Għandna għalxiex inħossu xi ftit tal-imrar. L-ordni li nħarġet mill-qorti l-bieraħ biex il-ġid ta’ Keith Schembri jiġi ffriżat waslet, kif stqarrew diversi kummentaturi, erba’ snin tard. Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li kiteb dwar din il-kwistjoni Jacques Rene Zammit.
Dak li seħħ il-bieraħ kien messu seħħ fiż-żmien meta kienu nkixfu l-Panama Papers. Żmien li matulu l-prim ministru tagħna baqa’ jirrepetilna li ċ-chief of staff tiegħu ma kien għamel xejn ħażin meta ħoloq kumpanniji sigrieti barra minn pajjiżna biex iservulu ta’ karus għal flejjes li bank ordinarju kien jaħsibha darbtejn biex jipproċessa.
Kien hemm ħafna ħażin. U dak li kien ħażin dakinhar, baqa’ ħażin sal-lum. And nothing new has been revealed to justify this.
Aktar tard, f’April 2017, Daphne Caruana Galizia kien irnexxielha ddomm kullana ta’ informazzjoni. Fuq naħa waħda kien hemm l-istruttura Willerby ta’ Brian Tonna li nkixfet mill-Panama Papers. U fuq in-naħa l-oħra, bis-saħħa ta’ għejjun li kellha, kixfet il-fatt li Keith Schembri kien qed juża s-servizzi tal-Pilatus Bank.
Dawn iż-żewġ biċċiet ta’ informazzjoni wassluha għal konklużjoni li kienet diġà ġibdet fl-2013 meta l-gvern Laburista l-ġdid ħareġ bl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. Skema li nitnet minn ġuf ommha u li tat opportunità lil Keith Schembri biex jabbuża mis-setgħa li kellu.
Issa stennew li ser jibqgħu iwerżqu li huma innoċenti. Iżda fiż-żmien meta Daphne kient kixfet l-istorja dwar it-tixħim mill-bejgħ ta’ passaporti lil ċittadini Russi, dawn ma kienu ċaħdu xejn. U lil Daphne, l-persuna li kixfet l-istorja bis-saħħa tal-investigazzjoni li kienet għamlet, għamlulha kampanja ta’ vilifikazzjoni li baqgħet sejra sakemm eliminwha b’karrozza-bomba.
L-istorja kompliet tingħad il-bieraħ minn wieħed mill-protagonisti tagħha. Dakinhar li Daphne Caruana Galizia kixfet l-istorja li ċ-chief of staff tal-prim ministru kien ixxaħħam mill-bejgħ tal-passaporti, ebda wieħed mill-istituzzjonijiet tal-istat ma ċċaqlaq. Mill-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia rriżulta li l-attitudni tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u fil-kwartier ġenerali tal-pulizija kienet fis-sens li ġaladarba kienet Daphne li kitbet dwar provi li jeżistu, allura kellhom jieħduha li dak li kitbet dwar ma kienx minnu. Għaliex il-kitba u l-investigazzjonijiet ta’ Daphne “kienu biss blog” u ħadd ma kellu għalfejn joqgħod “jiskomoda” lil Keith Schembri biex jikxef dawk il-flus minn fejn kienu ġejjin.
Kienet għal din ir-raġuni li l-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien ħa l-kwistjoni f’idejh. Huwa kien qabbad grupp żgħir ta’ persuni biex jiflu numru kbir ta’ dokumenti li l-pulizija ma kellha ebda rieda li tiflihom. Dawn id-dokumenti ma kienux inkixfu bis-saħħa ta’ mandati ta’ sekwestru jew ta’ xi digriet tal-qorti iżda bis-saħħa ta’ investigazzjoni ġurnalistika u nformazzjoni ġejja mill-whistle-blowers.
U l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ġabar il-provi kollha u ħadhom il-qorti. Dan kien f’Mejju 2017 lejliet l-elezzjoni ġenerali.
Lil Simon Busuttil ippruvaw jirredikolawh ukoll u qalu li fil-qorti kien ħa salt boxfiles vojta. Kien hemm uħud li għoxew bid-daħk għax ħasbu li l-qorti kienet ser taċċetta turrun ta’ boxfiles vojta.
Il-gvern ta’ Joseph Muscat kien qal li dan kien kollu gideb. Keith Schembri kien il-qaddej tal-poplu qalulna. u kandidat ġdid mal-Partit Laburista ntbagħat fuq Xarabank biex jipperswadi lill-votanti jerġgħu itellgħu lill-imgħallem ta’ Keith Schembri fil-gvern. Kien hu li għen biex Keith Schembri kompla jingħata l-kenn minn xi spettur tal-pulizija jew avukat ġenerali li għandu moħħu f’loku.
L-inkjesta li tnediet grazzi għall-inizjattiva ta’ Simon Busuttil intemmet wara tliet snin. Minnha nnifisha, din hija tebgħa fuq is-sistema gudizzjarja kriminali ta’ pajjiżna. Bil-kemm wieħed jemmen li l-aħbar dwar il-konklużjoni tal-inkjesta tqieset bħala aħbar tajba għaliex għad hemm inkjesti oħrajn li għadhom għaddejjin. Dan id-dewmien kollu huwa redikolu minnu nnifsu. Jeħtieġ niftakru madankollu li l-maġistrat li nediet l-inkjesta hi maġistrat full-time li trid ukoll tlaħħaq max-xogħol tagħha ta’ kuljum kif ukoll ma’ inkjesti oħrajn. U bħalha hemm ukoll maġistrati oħrajn.
U minħabba din is-sitwazzjoni, l-avukat ġenerali u l-pulizija qed jiggranfaw ma’ skuża biex jibqgħu ċassi u ma jagħmlu xejn. Din m’hi skuża xejn għaliex il-pulizija hi fid-dmir li tiċċaqlaq minnufih meta jkollha xamma tat-twettiq ta’ delitt krinminali. iżda, skont Peter Grech u Lawrence Cutajar “ma kellhom jiskomodaw lil ħadd minħabba rapport imxandar fi blog”.
Issa li x-xogħol tal-inkjesta maġisterjali ntemm, dawn m’għandhomx għażla ħlief li jiċċaqalqu u jmexxu kontra Keith Schembri u Brian Tonna dwar kwistjoni li ilna nafu biha għal erba’ snin. U li huma stess ilhom jafu biha għal dan iż-żmien kollu wkoll.
Għandna għalxiex inħossu xi ftit tal-imrar.