m

Edward Scicluna qarraq bil-kbir f’intervista li ta llum lit-Times of Malta. Huwa stqarr li l-inkjesta li qed issir dwar l-imġieba tal-ministri tal-kabinett fejn jidħol l-użu ta’ flejjes pubbliċi biex issir propaganda fuq il-media soċjali u fuq il-Facebook, m’hi xejn ħlief “farsa”.

U għamel tiegħu l-iskuża li kien ġab Robert Abela meta l-Kummissarju l-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler kien ġibed l-attenzjoni għall-fatt li prattika bħal din m’għandhiex mis-sewwa. “Il-gvern huwa fid-dmir li jinforma lill-pubbliku.” Hekk hu, Sur Prim Ministru. Imma mhux kif qed tipprova tbenġilha int.

Lill-pubbliku ma “tinfurmaħx” bix-xandir ta’ filmati ta’ propaganda li fihom tgħid dak li trid u li fihom ma jitħalla jmerik ħadd. L-informazzjoni li wieħed għandu jgħaddi lill-pubbliku tikkonsisti fix-xandir trasparenti ta’ informazzjoni, fit-tweġibiet li jsiru għall-mistoqsijiet tal-istampa, fl-intervisti regolari li wieħed jagħti u fit-tweġibiet li jingħataw għal talbiet imsejsin fuq il-freedom of information. Dan huwa l-oppost għax-xandir fuq il-Facebook ta’ filmati ta’ propaganda mħallsin.

Edward Scicluna stqarr ukoll li prattika bħal din m’għandhiex tkun “kriminalizzata”. Huwa qal li meta kien membru parlamentari Ewropew, il-Parlament Ewropew kien jgħaddilu flus biex ikun jista’ jagħmel l-istess ħaġa u li fil-fatt din il-prattika tal-użu tal-media soċjali kienet inkoraġġita u li ċertament ma kienitx meqjusa bħala waħda kriminali.

Din l-istqarrija ta’ Edward Scicluna m’hix korretta. Il-membri parlamentari Ewropej ma jingħatawx fondi biex ikunu jistgħu jużaw il-media soċjali. Huma l-gruppi politiċi li jingħataw il-fondi u dawn il-flejjes imbagħad jitqassmu lill- membri tal-parlament Ewropew. U jeżistu regoli stretti dwar l-użu ta’ dawn il-flejjes: il-membri parlamentari Ewropej l-ewwel joħorġu l-flus minn buthom u mbagħad japplikaw għar-rimbors.

Kull użu li jsir mill-Facebook jiġi awditjat u dan sabiex jiġi żgurat li l-flus li jintefqu jkunu marbutin direttament max-xogħol tal-membru parlamentari Ewropew fil-Parlament Ewropew. Biex nieħdu eżempju wieħed, flejjes minfuqa fil-Facebook biex jintbagħtu l-awguri tal-Milied jew li jkunu marbutin mal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, ma jiġux rimborsati.

Li ma qalx Edward Scicluna hu li l-fondi li jitħallsu lill-membri parlamentari Ewropej biex jiġi nfurmat il-pubbliku ma jitħallsux skont l-opinjoni politika ta’ dak li jkun. Kull membru parlamentari Ewropew, ta’ kull grupp politiku, jingħata r-riżorsi meħtieġa biex ikun jista’ jinforma lill-kostitwenti tiegħu dwar ix-xogħol li jkun qed iwettaq.

Dan ma seħħx fil-każ li qed nittrattaw dwaru. Fil-każ lokali, ministri tal-gvern immiżapproprjaw fondi li kienu ntiżi għax-xogħol tagħhom bħala ministri u minflok użawhom għall-propaganda personali tagħhom. Prattika bħal din hi ħażina għaliex tammonta għal miżapproprjazzjoni, jiġifieri għal serq. Hu ħażina wkoll għaliex, b’kuntrast għal dak li jseħħ fil-Parlament Ewropew, dan l-infiq qed isir minn ministri tal-gvern biss u mhux mill-membri kollha tal-Parlament.

Il-prattika qed tassigura li l-gvern jibqa’ jgawdi monopolju fuq l-informazzjoni, li jġenneb il-kritika u li jagħti biss il-verżjoni tiegħu. Il-verżjoni tal-gvern dwar ħidmietu m’hix “informazzjoni” iżda propaganda partiġġjana. Li kieku din l-“informazzjoni” kienet tinkludi kritika jew proposti alternattivi, kienet tkun totalment kwistjoni oħra.

Edward Scicluna huwa l-ministru tal-finanzi u għaldaqstant għandu f’idejh l-għodda biex lill-membri parlamentari kollha jgħaddilhom il-fondi meħtieġa sabiex dawn ikunu f’pożizzjoni aħjar li jwettqu x-xogħol tagħhom u li jinfurmaw lill-pubbliku. Iżda minn dan kollu m’hu ser jagħmel xejn u jippreferi irendi lill-Parlament f’bottegin fejn hu u sħabu jkunu jistgħu jonfqu kemm u kif iridu mingħajr ma jkollhom jgħaddu minn ebda għarbiel.

Din l-istorja qed tirrepeti ruħha wkoll fi bnadi oħrajn. Il-Kummissarju dwar l-Istandards diġà kkritika lill-gvern talli għall-konferenzi stampa jistieden lill-ġurnalisti li jrid u lil oħrajn jaqtagħhom barra. Iżda hemm stejjer oħra li George Hyzler għadu ma kkunsidrax.

Il-gvern m’huwiex marbut b’regolamenti dwar il-mod kif għandu jonfoq flejjes intiżi għar-riklamar u dan biex jiġi żgurat li dawn il-flejjes ma jintużawx biex jinħanaq il-leħen ta’ dawk il-mezzi tax-xandir li jikkritikaw lill-gvern. Regolamenti bħal dawn wieħed isibhom f’pajjiżi oħra. Iżda hawn Malta dawn ma jeżistux għaliex l-industrija l0kali tal-istampa  – mhux il-ġurnalisti tafux, iżda s-sidien  – isibuha aktar faċli li jitolbu l-karità mingħand il-gvern milli jikkonfrontawh.

Mhux soltu li f’pajjiżna nassistu għal inkjesta dwar miżapproprjazzjoni ta’ flejjes li tkun qed issir bl-inizjattiva tal-istituzzjonijiet. L-inkjesta maġisterjali twieldet bis-saħħa tal-inizjattiva li ħa l-Kummissarju tal-Istandards permezz tal-Awditur Ġenerali u permezz tal-Pulizija.

J’alla dawn in-nies ikomplu f’din it-triq.

J’alla l-ministri jieħdu tagħlima bis-saħħa tal-azzjoni f’waqtha tal-istituzzjonijiet indipendenti li jkunu lesti li jwaqqfuhom meta jgawdu minn fondi pubbliċi għall-benefiċċju personali tagħhom.

Lil dawn il-ħallelin, wasal iż-żmien li niqfulhom.