Għada mistenni li jixhed Owen Bonnici quddiem il-bord tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Jista’ jagħti l-każ li ser ikollu jispjega l-għala kuljum kien jiċċensura l-protesti li kienu jsiru fil-Belt Valletta favur il-verità u l-ġustizzja għal Daphne u dan sakemm il-qorti ddikjaratu ħati talli kiser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u talli żera’ l-firda fil-pajjiż. Jew forsi ser jiġi mġiegħel jispjega kif seta’ jilbes żewġt ikpiepel f’daqqa: bħala avukat personali ta’ Joseph Muscat u bħala Ministru tal-Ġustizzja fil-każ tal-inkjesta dwar l-iskandlu Egrant.

Jista’ jagħti l-każ li ser jagħmel bħalma għamlu l-kollegi tiegħu u jgħidilna li ma kien jaf xejn dwar dak li Joseph Muscat kien qed iħawwad fil-borma, li hu qatt ma kien fost dawk li kienu jieħdu d-deċiżjonijiet, li hu kien barra mill-kabinett tal-kċina u li fil-fatt lil Joseph Muscat qatt ma kien ħamlu. X’taqbad tagħmel?

M’hemmx dubju li issa nbeda’ l-proċess li permezz tiegħu qed jippruvaw iħassru l-immaġni tagħhom stess minn ma’ dik ta’ Joseph Muscat. Evarist Bartolo, Edward Scicluna, Chris Fearne: permezz tax-xhieda li taw, dawn ilkoll ippruvaw iħassru lil Joseph Muscat mill-imgħoddi tagħhom. Eżatt kif Stalin kien ipprova jħassar il-memorja ta’ Trotsky.

Agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-filmat li nġibed fl-2017 li m’hu xejn ħlief filmat ta’ propaganda li Owen Bonnici kien xandar fuq il-Facebook biex iħajjar lill-votanti jerġgħu jivvutawlu. F’dan il-filmat Joseph Muscat jidher jagħmillu riklam: “meta lil Owen Bonnici nagħtiħ biċċa xogħol x’iwettaq, naf li x-xogħol li ngħaddilu jagħmlu sewwa.”

Meta għada jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda, Owen Bonnici dan il-filmat għandu jżommu f’moħħu.