Dalgħodu Louis Grech qal li l-Panama Papers “ma kienux aċċettabbli” għall-gvern Laburista. Skont il-MaltaToday, Louis Grech qal: “Għamilna ħafna ġid u wettaqna l-manifest u ksibna drittijiet ċivili. M’għandhomx jissemmew biss l-aspetti negattivi iżda dawk pożittivi wkoll. Iva ma kienux aċċettabbli. Konrad Mizzi u Keith Schembri ħolqu problemi enormi. Kont kellimt lil Mizzi li kien weġibni li kien għamel xi ħaġa etikament skorretta iżda li ma kienitx legalment skorretta”.

Jekk kienet ħaġa etikment skorretta, għamel ħażin li ma tkellimx. B’diskors bħal “ma naf xejn”, “ma kontx fil-kabinett tal-kċina”, “Joseph Muscat iddeċieda waħdu”, Louis Grech m’għamel xejn ħlief irredikola ruħu. Allura x’kien hemm li ma kienx aċċettabbli? Il-fatt li Konrad Mizzi (u Keith Schembri) ħolqu l-kumpanniji sigrieti fil-Panama jew għaliex kienu nqabdu?

Biex kien inkwetat Louis Grech dak iż-żmien? Bid-delitt kriminali li kien seħħ jew bil-fatt li kienu nqabdu?

Meta nkixfu l-Panama Papers, l-Oppożizzjoni kienet sejjħet għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi. U Joseph Muscat, biex jiddefendih, kien laqqa’ l-Konferenza Ġenerali tal-Labour. Tistgħu ssegwu hawn estratt mid-diskors ta’ Konrad Mizzi dakinhar.

Daphne Caruana Galizia kienet segwiet id-diskors u l-għajnejn ta’ seqer li kellha lemħu l-ħarsa fuq l-uċuħ ta’ Joseph Muscat u ta’ Louis Grech hekk kif ġew għajn m’għajn.

 

Dik il-ħarsa ma kienix tfisser  “ma naf xejn”, jew “din mhix aċċettabbli”, jew “din etikament skorretta”. Ma nkunux nafu xi jkun għaddej minn taħt il-mejda iżda, kif darba stqarr poeta mill-Kolombja, “il-ġenbejn ma jigdbux”.

B’ħarsithom riedu jgħidu “ser jirnexxielna ngħadduha lixxa”.

M’għaddejtuhiex lixxa, Louis. U din kienet ir-raġuni għall-assassinju ta’ Daphne. U issa ser jgħarralek jekk mingħalik li ħarstek ser twassal biex Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Brian Tonna, Keith Schembri u l-bqija tal-konġuristi – li magħhom int ħawwadt fil-borma – jerġgħu jgħadduha lixxa għal darb’oħra.