Joseph Muscat illum fetħilha kontra l-blogger Amerikan dwar il-kriminalità finanzjarja Kenneth Rijock u għajjru “frodist” wara li l-Amerikan kiteb b’ċertu dettall dwar investigazzjonijiet li ilu jgħid li qed isiru dwar l-imġieba tal-eks prim ministru. Kenneth Rijock kiteb li l-awtoritajiet Taljani qed jinvestigaw lil Joseph Muscat. U Joseph Muscat wieġeb li dan m’huwiex minnu.

Issa jien mhux bi ħsiebni noqgħod naħlef għal Kenneth Rijock u għall-għejjun tiegħu. Iżda ma skantajtx li, għalih, Joseph Muscat huwa suġġett ta’ interess. F’dawn l-aħħar 3 snin iltqajt ma’ bosta ġurnalisti li kienu mejtin biex ikollhom l-opportunità li jikxfu lil Joseph Muscat. Għal bosta bloggers li jiktbu dwar il-kriminalità finanzjarja, l-eks prim ministru tagħna huwa persunaġġ mill-aktar interessanti.

Milll-banda l-oħra, kemm il-darba smajt lil Joseph Muscat igħajjar lil ħaddieħor “frodist” u tgħallimt inqis il-fehmiet tiegħu dwar ħaddieħor b’ċerta kawtela.

Imbagħad hemm dak il-filmat klassiku tal-eks prim ministru fgat f’demmu waqt dibattitu parlamentari hu u jhedded lil Simon Busuttil li kien bi ħsiebu jikxef stejjer dwar l-eks mexxej tal-PN li bis-saħħa tagħhom ikun jista’ jeżiljah minn Malta għal dejjem. Dakinhar Muscat lil Busuttil għajjru “frodist”. M’għandniex xi ngħidu, dan l-egħmil ta’ Joseph Muscat ma kienx ħlief teatrin mill-bidu sal-aħħar.

Dakinhar kienet ixxandret l-aħbar li Chris Cardona kien gideb meta stqarr li lil Alfred Degiorgio ma kienx jafu. Dan inkixef li kien attenda festin li seħħ madwar pixxina mal-allegat assassin ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-gvern ta’ Joseph Muscat dakinhar kien taħt pressjoni kbira u kienu jeħtieġ lil xi ħadd fuq min iwaħħal.

Illum permezz tal-Facebook, Muscat fakkar f’persuna oħra li hu kien għajjar “frodista”. Fil-fatt lil Maria Efimova kien xlieha li hi spija u aġent doppju għal Vladimir Putin. Dawn ix-xiljiet li għamel ma kienu xejn ħlief  ħmerijiet. U llum reġa’ rrepeta x-xilja li Efimova kienet iffalsifikat il-firem: xilja li suppost kellha tiġi pruvata fl-atti tal-inkjesta Egrant iżda li fil-fatt ma ġiet pruvata xejn. Jekk fil-fatt kienu ġew falsifikati l-firem, dawn seħħew band’oħra. Staqsu lil Karl Cini.

Għandu jingħad li kien bis-saħħa ta’ Maria Efimova li l-Pilatus Bank – makna tal-ħasil tal-flus ta’ diversi tiranni, dittaturi u ħallelin, kif ukoll ta’ Keith Schembri – spiċċa biex iġġarraf. “Frodista” tabilħaqq!

Li kieku kont minnek, Sur Joseph Muscat, kont ninżel minnufih minn fuq dak il-pedestall li mingħalik tinsab imxabbat fuqu għax tassew ma tinqalax għall-priedki.

Matul dawn l-aħħar 7 snin ta’ skandli wieħed wara l-ieħor, Joseph Muscat tkellem bħallikieku huwa xi xempju tal-indafa. Qalilna llum li Kenneth Rijock ma jifhimx fil-qasam tal-investigazzjonijiet finanzjarji. Niftakru li kien tkellem bl-istess ton meta konna sħaqna li ma kienitx ħaġa sewwa li Keith Schembri ħoloq kumpanniji sigrieti fil-Panama, fil-British Virgin Islands u fi gżejjer eżotiċi oħra madwar id-dinja.

“Intom nazzjonalisti ċwieċ,” kien qalilna b’ton simili għal dak ta’ Renè Artois ta’ Allo! Allo! kull darba li martu kien taqbdu jaqlibhielha ma’ mara oħra. “Ma tarawx li hi ħaġa normali għal negozjant li jkollu kemm Alla ħalaq kumpanniji f’ġuriżdizzjonijiet sigrieti?”

Joseph Muscat għandu ħabta li dak li hu manifestament ħażin jipprova jpinġih bħala wieħed tajjeb.

Hu u jibqa’ jgħid li ebda investigatur finanzjarju m’hu ser jikxef ma’ “terzi persuni” l-eżistenza ta’ investigazzjonijiet dwar xi ħadd, niskanta kif Joseph Muscat jippretendi li għandna ninjoraw il-konklużjoni loġika li ebda investigatur m’hu ser imur isefsef f’widnejn Joseph Muscat biex jgħidlu li huwa stess qed jiġi investigat. Jekk Kenneth Rijock mhux suppost għandu jsir jaf, wisq inqas għandu jsir jaf Joseph Muscat.

Joseph Muscat baqa’ jinsisti li m’hu mdaħħal f’ebda negozju fl-Italja. Min jaf? Mhux fl-Italja kien bi ħsiebu jibda’ negozju fil-futbol, liema negozju kien ħabbru meta f’Jannar li għadda warrab minn Kastilja? Dan in-negozju kien deher mimli dellijiet mill-bidu nett. Ma niskanta xejn jekk it-Taljani ddeċidew li jinvestigaw x’kien is-sehem ta’ Joseph Muscat f’din il-kwistjoni. Tant għandu reputazzjoni ħażina li kull pass li jagħmel iġorr miegħu id-dell tas-suspett.

Joseph Muscat kien ripetutament stqarr li fil-kwistjoni tal-Panama Papers ma kien sar xejn ħażin. Dakinhar li warrab Keith Schembri, ftit minuti qabel ma’ tkaxkar lejn il-kwartier tal-pulizija biex jiġi nterrogat dwar qtil, Joseph Muscat stqarr li tgħidx kemm huwa grat lejn dak li kien l-id il-leminija tiegħu.

Fl-isfond ta’ dan kollu, ma jidhirlux Joseph Muscat li għandu jkun ftit inqas taparsi skandalizzat dwar is-suspetti li hemm dwar l-għemil tiegħu? Wara kollox, din il-ġimgħa stess il-ġid kollu ta’ dak li kien l-id il-leminijia tiegħu ġie ffriżat minħabba aġir allegatament kriminali waqt li dan kien fil-kariga.

U dan l-għemil kriminali ma nkixifx biss f’dawn il-ġranet, tafux. L-għemil kriminali kien inkixef fl-2017 fi żmien meta Joseph Muscat kien juża l-istess ton fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ Simon Busuttil, liema ton issa qed jużah ukoll fil-konfront ta’ Kenneth Rijock. Muscat kien stqarr li min xlieh kien qed jivvinta l-gideb dwaru u dwar Keith Schembri. Issa li ġew iffriżati l-credit cards ta’ mart Keith Schembri, ta’ wliedu, tal-ġenituri tiegħu u tal-awdituri tiegħu, ftit huma dawk li għadhom jemmnu li huwa vittma tal-gideb.

Joseph Muscat ma jħabbel rasu xejn li jiċħad is-sewwa magħruf u li jattakka personalment.

F’dan l-istadju, m’huwiex daqstant importanti li nsiru nafu Kenneth Rijock għandux raġun jew lew jew huwiex kredibbli jew le. Joseph Muscat m’għadux prim ministru u r-riżenja tiegħu mill-parlament qed tintalab mhux minħabba dak li qed jikteb Kenneth Rijock fil-konfront tiegħu iżda minħabba d-deċiżjoni tal-qorti li jiġi ffriżat il-ġid ta’ Keith Schembri b’reazzjoni għal imġieba li Joseph Muscat dam jiddefendiha għal 3 snin sħaħ. Joseph Muscat m’għandu ebda reputazzjoni x’iħares u m’għandu ebda kariga pubblika.

Mill-banda l-oħra, jekk dak li qed isostni Kenneth Rijock huwa minnu iż-żmien għad jagħtina parir jekk l-investigazzjonijiet dwar ir-rabtiet mal-Italja għadx idaħħlu lill-eks prim ministru f’aktar inkwiet.

Joseph Muscat għad irid jagħti rendikont ta’ għemilu. Li hu importanti huwa dak li niżguraw li l-liġijiet tal-pajjiż igħoddu għal kulħadd mingħajr biża’ u favuri.

Joseph Muscat ta’ sikwit ifakkarna dwar dwar l-istmerrija li għandu għalina lkoll, dwar in-nuqqas ta’ ndiema li jħoss minkejja l-fatt li kellu jwarrab, dwar kemm jaf igawdi l-btajjel fl-Italja u dan minkejja dak kollu li nafu dwaru.

Sur Joseph Muscat, illum għandek tifhem li – wara l-gideb kollu li lissint u minħabba l-kriminalità li tinsab imdaħħal fiha u li nkxift li ppruvajt tgħatti – ftit huma dawk li ser jibqgħu jemmnu li int innoċenti. U dan int u tipprova tħassar id-dbabar tad-demm minn fuq il-qmis ta’ fuqek.