L-EWWEL: il-gvern ta’ Joseph Muscat kien jiddiletta jikser il-liġi permezz tal-użu tal-istess liġi. Ta’ sikwit kien jara kif ikun jista’ jgħaffeġ fuq l-ispirtu tal-liġi u fuq il-vera intenzjoni wara t-tfassil tagħha.
Kienu jgħidulna li, bi kliemhom, Jason Micallef u Tony Zarb kienu qed jeżerċitaw id-dritt li jgħidu tagħhom b’mod ħieles, huma u jabbużaw is-setgħa pubblika li għandhom biex jintimidaw u biex iqanqlu l-mibgħeda. Kienu jgħidulna li Konrad Mizzi kien ħallas dejnu mal-ġustizzja meta kien ħallas multa wara li nqabad b’kumpannija sigrieta fil-Panama. Kienu jgħidulna li Owen Bonnici, hu u jiċċensura lil min ried jipprotesta, kien fid-dmir li jżomm l-indafa fil-Belt Valletta. Kienu jgħidulna li Keith Schembri, hu u jdaħħal f’butu flus ġejjin mit-tixħim fil-Pilatus Bank, kien qed jitħallas lura self li kien għamel. Kienu jgħidulna li Yorgen Fenech kien rebaħ il-kuntratt tal-Electrogas b’ġustizzja, meta dan kien qed ifassal pjan biex jelimina lill-ġurnalista li kixfet il-ħmieġ marbut ma’ dan il-kuntratt.
Issa qed jgħidulna li l-vapur li reġġa’ lill-immigranti lura lejn il-Libja jbaħħar taħt il-bandiera tal-Libja u għaldaqstant kien qed ibaħħar lura lejn il-port ta’ pajjiżu. Dan qaluh waqt li kienu qed jiftehmu ma’ dawk li jittorturaw lill-immigranti biex jerġgħu jixħtuhom fil-ħabsijiet tagħhom. Qed igħidulna li lil Neville Gafà qabbduh biex imexxilhom il-kelma mal-kuntatti li dan għandu fil-Libja. U dan qaluh fl-istess ħin li lil Gafà qabbduh biex iwettaq reat kriminali kontra l-umanità. Qed igħidulna li l-gvern għandu juża r-riżorsi kolla li jeżistu biex isalva l-immigranti mill-għarqa. Iżda dawn huma l-istess nies li l-laneċ tal-armata, li huma armati apposta għal xogħol ta’ salvataġġ, żammewhom kollha ankrati fil-port.
IT-TIENI: huma u jigdbu, jħobbu jitbissmu. Joseph Muscat hekk kien jagħmel ta’ spiss.
Lil Konrad Mizzi għattielu meta kien stqarr li dan kellu l-ħsieb li jiddikjara li huwa sid ta’ kumpannija fil-Panama fid-dikjarazzjoni parlamentari li kien imiss. Gideb dwar ir-rabtiet li għandu ma’ Ilham Aliyev. Gideb dwar ir-rabtiet li għandu ma’ Ali Sadr Hashemi Nejad. Gideb dwar il-kontenut tar-rapport tal-inkjesta tal-maġistrat dwar il-kumpannija Egrant. Gideb dwar ix-xogħol li kien jagħmel Neville Gafà. Gideb dwar dak li qal li kien jaf dwar l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u reġa’ gideb meta qal x’kien għamel dwar din l-investigazzjoni. Lil Keith Schembri għattielu lejliet l-arrest tiegħu. U nistgħu nibqgħu għaddejjin b’lista ma tispiċċa qatt.
Robert Abela gideb meta qal li l-vapur Mae Yemanja kien ġabar lill-immigranti b’ċikka wara tmiem il-ġimgħa tal-Għid. Gideb għaliex dan ma kien xejn ħlief pjan maħsub li jammonta għal ksur tal-liġijiet internazzjonali u forsi wkoll tal-liġijiet kriminali.
Agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-messaġġ permezz tat-Twitter mill-ġurnalist tan-New York Times Patrick Kingsley b’reazzjoni għall-gideb sfaċċat tal-bieraħ ta’ Robert Abela.
Illum il-PM ta’ Malta @robertabela_MT stqarr li l-ġbir ta’ 50 immigranti li seħħ ix-xahar li għadda —& t-treġġija lura tagħhom lejn il-Libja—seħħ b’ċikka, u dan grazzi tal-vapur “Libjan” li nzerta kien għaddej mill-inħawi.
Dan m’huwiex minnu
Aħan konna svelajna li l-operazzjoni kienet waħda ppjanata permezz ta’ tliet laneċ mibgħutin minn Malta https://t.co/slutjBNezU
— Patrick Kingsley (@PatrickKingsley) May 4, 2020
IT-TIELET: gidba li tiġi ripetuta ta’ sikwit, taf titwemmen jew, għallinqas, taf isservi ta’ alternattiva għar-realtà tal-fatti. Dan l-iskop jaf jintlaħaq mhux meta jiġu ndirizzati l-fatti, iżda meta jiġu skreditati dawk li jikxfu l-qerq. Joseph Muscat dawn il-lezzjonijiet kien tgħallimhom meta kien għadu jerfa’ l-kuda ta’ Alfred Sant. Iżda din it-tattika ta’ iżolament sistematiku u ta’ demonizzazzjoni spiċċa biex baxxieha għal livelli li qatt ma rajna bħalhom.
M’għandniex xi ngħidu, l-vittma ewlenija ta’ dan kollu kienet Daphne Caruana Galizia. Għalihom dak li kienet tikteb kien irrilevanti. Kienet l-identità ta’ min kiteb jew qal id-diskors li kien igħodd. Xlewha b’kull ma setgħu jivvintaw: l-aktar xilja ovvja kienet li hi aġent tal-PN, iżda ma’ dan nistgħu wkoll inżidu nsinwazzjonijiet oħrajn. Li kienet qed taħdem b’riżq ċorma persuni b’imneħirhom imxammar tal-klassi medja minn Tas-Sliema. Li kienet indaħlet fejn ma jesagħħhiex fid-dinja tal-irġiel. Li kienet saħħara.
Għaliex huwa minn ewl id-dinja li mara li għamlet kampanja sħiħa kontra s-serq u l-korruzzjoni tal-gvern u favur il-governanza tajba u d-drittijet tal-bniedem, ma setgħet qatt tinjora d-diskriminazzjoni kontra l-immigranti u d-detenzjoni illegali tagħhom.
Minkejja l-preġudizzji li kien hemm kontra tagħha, minkejja l-isfond soċjali tagħha u minkejja l-allegat snobbiżmu tagħha, l-kitba ta’ Daphne Caruana Galizia u l-ġurnaliżmu tagħha kienu fuq kollox kampanja favur id-diċenza, l-ħniena u l-ġustizzja. U l-immigranti kienu ilhom isofru l-inġustizzji li għoġobna ngħabbu fuq dahrhom.
Din kienet ir-raġuni li hi stess kellha tgħatti kliem iebes li kien inżebagħ fuq ħajt fil-Bidnija. Dan ma kienx xi kliem bi kritika kontra l-għażliet politiċi tagħha. Kienu agħar minn hekk. Kienu kliem ta’ kundanna fil-konfront tagħha għaliex kienet ażżardat li tikteb kliem ta’ appoġġ għall-immigranti Afrikani.
Robert Abela qed jimxi fuq il-passi tal-mexxej ta’ qablu u min anki jażżarda li jiddefendi lill-immigranti u jappella biex dawn ma jitħallewx jegħrqu, qed jiġi ttimbrat bħala traditur li jkun jistħoqqlu li jiġi mgħajjar, mhedded u kundannat.
Dan kollu għaddejna minnu fl-imgħoddi u l-istorja qed tirrepeti ruħħa.
Iżda għandhom ikunu jafu li m’għandna ebda intenzjoni li nwaqqfu r-reżistenza tagħna.