Aktar kmieni llum ktibt dwar il-mistoqsijiet finali li għamel il-bieraħ l-Ispettur Keith Arnaud meta quddiemu kellu lil Keith Schembri bħala xhud fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech. Dawn kienu mistoqsijiet li jien ħassejt li saru biex ikunu saru u mhux b’xi aspettattiva li Keith Schembri kien ser jiżvela xi ħaġa bit-tweġibiet tiegħu.
Il-bieraħ, qabel Keith Schembri tela’ fuq il-pedana tax-xhieda, il-Maġistrat Rachel Montebello staqsiet lill-Pulizija jekk humiex jikkunsidraw lil Keith Schembri bħala wieħed mill-persuni suspettati bil-qtil.
M’hemmx dubju li, għal xi raġuni, l-Pulizija mhix lesta li tixli lil Keith Schembri bi qtil. U l-Pulizija naqset li tixlieh dwar affarijiet oħrajn bħal tixħim, ħasil ta’ flus, ġurament falz, eċċetra.
L-aħħar darba li l-Pulizija għamlet stqarrija formali dwar Keith Schembri kienet meta dan inħeles mill-arrest. Dak iż-żmien, Lawrence Cutajar kien għadu Kummissarju u Joseph Muscat kien għadu Prim Ministru. Il-Pulizija kienet qalet fid-29 ta’ Novembru 2019 li ma kellhiex għalxiex iżżomm lil Keith Schembri taħt arrest.
Iżda l-bieraħ l-Ispettur Keith Arnaud ma riedx jagħti l-impressjoni li Keith Schembri m’huwiex taħt suspett u għamel użu mill-kliem ‘person of interest’ biex iwissi lill-Qorti li l-Pulizija m’humiex jeskludu li jixlu lil Keith Schembri fil-ġejjieni.
Qabel beda’ jixhed, il-Maġistrat wissiet lil Keith Schembri li dak li kien ser igħid jista’ jintuża kontra tiegħu u li ma kienx obbligat iwieġeb jekk ħaseb li seta’ jinkrimina ruħu. Keith Schembri kien wiegħed li kien ser jgħid il-verità kollha. U hekk għamel à la Keith Schembri.
L-Ispettur Keith Arnaud jidher li jaf xi jfisser meta wieħed jixhed b’mod li jista’ jinkrimina ruħu. Għaldaqstant ma setgħax stenna li jkollu meta kkonfronta lil tweġiba Keith Schembri b’diskors li Yorgen Fenech kien qal lill-Pulizija dwaru.
Lill-Pulizija, Yorgen Fenech qalilhom li Keith Schembri kien stiva bejn €75,000 u €80,000 fi flus kontanti f’basket u għaddihom lil Yorgen Fenech in kwantu għal sehemu tal-ispejjeż marbutin mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-qtil kien xogħol numru ta’ persuni u Keith Schembri kien wieħed mill-perċimes. Jeħtieġ niftakru li Melvyn Theuma jgħid li Yorgen Fenech għaddielu €150,000 biex seta’ jħallas lill-aħwa Degiorgio biex dawn joqtlu lil Daphne.
Issa rridu niftakru wkoll li din il-mistoqsija setgħet tinkriminah u l-Maġistrat waqqfet il-mistoqsija qabel setgħet tiġi mwieġba.
Iżda din il-mistoqsija issa se tibqa’ mdendela fuq ras Keith Schembri. Il-mistoqsija li għamel l-Ispettur Keith Arnaud ma kienitx waħda mqanqla mill-kurżità. Lanqas ma kienet motivata minn xi xewqa minn naħa ta’ min għamel il-mistoqsija li jġiegħel lil Keith Schembri jidher f’dawl ikraħ. Keith Schembri jista’ jixli lil Keith Arnaud li jinsab ħaġa waħda man-Nazzjonalisti daqs kemm Adrian Delia jista’ jixli lil Melvyn Theuma li huwa ħobża u sikkina ma’ tal-Labour.
Il-mistoqsija ma saritx mingħajr skop.
Minn issa ‘l quddiem, jeħtieġ li nkunu ċari. Meta nirreferu għal Keith Schembri, ma nistgħux nirreferu għalih aktar bħala dak li kien iċ-chief of staff tal-prim ministru, s-sid ta’ kumpannija fil-Panama, riċevitur ta’ flus ġejjin tixħim minn 17 Black, il-moħħ wara r-rebħiet elettorali tal-Labour, il-prinċep tad-dlamijiet u s-setgħa ta’ wara t-tron.
Qed nitkellmu fuq persuna li l-pulizija għandhom suspett li kien ħallas il-flus u ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Xtarru ftit fuq dan.