Fi spazju ta’ 24 siegħa, Robert Abela darbtejn qabeż il-limiti tas-setgħa li għandu bħala prim ministru u dan bil-għan li jħares l-interessi politiċi u l-interessi personali tal-mexxej ta’ qablu. Jidher ċar li l-interessi ta’ Joseph Muscat u l-interessi politiċi ta’ Robert Abela huma ħaġa waħda u ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. Jekk Joseph Muscat jiġi personalment mixli dwar it-twettiq ta’ delitti jew jiġi dikjarat responsabbli għall-falliment tal-istat sakemm dam imexxi l-pajjiż, Robert Abela se jkun meqjus responsabbli politikament talli tah il-kenn matul dan iż-żmien kollu. F’dan kollu, Robert Abela m’għandux għażla.

Araw ftit x’iwieġeb Robert Abela kull darba li tinġibidlu l-attenzjoni dwar il-fatt li Joseph Muscat għadu sal-lum membru tal-grupp parlamentari tal-Labour. Igħidilna li l-eks prim ministru “mhux qed jiġi investigat”. Din l-istqarrija kategorika ma jistax ikun li hi msejsa biss fuq dak li huwa magħruf pubblikament.

Li hi magħrufa pubblikament hi l-istqarrija li saret fil-qorti mill-uffiċjal investigatur tal-pulizija responsabbli mill-omiċidji fis-sens li huwa kien interroga taħt kawtela lil Joseph Muscat b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Li hi wkoll pubblikament magħrufa hi l-verżjoni ta’ Joseph Muscat dwar dak li qalulu l-pulizija fil-magħluq fis-sens li hu m’huwiex taħt investigazzjoni.

Fuq dan biss, ħadd ma jista’ jasal għall-konklużjoni b’ċertezza li Joseph Muscat mhux qed jiġi investigat.

Dan ifisser li l-istqarrija ta’ Robert Abela qed iserraħ fuq informazzjoni li waslitlu direttament mill-investigazzjoni. Informazzjoni li mhux suppost tinsab f’idejh għaliex hu m’huwiex uffiċjal tal-pulizija u l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għandu effett dirett fuq l-imġieba tal-kollegi parlamentari tiegħu. Prim Ministru m’għandu qatt ideffes imnieħru f’investigazzjoni kriminali, b’mod partikolari f’investigazzjoni kriminali bħal din.

Fil-qorti nkixfet u baqgħet tinkixef il-ħsara li saret bis-saħħa tal-indħil ta’ Joseph Muscat fl-investigazzjoni. Dan kien jingħata informazzjoni minn uffiċjali tal-pulizija, liema informazzjoni kienet imbagħad tispiċċa f’idejn persuni li l-pulizija eventwalment kellha tixliehom bil-qtil. Dan huwa fatt li rriżulta b’mod ċar. Smajna wkoll xhieda jistqarru li għal Joseph Muscat dan ma kienx biżżejjed: kien ukoll jitkellem ma’ ċerti persuni dwar provi li ma kienux f’idejn il-pulizija u liema provi kien jeħtieġ li jiġu wżati kontra dawn it-talin.

Dan kollu smajnieh u Joseph Muscat ġie interrogat taħt kawtela dwar dak li smajna.

Għaldaqstant ir-rimarki li għadda l-prim ministru dwar il-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat ma kienu xejn ħlief azzjoni ta’ ndħil fil-proċess ta’ investigazzjoni kriminali. F’Jannar li għadda, kienu wiegħduna li ma kienux ser jibqgħu jindaħlu. Kienu qalulna li ser jintagħżel kummissarju tal-pulizija ġdid mingħajr indħil mill-gvern u dan biex tiġi assigurata l-indipendenza tal-pulizija.

U minkejja dan, bħal fi żmien Lawrence Cutajar, il-kummissarju tal-pulizija baqa’ sieket hekk kif il-prim ministru pprova jserrħilna rasna li sħabu m’għandhom x’jaqsmu xejn.

Dan it-tip ta’ abbuż ta’ poter għandu jiġi mgħarbel mill-inkjesta pubblika indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Għalkemm strettament m’għandhiex x’taqsam mal-investigazzjoni kriminali fil-konfront ta’ dawk li ġew mixlija s’issa, din il-kwistjoni hi rilevanti għaliex tittratta dwar mistoqsija li tinbet mit-termini ta’ riferenza tal-inkjesta: jiġifieri, l-istat qiegħed jagħmel dak kollu li hu mistenni minnu u li hu meħtieġ biex jassikura li f’dan il-każ issir il-ġustizzja?

Robert Abela saħansitra qiegħed jindaħal fl-inkjesta nnifisha. Lill-membri tal-istampa qalilhom li l-inkjesta għandha tisma’ x-xhieda rilevanti li fadal u għandha tintemm sal-15 ta’ Diċembru. Lill-Imħallfin tal-bord tal-inkjesta fakkarhom li fl-Università kienu għallmuh li għandhom jinstemgħu xhieda rilevanti biss fi proċeduri ġudizzjarji u li l-istess proċess m’għandux jitwal iżżejjed.

Dak li stqarr il-prim ministru m’huwiex korrett għal diversi raġunijiet.

Robert Abela ma jistax pubblikament jaqbad u jimponi fuq il-bord il-fehma tiegħu dwar dak li jidhirlu huma xhieda rilevanti u dawk li m’humiex. X’inhu rilevanti u x’mhux ma jiddeċidieħx hu. Ċertament għandu dritt għall-fehma tiegħu – kif għandna dritt ilkoll kemm aħna – u wieħed jista’ forsi jsostni li fir-rwol tiegħu bħala prim ministru tal-gvern għandu kull dritt jesprimi fehemtu. Iżda ġaladarba l-bord qiegħed igħarbel l-imġieba tal-gvern tiegħu, kien ikun aħjar li kieku sadd ħalqu. Iżda dan mhux qiegħed jesprimi l-fehma tiegħu biss. Qiegħed ukoll jiddeċiedi li l-inkjesta għandha tintemm fi żmien qasir u b’hekk jitħallew barra ċerti xhieda meqjusin bħala rilevanti li l-bord ikun jixtieq li jixhdu quddiemu.

Skont it-termini ta’ riferenza tal-inkjesta, il-bord jista’ jimraħ lil hinn mill-iskop dejjaq tal-mistoqsija: “min qatel lil Daphne?”. Is-suġġetti tal-inkjesta huma l-allegati nuqqasijiet tal-istat kemm qabel kif ukoll wara li seħħ l-assassinju. Hi nkjesta dwar il-kawżi strutturali li jinsabu aktar fil-fond mill-motivi dojoq tad-delitt. Huwa dmir tal-investigazzjoni kriminali li jistabilixxi l-motiv billi jipprova jifhem ir-raġuni għala Yorgen Fenech kien inkwetat, irritat u rrabjat għall-fatt li Daphne kellha f’idejha informazzjoni li ġiet mgħoddija lilha dwar il-kuntratt tal-Electrogas. Iżda mbagħad sta għall-inkjesta indipendenti li tistabilixxi kif saret possibbli l-korruzzjoni fil-kuntratt tal-Electrogas u l-għala kienu tgħattew tant xtur għal dan iż-żmien kollu sa issa.

L-inkjesta indipendenti ma tammontax għal proċess ġudizzjarju minkejja l-fatt li hi presjeduta minn tliet imħallfin u qed jinstemgħu x-xhieda fil-qorti. Xogħol l-imħallfin tal-inkjesta hu li jistabilixxu l-fatti u dawn għandhom jingħataw iż-żmien kollu li jeħtieġu biex ikunu f’pożizzjoni li jistabilixxu l-fatti kollha.

Minn meta ‘l hawn li Robert Abela bdiet togħrku għajnu dwar it-tul ta’ żmien li jieħdu l-investigazzjonijiet f’pajjiżna? Il-maġistrati u l-uffiċjali tal-pulizija ilhom aktar minn 4 snin bil-provi f’idejhom dwar il-Panama Papers. Lil Robert Abela qatt ma smajtu jimponilhom żmien biex ilestu. U ninsab ċert li qatt m’jien ser nisimgħu ilissem xi diskors f’dan is-sens. Dan jikkuntrasta ferm mal-ħerqa kbira li għandu biex iwaqqaf l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne, inkjesta li qed tikxef borma wara oħra kemm għalih u kif ukoll għal sħabu.

L-istqarrija li għamel Robert Abela fis-sens li Joseph Muscat mhuwiex suġġett ta’ investigazzjoni kriminali mill-pulizija hi eżempju ieħor ta’ gvern li jipprova joħnoq lill-istituzzjonijiet indipendenti tal-pajjiż meta dawn jibdew jirfsulu l-kallijiet.

L-inkjesta tnediet bis-saħħa tal-Att dwar l-Inkjesti. Dan ifisser li l-prim ministru għandu dritt li jimponi data li fiha għandha tintemm l-inkjesta. Din hi diskrezzjoni abbużaw minnha kemm Joseph Muscat kif ukoll il-prim ministru preżenti bil-għan li jħarsu l-interessi tagħhom. Huwa ċar li l-prim ministru qed jisfrutta l-fatt li f’Malta m’għandniex liġi apposta li tirregola t-tnedija ta’ investigazzjoni indipendenti dwar l-imġieba tal-gvern u qed jiġi jaqa’ u jqum minn prinċipju ewlieni tal-liġi: jiġifieri d-dritt fundamentali għall-ħajja li ġie miċħud dakinhar li nqatlet Daphne. Dritt li qed ikompli jiġi miċħud bis-saħħa ta’ dan l-indħil abbużiv.

Dan kollu għaliex il-prim ministru għandu dritt legali li jtemm inkjesta ma jfissirx li għandu jaqbad din it-triq. Il-problema tinsab fis-saħħa legali. Joseph Muscat kellu dritt li jaħtar il-bażużli fil-ġudikatura iżda dawn il-ħatriet xorta waħda kienu jammotaw għal abbuż anti-demokratiku.

Robert Abela żelaq fin-niexef darbtejn. U fiż-żewġ drabi li żelaq wera’ li kien beżgħan li l-verità dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kienet ser toħloq problemi għalih u għall-gvern tiegħu. Hu fatt ironiku li, kieku l-inkjesta indipendenti kellha titħalla taħdem mingħajr xkiel, kien ikollha tinvestiga r-raġunijiet il-għala Robert Abela qed jipprova jwaqqafha. Għaliex ir-realtà hi li l-bord tal-inkjesta jinsab fid-dmir li jistabilixxi jekk l-istat għenx jew le biex iseħħ ġustizzja għal Daphne. U jekk iwaqqaf inkjesta qabel żmienha, Robert Abela jkun qed iċaħħad il-ġustizzja milli sseħħ.

Paragunat ma’ Joseph Muscat, Robert Abela huwa iżgħar fl-età. Huwa itwal u l-muskoli ta’ ġismu huma akbar.

Iżda jidher li l-mazz baqa’ f’idejn Joseph Muscat.