Intbagħtet ir-raba’ lanċa biex tgħabbi lill-immigranti fuq il-baħar. Fil-frattemp, il-pajjiżi Ewropej baqgħu jsostnu li, dment li Malta tippretendi li tirċievi s-solidarjetà, għandha toqgħod għall-obbligi legali tagħha. L-immigranti li jinsabu riekbin fuq tliet laneċ tal-Captain Morgan u fuq ir-raba’ lanċa li ġġib l-isem Supreme Cruises jinsabu fit-territorju Malti. Il-laneċ għandhom mnejn jinsabu ankrati ‘l barra mill-ibħra ta’ Malta, iżda l-immigranti jinsabu fuq laneċ li jtajjru l-bandiera Maltija u għaldaqstant hija l-liġi Maltija li tgħodd. U dawn il-laneċ intbagħtu mill-gvern Malti.

Għaldaqstant sta għalina li ntemmu l-operazzjoni ta’ salvataġġ u lill-immigranti ntellgħuhom l-art. Aktar ma ndumu nkarkru fuq din il-kwistjoni, se jkun dejjem aktar diffiċli li nsibu tarf.

Robert Abela għadu kemm ġie lura minn żjara fil-Libja. Tgħid ser jagħmel bħal ma kien għamel Dom Mintoff u lill-Ewropa ta’ Kajjin ser jgħidilha li jekk ma jieħdux l-immigranti huma, ser tkun il-Libja li tieħodhom?

U talli tagħmel dan, aħna lil Libja x’ser intuha?

Barra minn dan, waqt li Malta tikser id-drittijiet bl-addoċċ, x’assikurazzjonijiet tawħ il-Libjani dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn l-immigranti? X’mistoqsijiet għamel Robert Abela dwar saħħet is-57 immigrant li kienu treġġgħu lura lejn il-kamp ta’ konċentrament Tarik al Sikka?

Issa stennew li Robert Abela ser jindirizza lin-nazzjon u fl-istess waqt ser ipinġi lilu nnifsu bħala l-vittma, l-buli u l-eroj fl-istess waqt.

M’għandniex xi ngħidu, m’aħna ser nisimgħu xejn mingħand dawk li jinsabu bil-ġuħ, mitfugħin il-ħabs, mheddin u mgħarrqin.