Robert Abela qed jafda żżejjed f’Joseph Muscat. Fejn jidħol il-qasam ekonomiku Joseph Muscat kien ixxurtjat bl-istess mod li kellu xorti ħażina Robert Abela. Is-suċċess ekonomiku ta’ dawn l-aħħar 7 snin, li ġie fi tmiemu fi Frar li għadda, seħħ mhux bis-saħħa ta’ Joseph Muscat iżda bis-saħħa taċ-ċirkostanzi. Meta ħa r-riedni tal-gvern f’idejh, huwa kien wiret pajjiż integrat mal-Ewropa b’ekonomija soda u għaldaqstant kien sab sodda mifruxa.
L-inizjattivi li ħa Joseph Muscat aktar għamlu ħsara milli għamlu ġid. Il-bejgħ tal-passaporti żied id-dħul tal-gvern iżda ma effettwax lill-ekonomija b’mod pożittiv. U l-proġett tal-Blockchain baqa’ fuq l-ixkaffa.
U l-industrija tal-konstruzzjoni ħadet spinta taħt il-gwida tiegħu għaliex kien neħħa kull xkiel li kellhom l-iżviluppaturi bir-riżultat li dawn prattikament setgħu jibnu u jiżviluppaw kull fejn riedu.
Barra l-ħafna tbassir nieqes mir-riċerka, mill-matematika u mill-evidenza storika, l-pariri li Joseph Muscat ta lil Robert Abela jidher li ma swew għall-xejn. Għaliex il-ħolm ma jammotax għal tbassiriet ekonomiċi. Muscat mingħalih li hu xi “espert” li jfakkruk f’dawk li jidhru kull filgħodu fuq il-Bloomberg TV li ħafna drabi t-tbassir tagħhom ikun imbażwar għaliex m’humiex esperti tassew.
Iżda huwa ċar li l-messaġġ li Muscat xtaq iwassal lil Abela huwa “kun bħali’.
Milli jidher Joseph Muscat qed jaħseb li l-istorja għad tfakkar iż-żmien tiegħu fit-tmun bħala xi storja ta’ suċċess u bħal donnu jrid inessi li, minkejja l-maġġoranzi kbar ta’ voti li kiseb, serva fil-kariga għal perijodu ta’ żmien qasir ħafna. Irid inessi wkoll li kien ittellaq mill-kariga ta’ prim ministru bl-iktar mod skreditat fl-istorja tal-pajjiż.
Min f’moħħu jkollu dawn l-illużjonijiet ma jistax ħlief ikun intellettwalment għażżien. It-“tbassir ekonomiku” mbażwar tiegħu huwa riflessjoni ta’ analiżi superfiċjali. Għaldaqstant x’tista’ tistenna’ aktar mingħandu meta jitkellem dwar l-ippjanar tal-ekonomija tal-ġejjieni?
Dan huwa l-kuntest li fih Robert Abela qed jingħata l-pariri minn dan l-għaref biex lill-ekonomija jiftaħha mill-aktar fis possibbli. Wara laqgħa ta’ 5 siegħat li l-prim ministru kellu ma’ Joseph Muscat, qatgħuha li għandhom jerġgħu jinfetħu r-ristoranti. Jekk jeżistu raġunijiet xjentifiċi favur il-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija, dawn ir-raġunijiet s’issa għadna ma smajniex bihom.
Kulma smajna s’issa kien li Robert Abela qed igħid li l-awtoritajiet tas-saħħa (dawk li suppost għandha nobduhom għax għandna fiduċja fihom) qed jagħmlu ħafna għaġeb u qed ibeżżgħu. Ġimgħa ilu, meta tfaċċaw 10 infezzjonijiet tul il-perijodu ta’ għaxar ġranet, qalulna biex noqgħodu f’darna u biex inżommu l-bogħod mill-inqas 2 metri minn ħaddieħor jekk ikun jeħtiġilna li noħorġu mid-dar għall-bżonn. Issa li qed jitfaċċaw 10 infezzjonijiet ġodda kuljum, qed jgħidulna li nisgħu mmorru naqtgħu xagħarna b’wiċċ il-parrukkier ma’ wiċċna għal 15 il-minuta.
Bħalissa jien għandi bżonn is-servizz ta’ parrukkier bħall-ħobż. Ix-xjenza qed tgħidli biex nibqa’ d-dar b’daqna tiknes l-art. Iżda dawn qed jgħidulna li sa nhar il-Ġimgħa nista’ mmur f’ħanut biex inqaxxarha. X’kien dak li nbidel f’temp ta’ erbat ijiem?
L-aktar kwistjoni serja hija din: il-mexxejja tagħna mingħalihom li l-imxijja tal-coronavirus hi biss intervall qasir u li dalwaqt ser inkunu nistgħu mmorru lura għall-ħajja kif konna qed ngħixuha sa ftit xhur ilu.
Wieħed għandu għaliex isewwed qalbu meta jitħaddet dwar waħda mill-attivitajiet ekonomiċi li ma ġietx effettwata mill-imxijja tal-coronavirus. Agħtu daqqa t’għajn lejn dawn ir-ritratti li ntbagħtuli minn qarrej dwar xogħol ta’ kostruzzjoni li qed iseħħ qrib proprjetà minn tiegħu u qed ikollu jissaporti t-trabijiet. Xena bħal din hi riflessjoni tal-ħajja li kważi kulħadd qed ikollu jissaporti fuq gżiritna.
Sa hawn biss twassal l-imaġinazzjoni ta’ Joseph Muscat.