Għandi għalxiex nifhem li hemm uħud li ppretendew li, bis-saħħa tal-proċess tad-due diligence, t-tmexxija tal-PN kellha teskludi lil Adrian Delia mit-tellieqa. Jien wieħed minn dawk li jidhrilhom li, għalkemm din l-esklużjoni ċertament setgħet tagħmlu, m’għamlithiex għal raġunijiet ta’ konvenjenza politika biex Delia jkun jista’ jitlef vot b’mod definittiv permezz ta’ votazzjoni mit-tesserati. Iżda wara li qrajt ir-rapport, jidher li dan il-proċess kien pjuttost wieħed ta’ formalità. Irrid ngħid ukoll li dan ir-rapport huwa għodda f’idejn il-votanti li huma eliġibbli li jivvutaw u fih jistgħu jsibu ir-raġunijiet kollha l-għala l-vot tagħhom m’għandhomx jagħtuh lil Adrian Delia.

Wara li wieħed ikun qara’ u fela’ sewwa r-rapport, Adrian Delia m’għandux għalxiex jattira għajr il-vot tiegħu stess. M’għandniex xi ngħidu, jien m’jinix xi wieħed ta’ subgħajja f’ħalqi. U lanqas m’jien qed nippretendi li l-analiżi tiegħi ser tbiddel il-fehma ta’ min diġà ddeċieda l-vot tiegħu fejn ser imur. Iżda jidhirli li l-proċess jeħtieġ li jiġi mgħarbel sewwa u nħoss li m’għandix nibqa’ lura milli nagħmel analiżi minħabba dawk it-tesserati li jagħżlu li jinjoraw il-kitba tiegħi.

Agħtu daqqa t’għajn lejn ir-rapport sħiħ hawnhekk.

Ejjew ngħarbluh biċċa biċċa.

Soho

Ir-rapport jittratta dwar il-kont bankarju ta’ Jersey li kien is-suġġett ta’ kontroversja taħraq tliet snin ilu fis-sajf tal-2017 ftit wara li tfaċċa Adrian Delia fix-xena għall-ewwel darba. Dan jagħmel sunt tal-allegazzjonijiet li f’ismu Adrian Delia kellu kont bankarju biex permezz tiegħu seta’ jaħsel flejjes ġejjin mill-qliegħ ta’ ċirku ta’ prostituzzjoni f’Soho, Londra.

Ir-rapport isemmi l-iskuża li kien ġab Adrian Delia li ma setax jiftakar l-eżistenza ta’ dan il-kont bankarju u li l-bank tiegħu ma jżommx records li jmorru daqshekk lura fiż-żmien; li l-firma tiegħu fuq id-dokumenti, li jippruvaw l-involviment dirett tiegħu, kienet ġiet falsifikata; u li kien biss l-avukat ta’ sid il-proprjetà li, minn naħa tiegħu, ma kienx imdaħħal fiċ-ċirku tal-prostituzzjoni.

Ir-rapport ikompli jgħid li “jekk” l-allegazzjonijiet huma minnhom,  Adrian Delia m’huwiex dehen li jikkontesta għal kariga pubblika. L-allegazzjonijiet jibqgħu mhux pruvati u huma miċħuda. Iżda hemm għadhom. Fit-tliet snin li ilu fil-ħatra, Adrian Delia ma rnexxilux inaddaf ismu. U f’din it-tieni tellieqa, bħal fil-każ tal-ewwel waħda, għadu sal-lum jiddefendi ruħu dwar dawn l-allegazzjonijiet. Minflok jiddiskuti x’għandha tkun il-politika tiegħu għas-snin li ġejjin, il-PN kompla sal-lum jitgħaffeġ taħt il-piż tal-allegazzonijiet li saru kontra l-persuna li qed tmexxieh.

Li kieku Adrian Delia kien prim ministru u din l-istorja kellha tinkixef dwaru, kien ikollu jwarrab.

Il-klijent migdum

Il-bord ikkunsidra l-allegazzjonijiet li kienu saru minn Boris Arcidiacono. Ma ġewx verifikati l-allegazzjonijiet kollha li saru. Iżda nstab li dak li Adrian Delia ammetta li kien għamel fil-konfront ta’ Boris Arcidiacono kien “fl-aħjar ipotesi, etikament dubjuż”.

Li kieku kien prim ministru u nkixfet din l-istorja, kien ikollu jwarrab.

Il-player “maħtuf” 

Il-bord tkellem ukoll dwar l-istorja tal-player tal-klabb tal-futbol ta’  Birkirkara li, skont il-bord, kien ġie konfrontat minn Adrian Delia b’tali mod li “ma kienx daqstant aċċettabbli”. Li kieku kellhom aktar żmien, il-membri tal-bord kien ikollhom l-opportunità li jaqraw u jiflu l-proċess tal-kawża li kien għamel fil-qorti dan il-player. Dan ma jistax ħlief ifisser li l-qorti ma kienitx emmnet dak li kien xehed dwaru Adrian Delia bil-ġurament waqt li kien fuq il-pedana tax-xhieda u b’riżultat warrbet għal kollox ix-xhieda tiegħu. Iżda dan jagħmel aktar emfasi fuq il-konklużjoni ċara li ġibed il-bord fis-sens li l-imġieba ta’ Adrian Delia f’dan il-każ “ma kienitx waħda f’lokha”.

Li kieku kien prim ministru u kienet tinkixef storja bħal din, kien ikollu jwarrab.

Messaġġi ma’ qattiel

Din il-kwistjoni tittratta dwar messaġġi tal-WhatsApp li ntbagħtu lil Yorgen Fenech li ħolqu kwistjoni taħraq mal-membri tal-grupp parlamentari, dawk tal-kumitat eżekuttiv u dawk tal-kunsill ġenerali li spiċċaw biex iddeċidew li għandha ssir tellieqa ġdida għal ħatra ta’ kap.

Skont rapporti mxandra fil-ġurnali, Adrian Delia kien jibgħat messaġġi elettroniċi u jirċievihom mingħand Yorgen Fenech wara li kien diġà sar magħruf li dan huwa s-sid ta’ 17 Black, kumpannija li ntużat biex ixxaħħam lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. Araw x’intqal fir-rapport:

Il-messaġġi mas-sid ta’“17 Black” kien messhom twaqqfu ħesrem dakinhar li s-Sur Yorgen Fenech inkixef mill-istampa li huwa s-sid ta’ din il-kumpannija, għallinqas sa dakinhar li l-allegazzjonijiet li saru jkunu ġew iċċarati. Li kieku kellu jirriżulta li huwa minnu li baqa’ f’kuntatt mas-Sur Fenech, wisq aktar li kkunsidra li jaċċetta offerta biex jiekol miegħu wara li dan inkixef li huwa s-sid ta’ “17 Black”, Adrian Delia kien ikun ħati ta’ imġieba li mhix denja, liema mġieba kienet imbagħad tnawwar il-kredibilità mhux biss tiegħu iżda wkoll tal-partit li huwa jmexxi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. 

Il-bord stqarr li Adrian Delia jiċħad l-“allegazzjoni”. Iżda fil-fatt ma jagħmel xejn minn dan. Għaliex mal-membri tal-bord ilmenta li l-kontenut tal-messaġġi kienu ġew “mgħoddijin” lill-istampa mill-pulizija apposta biex jimminawh. Jekk dan huwa minnu – u jista’ jkun li huwa minnu – dak li jsejjaħlu bħala “allegazzjoni” isir fatt. Ma jibqax “jekk”. U l-kredibilità tiegħu u ta’ dak tal-partit li jmexxi tiġi mminata.

Fil-qorti l-uffiċjal investigatur Keith Arnaud kien ikkonferma bil-ġurament li l-messaġġi tal-WhatsApp li għaddew Yorgen Fenech u Adrian Delia huma awtentiċi u li r-rapport li xxandar dwarhom fl-istampa huwa korrett.

Li kieku kien prim ministru u nqabad f’storja bħal din, kien ikollu jwarrab.

Dejn

Id-dejn li Adrian Delia għandu b’rabta mal-investiment fil-Mġarr Developments Limited għadu dak li kien lejlet it-tellieqa tal-2017 għal ħatra ta’ Kap tal-Partit. U dan minkejja dak li kien stqarr fis-sens li l-kwistjoni kien ser isib tarfha fi żmien sena. Qarraq – u gideb – dwar il-ħila li għandu li jsib tarf tal-kwistjoni u sal-lum baqa’ vulnerabbli daqs kemm kien tliet snin ilu, filwaqt li baqa’ jittama li l-bank jibqa’ ikollu ħniena minnu.

Li kieku kien prim ministru u kellha tinkixef din l-istorja, kien ikollu jwarrab.

Impenji finanzjarji

Fuq minn dan kollu, Adrian Delia għandu dejn li jlaħħaq mas-€600,000. Il-bord stqarr li Delia qed ikollu “biċċa xogħol iebsa li kull xahar jipprova jlaħħaq mal-pagamenti”. Dan kollu meta wieħed jikkunsidra l-ispejjeż kbar li għandu biex imantni lil uliedu. Dan ma jistax ħlief ifisser li dan il-bniedem jinsab fix-xifer b’mod permanenti.  Minflok jaħdem biex imexxi lill-PN, mill-inqas ġimgħa minn kull xahar jgħaddiha jħabbel rasu biex jara kif ser iħallas il-kontijiet.

Li kieku kien prim ministru u kellha tinkixef din l-istorja dwaru, kien ikollu jwarrab.

Taxxi

Bħallikieku dan m’huwiex biżżejjed, Adrian Delia jinsab ukoll lura fil-ħlas tat-taxxa. Din il-kwistjoni kienet ukoll tqajjmet qabel it-tellieqa tal-2017 iżda f’Mejju 2018 kien ħabbar b’pompożità liema bħalha li kien ħallas kull sold li kellu jagħti u d-dipartiment tat-taxxa kien iddikjara bi ħruġ ta’ ċertifikat li l-kontijiet kollha dovuti sa dakinhar kienu tħallsu. Minn dakinhar ‘l hawn, dak iċ-ċertifikat m’għadu jiswa’ għal xejn għaliex minn statement li nħareġ f’Ġunju 2020 jirriżulta li, għal darb’oħra, Adrian Delia reġa’ waqa’ lura fil-ħlas tat-taxxi u weħel penalitajiet u mgħax minħabba dewmien fil-ħlas. Dan qajla jista’ jinftiehem għaliex mix-xogħol tiegħu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni jaqla’ paga fix-xahar li minnha jitnaqqas awtomatikament dak li jkun dovut f’taxxa.

Huwa dmir morali li wieħed iħallas it-taxxi, qal il-bord tad-due diligence. Il-livell ta’ mġieba mistenni mill-politiċi huwa ogħla mill-minimu mistenni miċ-ċittadini normali. Dan l-argument għamluh anki fil-konfront tar-rival ta’ Adrian Delia, Bernard Grech, li wkoll irriżulta li kien baqa’ lura fil-ħlas tat-taxxi dovuti.

Bernard Grech baqa’ lura fil-ħlas tat-taxxa u għandu jkun ġudikat fuq dan il-fatt. Fil-konfront tiegħu m’hemm ebda allegazzjoni ta’ ħasil ta’ flus b’rabta mal-prostituzzjoni, ebda ħlas ta’ dritt professjonali marbut ma kemm tkun swiet l-għajnuna li jkun ta lill-klijenti biex jiksbu self mill-bank, ebda interrogazzjoni sfurzata ta’ player tal-futbol, ebda messaġġi ma’ sinjurun magħruf li jxaħħam lill-politiċi, ebda dejn li ma jlaħħaqx miegħu u ebda battikati biex iħallas lura d-djun.

Ma nistax ma ngħidx li ninsab diżappuntat b’kandidat li offra ruħu biex jieħu post Adrian Delia bħala mexxej tal-PN li rriżulta li baqa’ lura, għal diversi drabi, fil-ħlas tat-taxxa dovuta minnu. Dan in-nuqqas ma kienx bi ħsiebni li ma nsemmieħx u m’jinix kuntent b’dak li seħħ. Bernard Grech għad irid jirbaħ il-fiduċja tiegħi u ma beda’ fuq sieq ħażina.

Madankollu dan ma jfissirx li bi ħsiebni nħalli l-gideb ta’ Adrian Delia jgħadduha lixxa (u dan kompriż il-gidba li lissen dan l-aħħar meta “ħabbar” li r-rapport tad-“due diligence” naddaflu ismu u giddeb lill-kritiċi tiegħu). Lanqas m’jien bi ħsiebni nagħlaq għajnejja għat-tmexxija ħażina tiegħu, għall-kompromessi li għamel u l-għażliet “etikament dubjużi” tiegħu.

Inġib quddiem għajnejja l-argument validu li kien għamel Roberto Benigni meta ndirizza lil dawk li jagħżlu li ma jivvutawx għaliex “il-politiċi huma kollha tal-istess pezza”. Huwa kien stqarr li min ma jivvutax ikun qed iħalli lill-folla tagħmel l-għażla hi għan-nom tiegħu. U l-folla kważi dejjem tagħżel lil Barabba.

Dan ma jfissirx li Adrian Delia hu Barabba u Bernard Grech huwa Ġesù Kristu. Jien nibqa’ nittama li huwa raġjonevoli li wieħed jistenna li l-politiċi għandhom iħallsu t-taxxi tagħhom fil-pront. Li kieku Bernard Grech kien ser itellaq ma’ xi ħadd li għandu l-kwalitajiet tiegħu iżda li jħallas it-taxxi fil-pront, kont nivvota għar-rival tiegħu.

Iżda dak li ser itellaq ma’ Bernard Grech hu Adrian Delia. u għaldaqstant jeħtieġ li l-vot imur favur Bernard Grech għaliex, dment li l-PN jibqa’ mmexxi minn Adrian Delia, ma jista’ qatt jirbaħ lil tal-Labour.

L-argument tiegħi huwa wieħed etiku. Jekk għandek id-dritt tal-vot u tibqa’ lura milli tagħmel għażla bejn Bernard Grech u Adrian Delia, ma tkunx qed tiġbed xi konklużjoni etika li ma’ jkun ġara’ xejn jekk il-politiċi jillużingaw fil-ħlas tat-taxxa. Iżda tkun qed tiġbed konklużjoni etika li ma jkun ġara’ xejn meta politiku jimmina l-ħila tal-partit tiegħu li jiġġieled kontra l-korruzzjoni u li, skont int, jeżistu biss il-purità divina jew id-dnub mejjet.

Il-vot tiegħek għandu jmur fuq Bernard Grech. Mhux għaliex huwa Ġesù Kristu jew għaliex m’għamel xejn ħażin meta baqa’ lura fil-ħlas tat-taxxa. Iżda għaliex l-alternattiva hi jew hu jew inkella Adrian Delia. Jeħtieġ li tagħmel għażla. U l-għada assigura li Bernard Grech ikun kontabbli għal għemilu. Uża moħħok. Fejn ma taqbilx, għid li ma taqbilx u ħu azzjoni. Ippretendi bi dritt li l-mexxejja tiegħek, inkluż Bernard Grech, ikollhom livell għoli ta’ mġieba.

M’huwiex żmien li tastjeni.