M’għandniex xi ngħidu, m’għandniex għalxiex noqgħodu niżżu ħajr lill-istituzzjonijiet tagħna għaliex dawn f’daqqa waħda qamu mir-raqda ħelwa li kienu fiha u ffriżaw il-ġid ta’ Keith Schembri meta dan il-pass kien messhom għamluh erba’ snin ilu.

Iżda jeħtieġ li nirrikonoxxu li l-affarijiet żviluppaw ħafna aktar milli seta’ mmaġina Keith Schembri wara li f’April 2017 kien qara’ dak li kienet kitbet Daphne Caruana Galizia meta din kixfet il-ħadma li kien wettaq fil-Pilatus Bank.

Dan ċertament qatt ma stenna li l-ġid tiegħu, dak ta’ martu, ta’ wliedu, tal-ġenituri tiegħu, tal-accountants tiegħu u tal-kumpanniji tiegħu kien ser jiġi ffriżat bis-saħħa ta’ ordni tal-qorti. Jew għallinqas dan ma mmaġinaħx sa Novembru li għadda, meta kien ġie arrestat Yorgen Fenech u d-dinja ta’ Keith Schembri bdiet tiġġarraf.

Issa jinsab jissielet biex jibqa’ jċafċaf fil-wiċċ. Jirreżistuh hemm l-ilħna ta’ dawk li f’April 2017 waħidhom bdew mixja li issa ngħaqdu magħha eluf oħra. Daphne Caruana Galizia, l-għejjun tagħha u l-whistleblowers li għaddewlha l-informazzjoni, bdiet dan kollu erba’ snin ilu. Wħada minn dawn l-għejjun nafu li spiċċat fl-eżilju għax beżgħet għal ħajjitha. Wara li qatlu lil Daphne, bosta kienu dawk li fehmu li kellha raġun biex tbiegħ.

Simon Busuttil tilef il-ħajja politika tiegħu: politiku rett li ma jagħmlilx kompromessi. Karatteristiċi li ma ssibhomx b’nemes fost bosta politiċi li għandna llum fiż-żewġ naħat tal-Parlament tagħna. Fi żmien meta pajjiżna tant kellu bżonn li jitnaddaf, kien ikun il-mediċina li konna neħtieġu. U minkejja dan, mhux biss ġie megħlub minn Joseph Muscat iżda spiċċa wkoll immalafamat u umiljat mis-suċċessur tiegħu Adrian Delia li għadu sal-lum jieħodha kontra kull min kien spalla ma’ spalla ma’ Simon Busuttil.

Ikun tajjeb li kieku, fl-elezzjoni li ġejja, il-votanti jagħtu tweġiba wara li fl-2107 il-vot tagħhom issejjes fuq “l-akbar gidba fl-istorja politika ta’ Malta”:  il-gidba li nxterdet minn Joseph Muscat. U forsi wkoll dalwaqt issir ġustizzja politika dakinhar li Adrian Delia jinqala’ ‘l barra jekk għal xejn, sforz il-kampanja li għamel biex jiskredita lil Jason Azzopardi u lil Karol Aquilina talli dawn baqgħu spalla ma’ spalla mal-avversarju ta’ Keith Schembri, Simon Busuttil.

Iżda dan is-sodisfazzjon għad irid javvera ruħu.

Keith Schembri jinsab konfrontat minn dawk in-nies qalbiena kollha – xi kultant mgħajjra mġienen, iffissati, li jriduha ta’ qaddisin mixjin fl-art – jiġifieri l-klikka ta’ Daphne, tabella li vvintawha biex isservi ta’ insult għal dawk il-persuni li għal xhur u snin sħaħ inġabru fit-toroq biex jinsistu li ssir il-ġustizzja.

Jinsab ukoll konfrontat mill-familja ta’ Daphne li dejjem insistew li m’huwiex biżżejjed li jintefgħu l-ħabs dawk li qatlu lil ommhom. Iżda jeħtieġ ukoll li dawk li huma responsabbli għad-delitti kriminali li hi kienet kixfet jiġu mġiegħelha jħallsu ta’ għemilhom u ma jibqgħux igħadduha lixxa.

kien bis-saħħa ta’ dawn in-nies kollha li l-istituzzjonijiet qamu min-ngħasa ħelwa li kienu fiha u bdew juru snienhom ma’ dawk li sa ftit ilu ħadd ma seta’ jmisshom. Ma ġara’ xejn jekk dawn qamu fuq tagħhom għaliex issa wasal biex jixxandar ir-rapport tal-Moneyval. Ma ġara’ xejn jekk l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne tnediet (wara ħafna xhur ta’ llużingar) biex jagħlqu ħalq il-Kunsill tal-Ewropa.

Lill-gvern Laburista qatt m’aħna ser jirnexxielna nġiegħluh jaħdem b’entużjażmu b’riżq il-ġustizzja għax dan jaf li fl-aħħar mill-aħħar ikollu jħallas prezz qares: jiġifieri snin twal fl-oppożizzjoni. Jekk dan ma jagħmlux minn jeddu, għallinqas għandna għalxiex nifirħu li bis-saħħa ta’ leħinna u tal-verità, irnexxielna niffriżaw il-ġid ta’ Keith Schembri.

Għadna l-bogħod milli naraw il-ġustizzja titwettaq. Iżda ser ngħidilkom għaliex mal-imrar għandu wkoll ikun hemm il-ħlewwa.

Is-sekwestru li sar, ipparagunawh ma’ dak li kien għamel Chris Cardona lil Daphne li kienet biss qed twettaq ix-xogħol tagħha ta’ ġurnalista.

Sa biss sena ilu kulħadd kien jaf li, f’dan il-pajjiż, jekk ridt tara n-negozju tiegħek jirnexxi u jikber, kien jeħtieġ li tinvolvi miegħek lil   Keith Schembri bħala parrinu u li l-approvazzjoni tiegħu kienet meħtieġa daqs il-ħobż li nieklu kuljum. ipparagunaw dan mal-lista twila ta’ kumpanniji li fuqhom il-bieraħ ħarġet ordni ta’ friżar. Issa ħadd ma jista’ jmiss man-negozji tiegħu.

M’għandniex xi ngħidu, m’huwiex ser imut bil-ġuħ għaliex min jaf kemm għandu ġid moħbi. Iżda ċertament mhux ser ikun jista’ jirriċikla dan il-ġid fin-negozji lokali tiegħu.

Lil Keith Schembri tant ħadd ma seta’ jmissu li Joseph Muscat baqa’ jagħtih il-kenn għal erba’ snin sħaħ wara li nkixef l-iskandlu tal-Panama u saħansitra lid-deputat mexxej tiegħu kien qallu li hu biss li seta’ jiddeċiedi dwar il-futur taċ-chief of staff tiegħu. U issa, anki li keku kellhom imorru jieklu barra flimkien, Keith Schembri mhux ser ikun jista’ jħallas il-kont tal-ikel bil-credit card tiegħu.

Jista’ jkun li dawk li ħadd ma seta’ jmisshom xorta waħda jgħadduha lixxa u ma jiħdux dak li ħaqqhom. iżda llum m’għadhomx intokkabbli. Dawn issa għandhom dell skur fuqhom. Dawk ir-rgħiba u lagħqa kollha li kienu jduru madwar Muscat u Schembri qishom dubbien, issa qed jitbiegħdu minnhom.

U issa jinsabu waħidhom u mwerwrin.

Għandna biex inkunu kburin. Għadna ma wasalniex u l-mixja trid tkompli.

Iżda jeħtieġ li l-morr induquh flimkien mal-ħelu.