Wara li għadda dan iż-żmien kollu li fih intqalu u twettqu bosta affarijiet, fl-istqarrija li ħarġu llum il-membri tal-familja Gasan (aqrawha hawn taħt) jagħmlu tabiruħħom li jinsabu mbellħin bil-korruzzjoni marbuta mal-kuntratt tal-Electrogas u bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li seħħ biex titgħatta din il-korruzzjoni.

Dawn stqarrew dan li ġej: “Niddikjaraw li jekk jirriżulta li dawn l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni huma sostanzjati b’rabta mal-proġett…” Jekk? Proprju issa dan qed tistaqsuh? Ta’ Gasan igħidu li huma ma kienux ħatru membru fuq il-bord tad-diretturi għaliex huma sidien ta’ perċentwali “żgħira” ta’ 11.25% tal-ishma. Iżda anki jekk huwa minnu li ma kellhom ebda aċċess għal informazzjoni privileġġjata, ma jistax ikun li dawn ma qrawx l-istejjer li minn żmien għal żmien ixxandru fl-istampa.

Ta’ Gasan qatt m’għadditilhom minn rashom x’setgħet kienet ir-raġuni l-għala d-dokumenti tal-offerta għal dan il-kuntratt kienu tfasslu daqshekk malajr wara l-elezzjoni tal-2013? Ma rawhiex stramba li l-kumitat tekniku kien immexxi minn Brian Tonna, bniedem li kien ukoll l-awditur ta’ seħibhom Yorgen Fenech?

Meta dak li ffinanzja l-proġett Gasol inqala’ ‘l barra għaliex kien falla, ma skantawx ta’ Gasan li l-offerta tagħhom għal dan il-kuntratt tal-gvern ma żvintatx? Ma tbellħux dakinhar li l-gvern ippermettielhom idaħħlu magħhom lill-azzjonist ewlieni u li jibqgħu jikkompetu?

Ta’ Gasan ma rawhiex stramba meta l-finanzjament imwiegħed mill-konsorzju tagħhom spiċċa biex għereq flimkien mal-Gasol, il-gvern qabel li jipprovdi garanzija lill-banek tagħhom biex jiġi finanzjat il-proġett? Ma skantawx li l-gvern kien qed jippermettilhom igawdu l-profitti mill-kuntratt filwaqt li l-gvern stess kien qed jitgħabba bir-riskji għal ċertu żmien?

Ta’ Gasan għandhom esperjenza vasta fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Ma tbellħux bix-xorti tajba li messithom meta rebħu l-kuntratt fi żmien rekord minkejja t-taħwid li kienu sabu ruħħom fih? F’kemm il-kuntratt mirbuħ minn Gasan, il-gvern hu marbut li jħallsilhom it-taxxa wara li dan ikun ġie ffirmat?

Ta’ Gasan qatt iffirmaw kuntratt fejn il-gvern aċċetta li jipposponi l-ħlas ta’ penalitajiet għaż-żmien kollu tal-kuntratt, li jaħfer ħlasijiet ta’ imgħax u li jinnewtralizza l-ammont dovut bi spejjeż ekwivalenti fi tmiem il-kuntratt biex b’hekk ikun effettivament ħafer il-penalitajiet għal kollox?

Ma stagħġbux ta’ Gasan bix-xorti tajba li kienet messithom? Tgħid dawn ħasbu li r-regoli bażiċi tan-negozju, jiġifieri li kollox għandu prezzu, li dak li hu sewwa ma jaqax faċilment f’ħoġor in-nies u li biex taqla’ l-flus minn kuntratti tal-gvern trid tkun għamilt l-aħjar offerta – regoli li ta’ Gasan ilhom jafu bihom mill-bidu tas-seklu 20 – ma kellhomx igħoddu għall-kuntratt tal-Electrogas?

Mingħajr ma għamlu użu mill-kelma “inġenwinità”, ta’ Gasan bħal donnhom riedu jiġġustifikaw ruħħom għal dak kollu li mar żmerċ f’dawn l-aħħar 7 snin. Ġabu ruħħom l-istess bħal dawk il-ministri li stqarrew li Konrad Mizzi wera’ kemm kien inġenwu meta ħoloq kumpannija sigriet fil-Panama proprjeta ta’ trust sigrieta fi New Zealand. Inġenwu? Tgħid ma rikibx f’xi karrozza ma’ xi ħadd li ma jafux għaliex kien mwiegħed ġelat b’xejn? Tgħid ġietu f’moħħu l-idea li joħloq kumpannija fil-Panama fi triqtu lejn il-knisja tan-Nażżerenu f’Tas-Sliema biex jisma’ quddiesa?

Ma nagħmlux mod li ta’ Gasan – familja magħrufa għall-ħila tagħha li tagħmel il-flus u li tikkonkludi n-negozji – f’daqqa waħda saru ta’ subgħajhom f’ħalqhom?

M’hemm ebda “jekk”. Kull min inxtralu ġelat minn persuna li ma jkunx jafha għandu malajr jintebaħ li xejn ma jsir għal xejn. Anki li kieku kellna naċċettaw li ta’ Gasan qatt ma “pparteċipaw, appoġġjaw jew kienu jafu bil-korruzzjoni”, dawn ċertament gawdew minnha. Mhux hekk biss. Iżda kienu fehmu minn kmieni li xorti tajba bħal din ma taqax mis-sema b’kumbinazzjoni u li, ġaladarba komplew jirbħu l-imħatri, xi ħadd fuq in-naħa tagħhom kien qed jirranġa kollox minn taħt.

Bħalissa qed niftakar fix-xorti tajba mmens li kien igawdi Alfred Degiorgio meta kien jilgħab il-flus fil-Portomaso Casino. Mhux possibbli li wieħed jilgħab €500,000 fil-casinò, igħaddihom mis-sistema u joħroġ minnha b’telf ta’ mhux aktar minn €30,000. Jekk dan iseħħ – kif fil-fatt seħħ – ibqgħu ċerti li l-logħba tkun waħda mbagħbsa.

Għalkemm ta’ Gasan seta’ ma kellhomx rappreżentant fuq il-bord tad-diretturi tal-Electrogas, dawk kienu sidien ta’ ishma fiha. U kienu sidien ta’ dawn l-ishma permezz ta’ kumpannija oħra, GEM Holdings, li tagħha huma sidien flimkien mal-familji Fenech u Apap Bologna. Qatt m’għadditilhom minn rashom ir-raġuni l-għala Yorgen Fenech personalment kien sid ta’ madwar 10% tal-ishma fil-GEM Holdings fuq l-ishma li tal-familja Fenech kienu diġà s-sidien tagħhom?

Ta’ Gasan qatt ma ġibdu l-attenzjoni u staqsew l-għala Yorgen Fenech kellu dritt li jaqla’ 10% aktar minnhom mill-profitti tal-GEM Holdings? Qatt ma staqsewh x’kien bi ħsiebu jagħmel b’dawn il-flus? Ser nassumi li qatt ma staqsewh. Iżda qatt m’jien ser naċċetta li dawn tant huma ta’ subgħajhom f’ħalqhom li ma setgħux jifhmu għal xiex kienu ser iservu dawk l-10% speċjalment li meta l-gvern kien qed iroxx fuqhom barkata ta’ ġid bis-saħħa tad-deċiżjonijiet li kien qed jieħu.

U dakinhar li xxandru l-Panama Papers li kienu kixfu l-kumpanniji sigrieti tal-Panama ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri, ta’ Gasan possibbli li ma xammew xejn? U ma tmeżmżux meta ntebħu li Brian Tonna – l-awditur ta’ Yorgen Fenech kif ukoll il-ġudikant ewlieni dwar il-kuntratt tal-Electrogas – b’kumbinazzjoni kien ukoll l-istess bniedem li ħoloq il-kumpanniji sigrieti għal Mizzi u Schembri?

U anki li kieku baqgħu ma ntebħux, possibbli li qatt ma rabtu x-xorti tajba li missithom mal-kxif tal-iskandlu dwar 17 Black f’April 2018? Ma ħassewx il-mortifikazzjoni li jgħidu li qed iħossu bħalissa meta f’Ottubru 2018 Yorgen Fenech, seħibhom fin-negozju u sid personali tal-10% tal-ishma fil-GEM Holdings, irriżulta li huwa s-sid ta’ 17 Black?

Ta’ Gasan għalfejn jaħsbu li Daphne Caruana Galizia kienet ilha li ntebħet li huma kellhom sehem f’kuntratt li gawda mill-qliegħ ġej mill-korruzzjoni? Għaliex jaħsbu li ta’ The Daphne Project din il-ħadma kien ntebħu biha ferm qabilhom? Għaliex jaħsbu li pajjiż sħiħ kien intebaħ qabilhom bir-rabta li kien hemm bejn l-Electrogas u 17 Black u l-kumpanniji sigrieti Panamiżi ta’ Schembri u Mizzi?

Tgħid ta’ Gasan ma ntebħux għax huma ta’ subgħajhom f’ħalqhom? Tgħid mhux hekk! Ma niblagħhiex li familja ta’ negozjanti ta’ esperjenza bħalma huma ta’ Gasan kienu daħlu b’għajnejhom magħluqa għal kuntratt li jiswa’ kważi €500,000,000.

Ninsabu mortifikati u xxukkjati li qed jintrabtu flimkien dan il-proġett u l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia,” qalulna. Min kitbilhom din is-sentenza għandu jitkeċċa minnufih għax ma rnexxielu jipperswadi lil ħadd.

Huma l-fatti li diġà ilhom magħrufin għal kważi sentejn li joħolqu din ir-rabta. U issa hi l-Pulizija stess li ddikjarat fil-qorti li fil-fehma tagħhom il-kuntratt tal-Electrogas kien il-motiv ewlieni wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Tiftakru dakinhar li Yorgen Fenech kien ġie arrestat ftit anqas minn sena ilu? Sa dakinhar, bosta kienu dawk li baqgħu jemmnu li kienu n-Nazzjonalisti ndannati li kienu qed jimmalafamaw lil Joseph Muscat għaliex dawn ma felħux jibqgħu taħt il-gvern Laburista. Iżda kien hemm ukoll bosta oħrajn li, hekk kif Yorgen Fenech intefa’ ġo ċella, ntebħu li Daphne kellha mitt raġun.

Dawn komplew jiftħu għajnejhom hekk kif fil-qorti l-Ispettur Keith Arnaud stqarr quddiem il-Maġistrat li fil-kumpilazzjoni dwar il-qtil kien bi ħsiebu jressaq provi dwar il-kuntratt tal-Electrogas.

Matul iż-żmien li fih inkixef l-iskandlu tal-Panama Papers, ixxandru l-investigazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia, feġġet l-istorja dwar 17 Black u ġie arrestat Yorgen Fenech, ta’ Gasan (kif ukoll Siemens,  SOCAR il-familja Apap Bologna u l-bqija tal-familja ta’ Tumas) baqgħu b’ħalqhom magħluq bit-tama li dawn l-istejjer għad jiżvintaw u jtiru mar-riħ. U fil-frattemp bwiethom kienu ser ikomplu jeħxienu bis-saħħa tal-kuntratt fuq medda ta’ 18 il-sena.

Ta’ Gasan qagħdu jistennew s’issa bit-tama li dawn l-istejjer itiru mar-riħ. U m’għandniex noqgħodu nibilgħu l-ħrejjef li dawn għadhom ma qalgħux lira waħda min-negozju. Anki li kieku dan kien minnu, l-valur tas-sehem tagħhom mill-kuntratt huwa tagħhom. Meta stqarrew li “ser jaraw kif joħorġu mill-kuntratt” riedu jfissru li għall-ishma li għandhom, jippretendu li jitħallsu. Għaldaqstant qed jammettu li n-negozju li għamlu jiswa’ l-flus. Hu x’inhu, sakemm iżommu sehemhom fil-kuntratt, dawn qed jippretendu li jirċievu l-profitti fuq medda ta’ 18 il-sena sħaħ. M’hemmx għalfejn wieħed ikun għaref ħafna biex jintebaħ b’dan.

Issa ta’ Gasan m’humiex jippretendu li jagħmlu l-profitti fuq medda ta’ snin għaliex intebħu li l-kuntratt tal-Electrogas mhux ser jibqa’ fis-seħħ għat-18 il-sena li ġejjin. Intebħu wkoll li l-korruzzjoni marbuta ma’ dan il-kuntratt issa ma tistax tiġi miċħuda b’mod kredibbli li l-kumpannija ser ikollha xxolji. U għaldaqstant ser jippruvaw inaqqsu t-telf billi jgħaddu l-ishma tagħhom lill-imseħbin l-oħrajn, partikolarment lis-SOCAR li għandu nifhem qed ixommu li dan il-kuntratt tahom reputazzjoni ħażina.

Iżda l-kumpannija tal-enerġija tal-istat tal-Ażerbajġan ma tantx ser tħabbel rasha dwar ir-reputazzjoni tagħha. Madankollu dan ma igħoddx għal ta’ Gasan li issa ma’ wiċċhom għandhom l-istmerrija ta’ poplu sħiħ.

Anki li kieku ta’ Gasan jirnexxielhom jinħollu mill-kuntratt mingħajr ma jagħmlu telf kbir, wieħed ma jista’ qatt jinsa’ li dawn servew ta’ staffa biex seħħew is-serq u l-korruzzjoni minn fuq dahar il-poplu Malti u biex twettaq assassinju ta’ ġurnalista li b’kuraġġ kbir tkellmet f’isem poplu misruq.

Ma nistax ma nsemmix ukoll lil ta’ Apap Bologna. Kif ukoll lil ta’ Fenech li għandhom il-wiċċ jippruvaw jiġbdu s-simpatija minn fuq il-Facebook dwar minn xiex kellu jgħaddi l-imsejken Yorgen tagħhom bħallikieku kien xi Nelson Mandela ri-inkarnat.

Dawn il-familji ma jistgħux jibqgħu jġibu ruħħom bħallikieku huma s-sidien ta’ pajjiżna.

Ta’ Gasan qalulna li żammew is-skiet għal erba’ snin minn dakinhar li xxandru l-Panama Papers.

Ngħidilhom ħaġa waħda biss: tistennewx li l-għemil tagħkom ser jinħafer kif ġieb u leħaq bis-saħħa ta’ xi stqarrija bħal dik li xandartu llum. Mhux biżżejjed bħala ndiema li tgħidu li “ma kontux tafu”.

Aħna għamilna ġranet sħaħ nissieltu fit-toroq.

Intom fejn kontu?