Il-bieraħ Kenneth Camilleri daħal il-qorti taħt suspett li kien serva ta’ messaġġier. Ismu kien issemma’ tard is-sena li għaddiet meta Melvyn Theuma kien stqarr li Kenneth Camilleri kien żaru d-dar tiegħu fi żmien li fih kien taħt pressjoni kbira minn naħa tal-aħwa Degiorgio biex igħinhom joħorġu mill-ħabs bil-libertà proviżorja.
Melvyn Theuma kien ilu jiffitta lil Yorgen Fenech biex ‘jagħmel xi ħaġa’ għaliex kien beżgħan li l-aħwa Degiorgio setgħu jieħdu xi inizjattiva biex iġibuha żewġ u jinħarġu mill-ħabs. Huwa beża’ li dawn setgħu forsi jaslu biex jikxfu mal-awtoritajiet l-involviment tiegħu fil-qtil.
Kif daħal fil-kredu Kenneth Camilleri? Lil Melvyn Theuma dan kien qallu li lill-aħwa Degiorgio kellu jserrħilhom rashom li b’xi mod kien ser “jirranġalhom” biex jinħarġu mill-ħabs bil-libertà proviżorja. Madankollu ma jidhirx li, f’dan l-istadju, Kenneth Camilleri kien daħal fid-dettall dwar kif u meta l-aħwa Degiorgio kellhom jinħarġu mill-ħabs. Melvyn Theuma jgħid li Kenneth Camilleri kien qallu biex lill-aħwa Degiorgio jwiegħdhom ħlas kull wieħed ta’ €1 miljun bħala tpattija għall-iskomdu kollu li kienu għaddejjin minnu f’Kordin.
Għaliex taħsbu li Melvyn Theuma kien emmen lil Kenneth Camilleri? Għax Kenneth Camilleri kien jaħdem fl-uffiċċju tal-prim ministru bħala bodyguard tax-Xiħ innifsu. Speċi ta, ġaladarba l-pajjiż fada’ lil Kenneth Camilleri b’ħajjet Joseph Muscat, għaliex ma kellux jafda lħitu f’idejn Kenneth Camilleri huwa wkoll?
U ġaladarba Yorgen Fenech kemm il-darba ftaħar li kien igawdi l-protezzjoni ta’ Keith Schembri, Melvyn Theuma ħaseb li Kenneth Camilleri kien ser jipproteġih ukoll bil-barka ta’ Keith Schembri. Wara kollox, Melvyn Theuma kien ingħata x’jifhem minn Yorgen Fenech li Keith Schembri ried joqtol lil Daphne u għaldaqstant kien ikun irid jostor l-identità kemm tal-assassini tagħha kif ukoll tal-imħuħ wara l-assassinju.
Hekk kif mess mal-għatba tal-qorti l-bieraħ, Kenneth Camilleri fehem li kien mistenni minnu li jwieġeb għal xi mistoqsijiet. Mistoqsijiet dwar il-messaġġ li Melvyn Theuma qal li kien irċieva mingħandu u dwar min kien għadda lil Kenneth Camilleri dak il-messaġġ. Kien tabilħaqq Keith Schembri?
Eżatt bħal Keith Schembri, Kenneth Camilleri kellu żmien twil sakemm dam l-għeluq kaġunat mill-imxijja biex jaħseb dwar kif kellu jwieġeb.
Iżda x-xenarju tal-bieraħ kompla jsir aktar makabru.
Il-bieraħ, l-aħħar mistoqsijiet lil Keith Schembri tal-Ispettur Keith Arnaud ma tħallewx isiru mill-Maġistrat Rachel Montebello. Dawn kienu mistoqsijiet dwar ħwejjeġ li Yorgen Fenech kien irrakkonta lill-pulizija wara l-arrest tiegħu. Dawn huma mistoqsijiet li għandhom jerġgħu jitqajjmu jekk Keith Schembri qatt jiġi mixli bil-qtil u kemm il-darba Yorgen Fenech isir xhud tal-prosekuzzjoni.
Iżda l-bieraħ il-persuna mixlija kienet Yorgen Fenech u x-xhud kien Keith Schembri. Keith Schembri ma kienx il-persuna mixlija u ma kienx obbligat li jwieġeb mistoqsijiet li setgħu jinkriminawh.
Is-sinjifikat tal-mistoqsijiet ta’ Keith Arnaud ma kienx daqstant dwar it-tweġibiet li ta Keith Schembri milli dwar il-fatt li dawn il-mistoqsijiet spiċċaw biex saru.
Waħda mill-mistoqsijiet kienet dwar Kenneth Camilleri. L-Ispettur Keith Arnaud staqsa: huwa minnu li Keith Schembri kien ordna lil Kenneth Camilleri biex joqtol lil Melvyn Theuma?
Ftit jiem qabel, hu u jixhed, Melvyn Theuma stqarr li kien beżgħan li Yorgen Fenech ried jeħles minnu billi joqtlu. Din il-biża’ ta’ Melvyn Theuma kienet waħda raġjonevoli ġaladarba kien hu l-persuna setgħet tixhed dwar l-involviment ta’ Yorgen Fenech. Iżda Melvyn Theuma ma kienx semma’ lil Yorgen Fenech biss. Melvyn Theuma kien beżgħan li ried jeħles minnu Keith Schembri wkoll.
Milli jidher Yorgen Fenech lill-Pulizija qalilhom li Keith Schembri ried jeħles minn Melvyn Theuma u li kien bi ħsiebu jqabbad lil Kenneth Camilleri biex jeħles minnu.
Il-bieraħ, ma tlugħ ix-xemx, Kenneth Camilleri kien għadu taħt suspett li kien il-qaddej li wassal messaġġi sensittivi. U ftit qabel inżul ix-xemx, Kenneth Camilleri ssemma’ bħala bojja. U meta ssejjaħ biex jixhed, il-Maġistrat wissietu li ma kienx obbligat li jixhed jekk kellu l-biża’ li seta’ jinkrimina ruħu u li, jekk jagħżel li jixhed, dak li jgħid seta’ jintuża kontrih.
Huwa rringrazzja lill-Maġistrat u lebbet ‘il barra.
U issa Keith Schembri jidher li huwa persuna ta’ interess mhux biss f’delitt wieħed ta’ qtil iżda forsi wkoll f’konfoffa kriminali biex jitwettaq qtil ieħor biex jitgħatta l-ewwel wieħed.