għal persuni oħrajn.

Skont il-liġi, l-kontenut ta’ rapport ta’ inkjesta huwa kunfidenzjali u l-maġistrat jkun mistenni li jibgħat rapport lill-Avukat Ġenerali biss. U lil ħadd aktar.

L-Avukat Ġenerali, minn naħa tiegħu, għandu d-diskrezzjoni esklużiva li jiddeċiedi x’għandu jagħmel bir-rapport. L-Avukat Ġenerali, Peter Grech, għandu d-dritt li jibgħat ir-rapport lura lill-maġistrat jekk iħoss li r-rapport ikun fih informazzjoni nieqsa jew jekk iħoss li l-kwistjoni teħtieġ investigazzjoni aktar wiesa’. Għandu wkoll id-dritt li jibgħat ir-rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija bi struzzjonijiet biex jieħu azzjoni. Jista’ wkoll iqiegħed ir-rapport fuq l-ixkaffa.

L-inkjesta dwar il-mewt ta’ 12 il-ruħ fl-ibħra Maltin fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid kienet inbdiet fuq inizjattiva ta’ Repubblika. L-ilment ta’ Repubblika semma’ bħala wieħed mis-suspettati lill-Prim Ministru Robert Abela. Repubblika allegat li d-deċiżjonijiet li ħa l-prim ministru biex itawwal il-proċess tas-salvataġġ tal-immigranti li kienu ilhom ġranet sħaħ fuq dgħajsa bejn sema u ilma, setgħet wasslet għall-imwiet tagħhom.

L-aħħar darba li prim ministru kien suġġett ta’ inkjesta kriminali kien fil-każ tal-Egrant. Meta l-Maġistrat Aaron Bugeja kkonkluda l-inkjesta, l-Avukat Ġenerali ddeċieda unilateralment li jibgħat kopja tar-rapport tal-inkjesta direttament lill-prim ministru Joseph Muscat.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia aktar tard ħarrek lill-Avukat Ġenerali fil-Qorti u talab li jingħata kopja. Il-Qorti spiċċat biex ordnat lil Peter Grech biex igħaddi kopja tar-rapport egrant lil Adrian Delia u laqa’ l-argument ta’ adrian Delia fis-sens li ġaladarba Joseph Muscat kellu kopja, il-kap tal-oppożizzjoni kien qed jinżamm milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jgħarbel il-ħidma tal-gvern b’mod xieraq.

Għejjun mill-uffiċċju tal-prim ministru qaluli li l-Prim Ministru Robert Abela jaf x’fih ir-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Joe Mifsud. Madankollu mhux magħruf jekk din l-informazzjoni ġietx mgħoddija lill-Prim Ministru mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jew ġietx mgħoddija lilu minn band’oħra.

Dan l-aħħar Repubblika esprimiet l-iskantament tagħha meta xxandret l-aħbar fit-Times of Malta li r-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Joe Mifsud kien tlesta fi żmien 4 ġimgħat. Repubblika qalet li “mhux normali li inkjesta serja bħal din li tittratta dwar il-mewt ta’ 12 il-ruħ tintemm fi żmien hekk qasir” u għamlet paragun mat-tliet snin li għaddew minn meta inbdew inkjesti dwar l-imġieba mhux xierqa ta’ uffiċjali tal-gvern, liema inkjesti għadhom pendenti sal-lum.

Repubblika wriet it-tħassib tagħha għall-fatt li l-istituzzjonijiet bħalma huma l-pulizija ma kienux għamlu l-almu kollu tagħhom biex jiżguraw li t-12 il-ruħ mejta u l-vittmi l-oħrajn tal-inċident li seħħ fl-Għid fl-ibħra Maltin, issir ġustizzja magħhom.