Mingħajr ma rridu, l-kannelloni ifakkruna fl-ikel Taljan. Iżda l-istorja li ġejja dwar il-kannelloni hi marbuta mal-gżira ta’ Għawdex.
Il-kitba li tidher hawn taħt, ittellgħet fil-Facebook minn uffiċjal għoli li jaħdem mal-ministru Anton Refalo. Kevin Mompalao lil Yorgen Fenech m’għadux iniżżlu. U kien beda’ jeħillu fi ġriżmejh minn meta rriżulta li dan in-negozjant għani, li jinsab mixli bi qtil, irriżulta li kien ħobża u sikkina ma’ Silvio Valletta.
Il-kannelloni ssemmew fil-kuntest tax-xhieda li ngħatat il-bieraħ fil-qorti minn Melvyn Theuma, x-xhud tal-prosekuzzjoni li qed jixhed kontra Yorgen Fenech. Huwa xehed li kien ra b’għajnejh lil Silvio Valletta fir-razzett ta’ Yorgen Fenech u ta deskrizzjoni tal-ikla li kielu dakinhar. U sakemm Valletta dam jiekol il-laħam tal-vitella jew il-kannelloni, Fenech kellu rasu mistrieħa li ma jkunx arrestat. Dan għadu ma ġiex pruvat fil-qorti, iżda ħadd għadu ma ttanta li jippruvah.
Għalkemm ikollna nbaxxu rasna għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, l-fatti li jinsabu quddiem għajnejna ma jista’ jiċħadhom ħadd. Fil-ktieb li konna ħriġna f’Ottubru li għadda Murder on the Malta Express, l-aqwa ħaġa li jien u sħabi stajna ngħidu dwar Silvio Valletta kienet li ċertament dan “m’huwiex Sherlock Holmes”. Biżżejjed li wieħed isemmi li hu kien mexxa investigazzjonijiet dwar l-isplużjoni ta’ 6 karrozzi-bomba u ma rnexxilux jarresta mqar persuna waħda.
Meta kienu ġew arrestati l-aħwa Degiorgio bis-saħħa tal-ħidma tal-FBI, kienu nstabu numru ta’ mobiles f’qiegħ il-baħar qrib it-tinda tal-patata fil-Marsa. Dan il-fatt u l-fatt li fl-imgħoddi wieħed mill-vittmi ta’ karrozza-bomba kien sħab ma’ Ġorġ Degiorgio, ftit qabel ma kisruha, tagħti ħjiel li l-Fulu u ċ-Ċiniż huma kriminali professjonali li kienu jgawdu minn impunità sħiħa.
Hemm ukoll il-konversazzjoni li seħħet f’April 2017 – il-famuż xahar li fih feġġet l-istorja li Michelle Muscat hi sidt l-Egrant – bejn Yorgen Fenech u Melvyn Theuma. Melvyn Theuma jgħid li Yorgen Fenech staqsieh jekk lil Ġorġ iċ-Ċiniż kienx jafu u li. jekk iva, ried iqabbdu biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia.
Tgħid Yorgen Fenech lil George iċ-Ċiniż sar jaf bih mill-Paġni Sofor? Jew inkella staqsa għalih ma’ ħabib?
Kevin Mompalao ma daħalx f’dawn id-dettalji. Mart Silvio Valletta hi d-deputat Laburista Għawdxija Justyne Caruana li kienet hi li tajjret minn Ministru għal Għawdex lill-imgħallem ta’ Mompalao Anton Refalo u dan qabel din kienet ġiet imġiegħla twarrab meta rriżulta li żewġha kien sar qaddej ta’ Yorgen Fenech.
Justyne Caruana tgħid li ma kienitx taf x’kien qed iħawwad żewġha fil-borma ma’ Yorgen Fenech. Iżda l-qaddej ta’ Anton Refalo jidher li jinsab kuntent li din kellha twarrab.
Nistaqsi: kif xterdet din l-iscreenshot? Min ġibidha? U min kien li xerridha mal-erbat irjieħ?
Agħtu daqqa t’għajn lejn in-naħa t’isfel tal-iscreenshots fejn jidhru l-kummenti u tkunu tistgħu tilmħu ritratt żgħir tal-Ministru Clint Camilleri. Dan ma jistax ħlief ifisser li l-iscreenshot ittieħdet minn mobile li għandu l-kredenzjali tal-Facebook ta’ Clint Camilleri.
X’aktarx li dan ma ntebaħx li kien qed jikxef lilu nnifsu.
Clint Camilleri wiret il-Ministeru ta’ Għawdex mingħand Justyne Caruana.
Il-Facebook page erħilha u ffanga fil-kannelloni.